Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/310

Brussell, is-27 ta' Frar 2008

Internet dejjem aktar sikur għat-tfal

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Programm ġdid ta’ l-Internet Aktar Sikur biex iżżid is-sikurezza tat-tfal li jkunu fuq l-internet. Bl-inklużjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni riċenti mill-Web 2.0, bħan-netwerking soċjali, il-programm il-ġdid mhux biss jikkumbatti kontenut illegali iżda wkoll imġiba ta’ ħsara bħall-bullying u l-grooming. B’baġit ta’ €55 miljun, il-programm, li jkompli jibni fuq il-programm ta’ Internet Aktar Sikur ta’ suċċess li nbeda fl-2005, se jitwettaq mill-2009 sa l-2013.

“Internet aktar sikur huwa eżempju tajjeb ta’ programm Ewropew li għandu konsegwenzi diretti fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini: Hekk kif għadd dejjem akbar ta' tfal u ta’ adoloxxenti Ewropej jużaw it-teknoloġiji fuq l-internet id-dar jew l-iskola, huma, il-ġenituri tagħhom u l-għalliema tagħhom jeħtieġ li jkunu mgħarrfa dwar l-opportunitajiet u r-riskji li jiffaċċaw,” qal José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. “Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Programm il-ġdid ta’ Internet Aktar Sikur , trid tkompli bl-isforzi tagħha sabiex toħloq ambjent aktar sikur fuq l-internet għat-tfal tagħna bil-promozzjoni ta’ inizjattivi awtoregolatorji u aktar għarfien fis-soċjetà. Fejn hemm kontenut illegali fuq l-internet, se tkun żgurata azzjoni rapida u determinata mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ sistemi ta’ rappurtar imsaħħa.”

F’dawn l-aħħar snin l-UE tat kontribut kbir biex l-Internet isir post aktar sikur għat-tfal, iżda l-ħidma għadha ma spiċċatx,” żiedet il-Kummissarju għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni, Viviane Reding. “X’aktarx, il-ħtieġa għal azzjoni qed tiżdied, b’rispons għall-użi ġodda tat-teknoloġija. Konvinta li l-Programm ta Internet aktar Sikur il-ġdid se jqiegħed lill-Ewropa bħala mudell fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri mill-abbużi fuq l-internet u fuq il-mowbajls.

Il-programm il-ġdid propost:

  • Se jnaqqas il-kontenut illegali u jindirizza mġiba ta’ ħsara fuq l-internet: azzjonijiet biex il-pubbliku jkun provvdut b’punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-rappurtar ta’ kontenut illegali u ta’ mġiba ta’ ħsara fuq l-internet, li jiffukaw b’mod partikolari fuq materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal u fuq grooming.
  • Se jinkoraġġixxi ambjent aktar sikur fuq l-internet: li jrawwem inizjattivi awtoregolatorji f’dan il-qasam. Biex ikun stimulat l-involviment tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-ħolqien ta’ ambjent aktar sikur fuq l-internet, b’mod partikolari permezz ta’ panels taż-żgħażagħ.
  • Se jiżgura l-għarfien tal-pubbliku: azzjonijiet immirati lejn it-tfal, il-ġenituri u l-għalliema tagħhom. Se jinkoraġġixxi effett imkattar permezz ta’ l-iskambju ta’ l-aqwa prattiki fi ħdan in-netwerk taċ-ċentri ta’ għarfien nazzjonali. Se jappoġġa punti ta’ kuntatt fejn ġenituri u wlied jistgħu jirċievu pariri dwar kif jistgħu joqogħdu sikuri fuq l-internet.
  • Se jistabbilixxi bażi ta' għarfien billi jlaqqa' flimkien riċerkaturi involuti fis-sikurezza tat-tfal fuq l-internet fuq livell Ewropew. Se jistabbilixxi bażi ta’ għarfien dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda mit-tfal, l-effetti li dawn għandhom fuqhom, u r-riskji relatati. Se juża dan biex itejjeb l-effikaċja ta’ azzjonijiet kurrenti fi ħdan il-Programm ta’ Internet aktar Sikur.

Sfond:

Il-proposta tal-lum tqis ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika dwar Internet aktar Sikur u teknoloġiji fuq l-internet għat-tfal li twettqet minn April sa Ġunju 2007:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/public_consultation/index_en.htm

Tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tfal stess fil-forum għaż-Żgħażagħ Ewropej organizzat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Jum l-Internet Aktar Sikur 2008 (ara IP/08/207).

Flimkien mal-Programm għal Internet Aktar Sikur, ittieħdu inizjattivi politiċi oħrajn permezz tal-ftehim ta’ Frar 2007 ma’ l-operaturi ewlenin tal-mowbajls biex jiżviluppaw kodiċi awtoregolatorji biex jitħarsu l-minuri li jużaw il-mowbajls (ara IP/07/139). Aktar riċenti, l-industrija tal-mowbajls ħabbret ukoll li se twaqqaf kull aċċess għall-pornografija tat-tfal fuq il-mowbajls.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/saferinternet


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website