Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Malta tadotta l-ewro

Commission Européenne - IP/08/2   01/01/2008

Autres langues disponibles: FR EN DE

IP/08/2

Brussell, l-1 ta' Jannar 2008

Malta tadotta l-ewro

Malta llum adottat l-ewro. It-tagħrif kollu disponibbli jindika li l-bidla mil-Lira Maltija saret bla ntoppi u skond kif kien ippjanat. Iċ-ċittadini issa jistgħu jiġbdu l-flus kontanti ta' l-ewro mill-ATMs f'Malta, u jużaw dan il-flus fil-ħlasijiet tagħhom ta' kuljum.

"Illum huwa jum kburi ieħor fl-istorja kburija ta' Malta. Illum Malta ħadet postha fil-qalba ta' l-Unjoni Ewropea. L-ewro hija valuta qawwija u stabbli. Flimkien mar-riformi ekonomiċi li wettqu l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-valuta unika hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-ekonomija Ewropea għadha qiegħda tikber, minkejja xi sfidi diffiċli kkaġunati mill-prezzijiet għolja ta' l-enerġija u l-kommoditajiet. Billi ngħaqdet maż-żona ta' l-ewro, Malta qalet l-'iva' tagħha favur l-istabbiltà, ir-riforma u l-kummerċ u l-ivvjaġġar bla tfixkil għall-azjendi u ċ-ċittadini tagħha", qal il-President tal-Kummissjoni s-Sur José-Manuel Barroso.

"L-adozzjoni ta' l-ewro hija avveniment storiku għal Malta, anqas minn erba' snin wara li pajjiżkom sar membru ta' l-Unjoni Ewropea. Dan is-suċċess kien possibbli bis-saħħa tal-politiki ekonomiċi ta' Malta favur l-istabbiltà. Komplu sejrin kif intkom fit-triq it-tajba! Irrid nifraħ lill-awtoritajiet Maltin u lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom għat-tħejjijiet prattiċi li kienu komprensivi ħafna", qal Joaquin Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Mil-lum l-ewro hija l-munita ta' Malta. L-ewro ħadet post il-Lira Maltija b'rata ta' MTL 0.429300 għal kull ewro (jew €2.33 għal kull Lira), skond deċiżjoni li ħa l-Kunsill ta' l-Ecofin f'Lulju, fuq proposta tal-Kummissjoni.

Matul il-perjodu taċ-ċirkolazzjoni doppja, li se jdum sal-31 ta' Jannar 2008, il-Lira Maltija sejra tibqa' valuta legali parallellament ma' l-ewro. Madankollu, huwa mistenni li l-bidla fil-flus kontanti tkun ġa seħħet wara l-ewwel ftit jiem, u li tista' tgħid it-tranżazzjonijiet kollha bil-flus kontanti jsiru bl-ewro.

Skond l-għejun kollha ta’ l-informazzjoni disponibbli, kollox mexa ħarir illum u ma kien hemm l-ebda problema sinifikanti. Sa nofsinhar, aktar minn 95% tal-magni tal-ġbid tal-flus (ATMs) li joperaw f’Malta kienu ġa ġew ikkonvertiti biex jagħtu esklussivament karti ta’ l-ewro. Il-bqija ta' l-ATMS mistennija jaqilbu għall-ewro sa l-erba’ ta’ wara nofsinhar illum. Tista’ tgħid li t-terminals tal-bejgħ fil-ħwienet (POS) qegħdin kollha jaħdmu bl-ewro.

Iċ-ċittadini Maltin laqgħu b’ferħ il-munita l-ġdida, li l-wasla tagħha ġiet iċċelebrata b’wirja kbira ta’ logħob tan-nar fil-Belt Valletta.

Il-President Barroso u l-Kummissarju Almunia sejrin ikunu fil-belt kapitali Maltija, Valletta, fit-12 ta' Jannar, għal ċerimonja ta' ċelebrazzjoni ta' l-adozzjoni ta' l-ewro.

Il-Kummissjoni se tkompli tosserva mill-qrib ħafna l-operazzjoni tal-bidla minn munita għall-oħra.

L-isfond

Minħabba li Ċipru wkoll adotta l-valuta unika llum (ara IP/08/1), iż-żona ta' l-ewro issa fiha 15 mis-27 pajjiż ta l-UE, u tinkludi popolazzjoni ta' 318 miljun minn dik totali ta' l-UE ta' 493 miljun.

Iż-żona ta' l-ewro ilha teżisti mill-1 ta' Jannar 1999, meta 11 mill-15-il Stat Membru ta' l-UE ta' dak iż-żmien adottaw il-valuta unika. Il-Greċja ngħaqdet magħhom fl-2001. Il-karti tal-flus u l-muniti ta' l-ewro ddaħħlu fl-1 ta' Jannar 2002, wara perjodu tranżizzjonali ta' tliet snin (sena fil-każ tal-Greċja), li matulu l-ewro kien il-valuta ta' l-Istati Membri kkonċernati u seta' jintuża fi tranżazzjonijiet miktuba, filwaqt li l-flus kontanti nazzjonali baqgħu jintużaw fil-ħlasijiet kontanti. Is-Slovenja adottat l-ewro fl-1 ta' Jannar 2007, l-ewwel minn fost l-10 Stati Membri li daħlu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004.

Għal aktar tagħrif, ara Memo/07/596, IP/07/1982 u IP/2007/1993

kif ukoll il-websajt tad-DĠ Ecfin:

http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/index_en.htm?cs_mid=2946

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_mt.htm

(bil-Malti)

Il-gvern Malti fetaħ linja nazzjonali ta' għajnuna bit-telefown bla ħlas: Linja Ewro 154; posta elettronika: euro@gov.mt; websajt: http://www.euro.gov.mt/


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site