IP/08/215
Brussell, it-13 ta' Frar 2008
Il-Viċi-President Franco Frattini, il-Kummissarju responsabbli għal-Libertà, il-Ġustizzja u s-Sigurtà ddikjara: "Dan il-pakkett jippreżenta ideat ġodda għall-kontroll tal-fruntieri tagħna, sew fil-postazzjonijiet ta' kontroll kif ukoll matul il-fruntiera, bl-użu tat-teknoloġija l-aktar avvanzata biex jintlaħaq l-ogħla livell ta' sigurtà, fil-waqt li fl-istess ħin jiġu ffaċilitati l-proċeduri għal ċittadini bona fide ta' pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jżuru ż-żona ta' Schengen. Dawn l-ideat se jippromwovu l-moviment liberu leġittimu tal-persuni, fil-waqt li jkunu jistgħu jilqgħu għal pressjoni ta' immigrazzjoni mhux mistennija, speċjalment fil-fruntiera marittima ta' isfel ta' l-Unjoni, u jintaqqas it-traffikar tal-bnedmin lejn l-UE".
Il-Komunikazzjonijiet
Il-komunikazzjonijiet iħarsu 'l quddiem fis-sens li jinkludu miżuri biex jissudaw id-dimensjonijiet kollha ta' dħul effiċjenti u kkontrollat fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu:
Żmien ta' tiġdid
Il-komunikazzjonijiet ġew ippreżentati mill-Kummissjoni b'reazzjoni għall-isfidi li tfaċċaw bil-karatteristiċi ta' l-ivvjaġġar fis-Seklu 21 u l-moviment tal-persuni. Dawn huma passi oħra fit-triq biex jintlaħaq l-għan li għandha l-Unjoni Ewropea, li ta' spiss jissemma, biex jinbena spazju ta' vjaġġar ħieles u bla perikli permezz ta' responsabbiltà kollettiva u tas-solidjarjetà. L-għan għandu jkun dak li tingħata garanzija li l-ispazju ta' Schengen jibqa' jippermetti vjaġġar mingħajr fruntieri għaċ-ċittadini u vjaġġaturi f'24 pajjiż fl-Ewropa fil-waqt li titjieb is-sigurtà mal-fruntieri. Dan għandu jħeġġeġ, b'mod speċjali, rabtiet bejn ċittadini ta' l-UE u persuni f'pajjiżi ġirien.
Il-Presidenza Slovena uriet liema importanza tagħti lil dawn il-proposti meta ddikjarat li dawn se jkunu diskussi fil-Konferenza Ministerjali dwar "L-Isfidi tal-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni ta' l-UE", f'Marzu.
Skeda
Il-miżuri dwar il-FRONTEX u l-EUROSUR, b'mod partikolari parteċipazzjoni intensifikata ta' l-Istati Membri f'operazzjonijiet ta' rondi konġunti mal-fruntieri, jistgħu jitwettqu fl-2008. F'konformità ma' dan, qed isiru tħejjijiet biex titjieb is-sorveljanza tal-fruntieri. Proposti oħra jistgħu jkunu jinkludu riflessjoni mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew u, fuq il-bażi ta' din ir-riflessjoni, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li jiġu żviluppati sistemi ġodda.
Għal iktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Viċi President Franco Frattini żur il-websajt tiegħu: http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/frattini/index_en.htm