Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi toroq ġodda li jwasslu għal prezzijiet tal-ikel irħas u iktar kompetittivi fl-Ewropa

European Commission - IP/08/1931   10/12/2008

Other available languages: EN FR DE ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG

IP/08/1931

Brussell, it-10 ta' Diċembru 2008

Il-Kummissjoni tipproponi toroq ġodda li jwasslu għal prezzijiet tal-ikel irħas u iktar kompetittivi fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehim dwar Komunikazzjoni li timmira li jitjieb it-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel biex jorħsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. Il-prezzijiet tal-ikel niżlu b'mod sinifikanti minn livelli rreġistrati iktar kmieni din is-sena, imma l-kawżi sottostanti taż-żieda f'daqqa fil-prezzjiiet ta' kommoditajiet agrikoli - fuq medda ta' żmien medju li jinkludu, restrizzjonijiet regolatorji, nuqqas ta' kompetizzjoni u l-ispekulazzjoni - ma sparixxewx u wieħed irid jaffrontahom.

"L-inflazzjoni fl-ikel ikkontribwiet għal madwar terz tal-inflazzjoni totali bejn Awwissu 2007 u Lulju 2008 u laqtet l-iktar lill-membri ta' familji bi dħul pjuttost baxx. Fit-tnaqqis ekonomiku attwali huwa kruċjali li nibagħtu messaġġ ċar li aħna qed naffrontaw bis-serjetà r-riġiditajiet u l-fatturi l-oħra li jżommu s-suq milli jaħdem bl-aħjar mod. Dan mhux biss jipprovdi għall-prezzijiet iktar kompetittivi u bla distorsjoni lill-konsumaturi, imma jipproteġi wkoll il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini l-iktar vulnerabbli u jkun ta' appoġġ għall-ħolqien ta' postijiet tax-xogħol," qal il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Joaquin Almunia.

"Il-politika agrikola għandha rwol kruċjali biex tiżgura li l-ikel jasal għand il-konsumatur bi prezz raġonevoli. Bidliet riċenti fil-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK lill-bdiewa ħelsithom biex jirrispondu aħjar għas-sinjali tas-suq. Nispera li issa nkunu nistgħu nneħħu xi restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali tal-ikel permezz ta' arranġament ibbilanċjat fi-taħditiet tal-kummerċ dinji tad-Doha Round" qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali.

Il-Komunikazzjoni tal-lum ipproponiet pjan biex itejjeb it-tħaddim tal-tal-katina tal-provvista tal-ikel biex jingħataw prezzijiet dejjem kompetittivi lid-djar Ewropej. Hija s-segwitu ta' rikjesta li saret fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex tiġi investigata ż-żieda qawwija fil-prezz tal-ikel ipproċessat eżatt wara li kienet għadha kif seħħet żieda saħansitra ikbar fil-prezzijiet tal-kommoditajiet.

Il-Kummissjoni tipproponi li:

  • tippromwovi l-kompetittività fil-katina tal-provvista tal-ikel biex issaħħaħ ir-reżistenza tagħha għax-xokkijiet dinjija fil-prezzijiet. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija tal-Agroalimentari se jagħmel rakkomandazzjonijiet kmieni fl-2009.
  • tiżgura infurzar imħeġġeġ u koerenti tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE u f‘dak nazzjonali permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u żżom fil-mira dawk il-prattiki u r-restrizzjonijiet li huma partikolarment ta’ ħsara.
  • tanalizza regolamenti potenzjalment restrittivi fil-livell nazzjonali u/jew f'dak tal-UE Regolamenti li jirrestrinġu d-dħul fis-suq għandhom jiġu eżaminati sew u fejn xieraq jitneħħew, filwaqt li tinżamm il-kunisderazzjoni tal-għanijiet ambjentali u soċjali tagħhom. Dan se jsir fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-suq bl-imnut u t-trasportazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Regolamenti li jnaqqsu l-possibilità li jkun hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet għandha tiġi eżaminata fuq livell nazzjonali. Ħlasijiet li jsiru tard minn negozjanti tal imnut jew ħlasijiet eċċessivi imposti fuq produtturi għal offerti promozzjonali għandhom jiġu analizzati. Regolamenti fuq il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet ukoll għandhom jkunu suġġetti għal konsultazzjoni fuq livell nazzjonali.
  • Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet aħjar . Se jkun stabbilit monitoraġġ Ewropew permanenti tal-prezzijiet.
  • IL-Kummissjoni, flimkien mar-regolaturi tas-swieq tal-kommoditajiet, se teżamina kif tista' tiskoraġġixxi l-volatilità eċċessiva fis-swieq li ma tagħmel ġid la lill-produtturi u lanqas lill-konsumaturi.

Għandhom jissaħħu l-isforzi biex ikun hemm bilanċ mill-ġdid bejn il-provvista u d-domanda dinjija tal-ikel, biex tkun stimolata r-riċerka fuq l-agrikultura u biex jinfetħu swieq internazzjonali.

Għalkemm il-prezzijiet tal-kommoditajiet naqsu f'daqqa, fiż-żmien mezzan, il-fatturi strutturali, bħat-tkabbir fid-domanda globali, x'aktarx li jżommu l-prezzijiet għoljin.

Iż-żieda fil-prezzijiet mill-2006 'l hawn kienet akkumpanjata minn żieda f'daqqa fl-influssi tal-investiment f'derivattivi relatati. Il-fluss 'il barra f'investimenti minn swieq tal-futures li seħħ dan l-aħħar f'daqqa waħda jista' jkun indikazzjoni ta' bużżieqa spekulattiva li se tinfaqa'. Imma t-tħassib dwar il-volatilità jibqa' hemm ukoll.

Problemi fit-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel, f'termini tal-grad ta' kompetizzjoni u regolazzjoni, ukoll għandhom rwol importanti.

Il-prezzijiet tal-ikel fl-Istati Membri irreaġixxew b’modi ferm differenti għall-bidliet, indikazzjoni li s-suq tal-UE għadu frammentat. Il-konsolidazzjoni tas-suq twassal għall-gwadann fl-effiċjenza u prezzijiet irħas. Iżda jeħtieġ li ma tħażżinx il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-livell lokali għad-detriment tal-konsumaturi u tan-negozji.

Jidher li hemm ambitu sinifikanti biex jittejjeb it-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel biex ikun żgurat li l-integrazzjoni u l-konsolidazzjoni tas-setturi imorru id f'id mal-kompetittività mtejba u ma' prezzijiet irħas, kif ukoll ma' għażla ikbar fil-prodotti tal-ikel.

Il-promozzjoni ta' politika ta' kummerċ miftuħ, permezz tat-tkomplija tat-taħditiet kummerċjali tad-WTO tad-Doha Round, tkun ta' benfiċċju għal kulħadd, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jbatu l-iktar mill-prezzijiet ogħla. Bil-qbil mal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK, l-UE ħadet passi deċiżivi biex lill-bdiewa tgħinhom jirreaġixxu aħjar għas-sinjali tas-suq u jisfruttaw opportunitajiet ġodda, filwaqt li jipprovdu xibka moderna ta' sikurezza għal-każi ġenwini ta' kriżi fis-suq.

L-isfond

Is-Samit ta' Ġunju talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta iktar fid-dettal (i) il-prospetti fis-swieq tal-agrikultura u b'mod partikolari r-rispons tal-produzzjoni agrikola għas-sinjali tas-suq; (ii) il-kontribut ta' attivitajiet spekulattivi fis-swieq finanzjarji għall-volatilità fil-prezzijiet tal-agrikultura; u (iii) it-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel.

It-test sħiħ tal-Komunikazzjoni jinsab fis-sit:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article13524_en.htm.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website