Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida sabiex iġġib it-Televiżjoni Mobbli fuq it-telefowns ċellulari tal-Ewropej

European Commission - IP/08/1923   10/12/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1923

Brussell, il-10 ta’ Diċembru 2008

Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida sabiex iġġib it-Televiżjoni Mobbli fuq it-telefowns ċellulari tal-Ewropej

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet pass deċiżiv lejn il-promozzjoni tas-servizzi kompettitivi tat-televiżjoni mobbli fl-UE. Ippubblikat sett ta' linji gwida għall-awtorizzazzjoni tat-Televiżjoni Mobbli sabiex jitħaffef it-tixrid tas-servizz fl-Ewropa. Id-dħul mit-televiżjoni mobbli madwar id-dinja huwa mistenni li jaqbeż is-7.8 biljun EUR fl-2013. Is-servizzi kummerċjali li tnedew qabel is-sajf tal-2008 f'xi pajjiżi Ewropej urew li hemm domanda dejjem tikber min-naħa tal-konsumaturi: fl-Olanda biss, fil-bidu tal-ħarifa kienu diġà nkitbu għas-servizz 10 000 utent. Huma meħtieġa l-awtorizzazzjonijiet għas-servizzi tat-Televiżjoni Mobbli mill-Istati Membri qabel ma jkun hemm kwalunkwe tnedija kummerċjali mill-operaturi. Flimkien maż-żieda tal-istandard DVB-H mal-lista tal-istandards uffiċjali tal-UE f'Marzu 2008 (IP/08/451), dawn il-linji gwida jenfasizzaw l-impenn sod tal-Kummissjoni favur il-promozzjoni ta' servizzi ġodda għall-konsumaturi Ewropej.

"It-tnedijiet kummerċjali b'suċċess tat-Televiżjoni Mobbli fl-Awstrija, fl-Italja, fil-Finlandja u fl-Olanda taw prova li proċeduri effiċjenti għall-awtorizzazzjonijiet huma fattur ewlieni biex it-Televiżjoni Mobbli jaqbad malajr. Fl-Awstrija, 5 000 ċittadin kienu qed jużaw it-Televiżjoni Mobbli fl-ewwel ġimgħat mit-tnedija tiegħu. Bi tbassir ta' żieda fil-bejgħ matul il-perjodu tal-Milied, ħafna aktar Ewropej għandhom ikollhom l-opportunità li jaraw it-televiżjoni waqt li jkunu qed jagħmlu xi ħaġa oħra," qalet Viviane Reding, il-Kummissajru tal-UE għat-Telekomunikazzjoni. "Din hija r-raġuni għalfejn irridu nigwidaw lill-Istati Membri dwar kif għandhom jippermettu lill-industrija tagħti spinta lil dawn is-servizzi innovattivi kemm jista' jkun malajr u bla diffikultà. Aħna naqblu ma' approċċ ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti, fosthom ix-xandara, l-operaturi tat-telefonija ċellulari u l-operaturi tas-sistemi tax-xandir, u nopponu regolamentazzjoni żejda jew proċeduri kkumplikati għall-awtorizzazzjonijiet għall-introduzzjoni tat-Televiżjoni Mobbli fl-Ewropa."

B'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-industrija, il-Kummissjoni identifikat il-prinċipji ewlenin li għandhom isegwu r-regolaturi u l-gvernijiet fl-Istati Membri meta jkunu qed jawtorizzaw lill-operaturi biex jipprovdu servizzi tat-Televiżjoni Mobbli. Il-Kummissjoni llum ippubblikat dawn il-prinċipji f'Komunikazzjoni ġdida li għandha tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu t-Televiżjoni Mobbli realtà u biex dan isir suċċess għall-operaturi u għall-konsumaturi mingħajr dewmien.

Sal-lum, ftit Stati Membri biss, bħall-Awstrija, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja adottaw leġiżlazzjoni għas-servizzi l-ġodda tat-Televiżjoni Mobbli. Il-linji gwida tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jsostnu l-momentum għat-Televiżjoni Mobbli fil-livell tal-UE, sabiex jinħoloq ambjent regolatorju koerenti u favorevoli għat-tnedija u għall-użu ta' dan is-servizz il-ġdid (IP/07/1118). Il-linji gwida jgħidu li proċedura ċara, trasparenti u mhux diskriminatorja għall-għoti tal-liċenzji hija ċ-ċavetta għal approċċ li jirnexxi u li jevita d-dewmien.

Il-kwalità tas-servizz ipprovdut lill-klijenti, inkluża l-kopertura fuq ġewwa u l-kwalità tat-trażmissjoni, għandhom ikunu parti mill-kundizzjonijiet tal-għoti tal-liċenzji. Barra minn hekk, il-linji gwida jirrakkomandaw li l-frekwenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tat-Televiżjoni Mobbli għandhom jiġu rtirati jekk is-servizz ma jinbediex fi żmien raġonevoli. Huma jagħtu parir lir-regolaturi biex iżommu l-proċess tal-awtorizzazzjonijiet miftuħ għall-partijiet industrijali kollha u biex joħolqu kundizzjonijiet li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tat-telekomunikazzjoni (li jipprovdu s-servizz) u x-xandara (li jipprovdu l-kontenut). Fl-aħħar nett, jitolbu lill-industrija tiżgura li s-servizzi tat-Televiżjoni Mobbli abbażi tad-DVB-H f'kull pajjiż tal-UE jkunu kompatibbli. Wieħed mill-modi kif jistgħu jagħmlu hekk huwa billi jagħżlu teknoloġiji li ma jkunu proprjetà ta' ħadd, li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jużaw mingħajr “plug-ins” addizzjonali u irrispettivament mil-liema tagħmir jużaw biex ikollhom aċċess għall-kontenut tat-Televiżjoni Mobbli.

Regolamentazzjoni ħafifa u sistemi ta' liċenzjar ċari se jagħtu lill-industrija ċ-ċertezza legali meħtieġa biex iniedu offerti tat-Televiżjoni Mobbli malajr. Il-Kummissjoni ser iżżomm ħarsitha fuq il-progress li jkun qed isir u mhix ser tippermetti li kwalunkwe talba li mhijiex raġonevoli żżomm lura l-progress fl-Ewropa. Il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni, tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati l-oħra. Barra minn hekk, il-proċess tal-bidla mit-televiżjoni analogu għat-televiżjoni diġitali u r-riforma tat-Telekomunikazzjonjiet (IP/08/1661) ser jiffaċilitaw l-aċċess għal spettru ġdid li jista' jintuża għall-forniment tas-servizzi tat-Televiżjoni Mobbli.

L-isfond

F’Lulju 2007 il-Kummissjoni pproponiet strateġija għall-promozzjoni tat-Televiżjoni Mobbli madwar l-Ewropa kollha (IP/07/1118, MEMO/07/298). Din kienet tinkludi l-użu tal-istandard miftuħ tad-DVB-H – li ġie żviluppat mill-industrija Ewropea, bl-appoġġ ta' fondi Ewropej għar-riċerka – bħala l-istandard komuni għat-Televiżjoni Mobbli terrestri madwar l-Ewropa kollha. F'Marzu 2008, il-Kummissjoni approvat iż-żieda tad-DVB-H mal-lista tal-istandards uffiċjali tal-UE (IP/08/451). Is-servizzi kummerċjali abbażi tad–DVB-H qed jiġu adotatti dejjem iżjed u implimentati f'partijiet oħra tad-dinja, per eżempju fil-Marokk, fl-Indoneżja, fir-Russja u f'Singapor. Barra minn hekk, servizzi transkonfinali tat-Televiżjoni Mobbli li jużaw is-satellita u l-istandard tad-DVB-SH x'aktarx ser jibdew fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha sa mill-2009.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Televiżjoni Mobbli tinsab fis-sit :

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/communications_reports/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website