IP/08/18
Brussell, is-7 ta’Jannar 2008
“L-adozzjoni ta’ l-ewro minn Ċipru u Malta qed issir b’ħeffa kbira. Din hija xhieda tat-tħejjijiet tajbin li saru minn qabel li dawk kollha involuti fiż-żewġ pajjiżi, l-iktar il-gvernijiet rispettivi, ta’ min jifirħilhom tagħhom. Huwa issa importanti ħafna li ż-żewġ pajjiżi jkomplu jimplimentaw politiki fiskali u baġitarji sodi sabiex ikunu jistgħu japproffittaw kemm jista’ jkun mill-unjoni ekonomika u monetarja”, qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.
Mill-1 ta’ Jannar, l-ewro hija l-valuta ta’ Ċipru u ta’ Malta, u l-karti u l-muniti ta’ l-ewro qegħdin jiċċirkulaw uffiċjalment fiż-żewġ ġżejjer. Il-proporzjon ta’ ħlasijiet bil-flus kontanti ta’ l-ewro fil-ħwienet żdiedet bil-ħeffa matul l-ewwel ġimgħa: fil-5 ta’ Jannar (l-ewwel Sibt tas-sena) madwar tliet kwarti mill-ħlasijiet bil-flus kontanti fil-ħwienet kienu diġà saru bl-ewro biss (72 % f’Ċipru u 73 % f’Malta), skond stħarriġ li sar għall-Kummissjoni fost il-popolazzjoni Ċiprijotta u dik Maltija[1]. Il-bejjiegħa bl-imnut taw il-bqija esklussivament bl-ewro fi kważi kull tranżażżjoni li saret fejn kellha tingħata l-bqija (97 % f’Ċipru u 99 % f’Malta).
Fil-5 ta’ Jannar, talanqas tlieta minn kull erba’ ċittadini fiż-żewġ pajjiżi kellhom fuqhom flus kontanti fl-ewro biss jew kważi kollox f’ewro fil-kartieri u l-portmonijiet tagħhom (għall-karti: 74% f'Ċipru, 76% f'Malta; għall-muniti: 81% f'Ċipru, 84% f'Malta). F’Malta, il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini kellhom biss karti tal-flus ta' l-ewro (58 %) u muniti ta’ l-ewro (62 %) fil-kartieri tagħhom, minkejja li ċ-ċifri rispettivi f’Ċipru kienu kemmxejn inqas b’32 % u 40 %.
Minħabba li n-nies dehru ħerqana biex isarrfu l-flus kontanti li kellhom f’idhom f’ewro u biex jiġbdu l-flus kontanti ta’ l-ewro, is-Sibt kien għad baqa’ xi kjuwijiet fil-banek, partikolarment f’Malta, fejn diġà bdew is-sales tax-xitwa. Iżda jidher li s-sitwazzjoni issa ġejja lura għan-normal. F’Ċipru, saru madwar 179 000 tranżazzjoni ta' kambju u ġbid fil-banek bejn l-1 u l-4 ta’ Jannar, għal valur ta’ madwar € 253 miljun. F’Malta, saru madwar 132 000 tranżazzjoni ta' ġbid fil-banek bejn l-1 u l-5 ta’ Jannar, b’ammont totali ta’ madwar € 88 miljun. Kienu saru madwar 105 000 tranżazzjoni ta' ġbid tal-flus mill-ATMs f’Ċipru sa l-4 ta’ Jannar, u 202 000 f’Malta sas-6 ta' Jannar, inkluż dakinhar.
Rigward il-konverżjoni tal-prezzijiet f'ewro, sa issa ġew irrappurtati ftit inċidenti ta’ żidiet inġusti fil-prezzijiet fiż-żewġ pajjiżi, pereżempju għall-ħlasijiet tal-parkeġġi, biljetti taċ-ċinema u ħlasijiet tat-tabib. L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw dawn il-każijiet kollha u qegħdin jitolbu lil dawk involuti biex jerġgħu lura għall-prezzijiet inizjali fejn dan huwa meħtieġ. Il-konsumaturi huma mħeġġa biex iżommu għajnejhom miftuħa u biex jirrappurtaw każijiet ta’ prezzijiet inġusti lill-awtoritajiet jew l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur.
Għal aktar tagħrif ara s-sit tad-DĠ ECFIN
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/
http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm
http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_el.htm (bil-Grieg)
http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_mt.htm
(bil-Malti)
Il-Gvern Ċiprijott stabilixxa linja tat-telefown bla
ħlas għall-mistoqsijiet dwar l-ewro: 8000 2008; posta
elettronika: info@euro.cy; websajt http://www.euro.cy
Il-gvern Malti waqqaf linja ta’ għajnuna nazzjonali dwar l-ewro: Linja Ewro 154; posta elettronika: euro@gov.mt; websajt: http://www.euro.gov.mt/
[1] Qiegħed jitwettaq stħarriġ b'mod regolari sat-tmiem tal-perjodu taċ-ċirkolazzjoni doppja (il-31 ta’ Jannar 2008). Ir-riżultati huma disponibbli fuq : http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm