Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1899

Brussell, it-9 ta' Diċembru 2008

L-UE tadotta Programm ġdid għal Internet Aktar Sikur: €55 miljun biex l-internet isir spazju aktar sikur għat-tfal

Mill-1 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni se jkollha Programm ġdid għal Internet Aktar Sikur. Wara l-vot massivament pożittiv fit-23 ta’ Ottubru, li fih il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu għall-Programm il-ġdid għal Internet Aktar Sikur (IP/08/1571), il-Kunsill tal-Ministri llum adotta l-Programm il-ġdid. Il-Programm il-ġdid għal Internet Aktar Sikur, li jkopri l-perjodu 2009-2013, il-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponietu fit-28 ta’ Frar 2008 (IP/08/310) biex tipproteġi lit-tfal fid-dinja dejjem aktar sofistikata tal-internet, u biex tħallihom jużaw servizzi tal-internet bħan-netwerking soċjali, il-blogs u l-messaġġi istantanji. Filwaqt li 75% tat-tfal (fl-etajiet bejn is-6 snin u s-17-il sena) diġà jużaw l-internet u 50% tat-tfal ta’ 10 snin għandhom mowbajl, stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum juri li 60% tal-ġenituri Ewropej jinkwetaw li wliedhom jistgħu jispiċċaw vittmi tal-preparazzjoni onlajn għall-abbuż (meta adult jinqeda bl-internet biex jitħabbeb ma’ tifel jew tifla bl-intenzjoni li jabbużahom sesswalment), filwaqt li 54% jibżgħu li wliedhom jistgħu jbatu l-ibbuljar fl-internet (fastidju fis-siti internet jew permezz ta' messaġġi fuq il-mowbajl). Il-Programm il-ġdid għal Internet Aktar Sikur sejjer jiġġieled kontra l-preparazzjoni għall-abbuż u l-ibbuljar onlajn billi s-softwer tal-internet u t-teknoloġiji tal-mowbajl jagħmilhom aktar sofistikati u sikuri. Mill-2009 sal-2013, l-UE sejra tonfoq €55 miljun biex l-internet isir spazju aktar sikur.

“It-tfal illum jogħdsu dritt fid-dinja tal-internet u tat-teknoloġiji tal-mowbajl minn età bikrija, u spiss sa minn żogħrithom ikunu saru għal kollox midħla tat-teknoloġija huma u jgħaddu minn sit għall-ieħor fuq l-internet. Minħabba li dawn it-teknoloġiji jgħinuhom fl-istudju u jagħtuhom modi ġodda u eċċitanti ta’ kif jissoċjalizzaw ma’ oħrajn, ta’ spiss jaqbdu l-użu tagħhom b’aktar ħeffa mill-ġenituri tagħhom. Jeħtiġilna niżguraw li meta jużaw is-servizzi onlajn u tal-mowbajl, ikunu jistgħu jagħrfu r-riskji potenzjali u jittrattawhom,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. “Nieħu pjaċir li l-Parlament u l-Kunsill qablu mal-proposta tal-Kummissjoni hekk bil-ħeffa, biex b’hekk inkunu nistgħu inwieġbu għat-tħassib tassew naturali tal-ġenituri u niżguraw li fl-Ewropa t-tfal ikunu jistgħu jesploraw bis-sikurezza t-teknoloġiji l-ġodda.”

Il-Programm għal Internet Aktar Sikur, għall-perjodu  2009-2013, kien adottat illum mill-Kunsill tal-Ministri u jibni fuq is-suċċessi tal-predeċessur tiegħu, li kopra l-perjodu 2005-2008.

Il-programm il-ġdid propost sejjer jikkofinanzja proġetti biex:

  • ikattar il-kuxjenza pubblika: jagħti l-għarfien lit-tfal, lill-ġenituri u lill-għalliema biex ikunu jistgħu jagħżlu b’mod responsabbli meta jkunu onlajn, billi jagħtihom pariri dwar xi prekawzjonijiet rilevanti għandhom jieħdu.
  • jipprovdi lill-pubbliku xibka ta’ punti ta’ kuntatt li jistgħu jilħquhom jew permezz ta’ sit fl-internet jew inkella b’numru tat-telefown, ħalli jirrappurtaw kontenuti u aġir ta' dannu jew illegali, b’mod partikolari materjal ta’ abbuż sesswali, preparazzjoni għall-abbuż jew ibbuljar onlajn fuq it-tfal.
  • irawwem inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni f’dan il-qasam u jinvolvi t-tfal fil-ħolqien ta’ ambjent onlajn aktar sikur.
  • Jistabbilixxi ġabra ta’ għarfien dwar xejriet ġodda fl-użu tat-teknoloġiji onlajn u l-konsegwenzi tagħhom għal ħajjiet it-tfal, billi jiġma’ flimkien fil-livell Ewropew l-għarfien espert tekniku, psikoloġiku u soċjoloġiku.

Il-baġit ta’ €55 miljun għall-Programm il-ġdid għal Internet Aktar Sikur se jitqassam kif ġej: 48% għat-tkattir tal-kuxjenza pubblika, 34% għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali u għall-iffaċċjar ta' aġir dannuż onlajn, 10% għall-promozzjoni ta' ambjent onlajn aktar sikur u 8% għall-ħolqien ta’ ġabra ta’ għarfien.

Skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li twettaq fl-Istati Membri kollha tal-UE, 75% tat-tfal fl-etajiet bejn is-6 snin u s-17-il sena diġà jużaw l-internet – xejra li kulma jmur dejjem aktar qed tissaħħaħ. Nofs il-ġenituri li huma nfushom ma jużawx l-Internet qalu li wliedhom kellhom aċċess onlajn.

Tal-anqas nofs il-ġenituri stqarru li jitkellmu ma’ wliedhom dwar l-attivitajiet tagħhom onlajn. Barra minn hekk, jieħdu passi ta’ prekawzjoni, bħal pereżempju li ma jħallux lil uliedhom jikxfu dettalji personali onlajn (92%) jew ikellmu persuni li ma jafuhomx (83%).

59% tal-ġenituri stqarru li jużaw softwer ta’ ffiltrar jew ta’ monitoraġġ. Il-ġenituri li ma jużawx għodod ta’ ffiltrar jgħidu li jafdaw ‘l uliedhom (64%) jew inkella li ma jafux kif jaċċessaw dawn l-għodod jew jużawhom (14%). L-istudju tas-SIP Bench dwar l-għodod tal-iffiltrar, li l-Kummissjoni ppubblikat dan l-aħħar, juri li l-għodod globalment tjiebu matul l-aħħar tliet snin, u li saru iktar faċli tistallahom.

Għal aktar tagrif dwar il-Programm il-ġdid għal Internet Aktar Sikur 2009-2013, ara: IP/08/310, MEMO/08/322 u IP/08/1571

Għal aktar tagrif dwar il-Programm kurrenti għal Internet Aktar Sikur 2005-2008, ara: IP/06/1512 u IP/08/207

L-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru "Towards a safer use of the Internet for children in the EU – a parents' perspective" (Lejn użu aktar sikur tal-internet min-naħa tat-tfal fl-UE – perspettiva tal-ġenituri) huwa disponibbli fis-sit:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/eurobarometer/

Dwar in-Netwerking Soċjali:

MEMO/08/587

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/programme/index_en.htm

Anness

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru "Towards a safer use of the Internet for children in the EU – a parents' perspective" (Lejn użu aktar sikur tal-internet min-naħa tat-tfal fl-UE – perspettiva tal-ġenituri)

L-użu tal-Internet min-naħa tat-tfal

[ ]

L-użu tal-mowbajl

[ ]

Inkwiet tal-ġenituri

dwar ir-riskji onlajn

[ ]

[ ]

Strateġiji għas-superviżjoni tal-użu tal-Internet min-naħa tat-tfal

[ ]


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website