IP/08/1875
Brussell, it-3 ta' Diċembru 2008
Inqiegħdu lill-applikanti
għall-ażil fil-qalba ta' proċedura umana u ġusta:
Il-Kummissjoni tal-UE tipproponi li timmodifika s-Sistema Komuni Ewropea
għall-Ażil.
Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti
biex temenda tlieta mill-istrumenti leġiżlattivi
eżistenti tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil: id-Direttiva
dwar il-kundizzjoinjiet ta’ akkoljenza għall-applikanti
tal-ażil; ir-Regolament ta’ Dublin li jiddetermina l-Istat Membru
responsabbli għall-applikazzjoni tal-ażil; u r-Regolament Eurodac,
bażi tad-dejta li tiġbor fiha l-marki tas-swaba tal-applikanti
tal-ażil, li jsostni l-operat tar-Regolament ta' Dublin. Dawn l-emendi
huma l-ewwel proposti konkreti ppreżentati mill-Kummissjoni biex
timplimenta l-Pjan ta’ Politika dwar
l-Ażil[1] u
l-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. L-għan tagħhom huwa li
jiġi assigurat li l-applikanti kollha tal-ażil ikunu ttrattati
b’mod ġust u ekwu irrispettivament minn fejn fl-UE jagħmlu
t-talba tagħhom għall-ażil, u biex titjieb l-effiċjenza
tas-sistema tal-UE tal-ażil.
Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Jacques Barrot, il-Kummissarju
responsabbli għall-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, stqarr
li “L-għan tagħna hu li nqegħedu lill-applikanti
għall-ażil fil-qalba ta' proċedura umana u ġusta.
Neħtieġu niżguraw standards ta’ protezzjoni iktar
għoljin, kundizzjonijiet iktar ekwi u sistema iktar
effikaċi”. Żied jgħid li “Billi nemendaw
id-Direttiva tal-Kundizzjoni tal-Akkoljenza ntejbu l-kundizzjonijiet ta’
għajxien tal-applikanti tal-ażil, nirrestrinġu d-detenzjoni
tagħhom għal raġunijiet limitati u ġustifikati, u neskludu
f’kull każ il-minuri, u nindirizzaw b’mod xieraq
il-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli, bħalma huma l-vittmi
tat-tortura. Permezz tal-emenda għar-Regolament ta’ Dublin u
l-Eurodac irrid niggarantixxi iktar effiċjenza u ġustizzja fis-sistema
Ewropea tal-ażil. Fl-aħħar nett, bħala l-ewwel sinjal
ta’ solidarjetà interna, ipproponejt li jitwaqqaf mekkaniżmu li
jissospendi t-trasferimenti ta’ Dublin sabiex dawk l-Istati Membri li qed
jiltaqgħu ma’ pressjoni partikolari fis-sistemi tagħhom
tal-ażil ma jħossuhomx iktar mgħobbijin
iżżejjed.”
Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza).
B’mod partikolari il-proposta timmira biex:
- ikun żgurat li d-detenzjoni tintuża biss f’każi
eċċezzjonali u tipprovdi għal salvagwardji legali sabiex ikun
żgurat li d-detenzjoni ma tkunx arbitrarja, u tiggarantixxi li t-tfal ma
jkunux detenuti sakemm dan ma jkunx fl-aħjar interess tagħhom (u
minuri mhux akkumpanjati ma jkunu qatt detenuti);
- ikun żgurat li jiġu stabbiliti mekkaniżmi fuq livell
nazzjonali bil-għan li minn kmieni fil-proċedura għall-ażil
jiġu identifikati persuni bi bżonnijiet speċjali u jkun
iggarantit li jingħataw kura xierqa;
- jiġi aġevolat l-aċċess tagħhom fis-suq
tax-xogħol u jiġi assigurat li r-restrizzjoinjiet imħaddma
mill-Istati Membri ma jxekkluhomx milli jkollhom aċċess għal
impjieg.
Ir-Regolament ta’ Dublin
Il-proposta:
- tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ sospensjoni għat-trasferimenti
ta’ Dublin f’ċirkustanzi limitati sabiex dawk l-Istati Membri
li qed jiltaqgħu ma’ pressjoni partikolari fis-sistemi tagħhom
tal-ażil ma jħossuhomx iktar mgħobbijin iżżejjed
minħabba t-trasferimenti ta’ Dublin
- tiżgura li l-applikanti tal-ażil ma jintbagħtux fi Stati
membri li ma jistgħux joffrulhom livell xieraq ta' protezzjoni
partikolament rigward kundizzjoinjiet ta' akkoljiment u aċċess
għall-proċedura tal-ażil.
- tiċċara ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri biex jiġu
applikati ċerti regoli, bħal dawk li jippermettu lill-Istati Membri
jieħdu responsabbiltà ta’ persuna li qed tfittex l-ażil
għal raġunijiet umanitarji u ta’ kompassjoni
- tintroduċi garanziji addizzjonali rigward id-dritt tal-appell kontra
deċiżjoni ta’ trasferiment, sabiex ikun żgurat li d-dritt
ta’ rimedju jkun effettiv;
- tiffaċilita d-dritt li familja terġa tingħaqad, b’mod
partikolari fejn tikkonċerna r-riunifikazzjoni tal-applikant ma’
qraba li magħhom hemm rabta ta’ dipendenza u ma’
benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja;
- tiddefinixxi aħjar ir-regoli applikabbli għal minuri mhux
akkumpanjati sabiex ikunu mħarsa l-aħjar interessi
tagħhom.
Ir-Regolament Eurodac
Il-proposta:
- tistabbilixxi regoli biex tiżgura t-trażmissjoni verament
f’waqtha tal-marki tas-swaba lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC
sabiex ikun żgurat li l-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament
ta’ Dublin għall-eżami tal-applikazzjoni jkun identifikat
b’mod korrett;
- tistabbilixxi regoli tekniċi biex tiżgura li l-Istati Membri
jħassru dejta li m’għadhiex meħtieġa għall-iskop
li għalih kienet inġabret u tiżgura li l-Kummissjoni tista’
tissorvelja aħjar il-prinċipji li jirrispettaw il-protezzjoni
tad-dejta;
- tiċċara d-dispożizzjonijiet li jiżguraw lill-Kummissjoni
u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (European Data
Protection Supervisor -EDPS) superviżjoni effettiva permezz ta’
aċċess għad-dejta fil-EURODAC mill-awtoritajiet nazzjonali.
Għal iżjed informazzjoni dwar dawn it-tliet proposti ara
l-MEMOs relatati Memo/08/758,
Memo/08/759,
Memo/08/760
[1] COM (2008) 360