Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1875

Brussell, it-3 ta' Diċembru 2008

Inqiegħdu lill-applikanti għall-ażil fil-qalba ta' proċedura umana u ġusta: Il-Kummissjoni tal-UE tipproponi li timmodifika s-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil.

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti biex temenda tlieta mill-istrumenti leġiżlattivi eżistenti tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil: id-Direttiva dwar il-kundizzjoinjiet ta’ akkoljenza għall-applikanti tal-ażil; ir-Regolament ta’ Dublin li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tal-ażil; u r-Regolament Eurodac, bażi tad-dejta li tiġbor fiha l-marki tas-swaba tal-applikanti tal-ażil, li jsostni l-operat tar-Regolament ta' Dublin. Dawn l-emendi huma l-ewwel proposti konkreti ppreżentati mill-Kummissjoni biex timplimenta l-Pjan ta’ Politika dwar l-Ażil[1] u l-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. L-għan tagħhom huwa li jiġi assigurat li l-applikanti kollha tal-ażil ikunu ttrattati b’mod ġust u ekwu irrispettivament minn fejn fl-UE jagħmlu t-talba tagħhom għall-ażil, u biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema tal-UE tal-ażil.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Jacques Barrot, il-Kummissarju responsabbli għall-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, stqarr li “L-għan tagħna hu li nqegħedu lill-applikanti għall-ażil fil-qalba ta' proċedura umana u ġusta. Neħtieġu niżguraw standards ta’ protezzjoni iktar għoljin, kundizzjonijiet iktar ekwi u sistema iktar effikaċi”. Żied jgħid li “Billi nemendaw id-Direttiva tal-Kundizzjoni tal-Akkoljenza ntejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-applikanti tal-ażil, nirrestrinġu d-detenzjoni tagħhom għal raġunijiet limitati u ġustifikati, u neskludu f’kull każ il-minuri, u nindirizzaw b’mod xieraq il-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli, bħalma huma l-vittmi tat-tortura. Permezz tal-emenda għar-Regolament ta’ Dublin u l-Eurodac irrid niggarantixxi iktar effiċjenza u ġustizzja fis-sistema Ewropea tal-ażil. Fl-aħħar nett, bħala l-ewwel sinjal ta’ solidarjetà interna, ipproponejt li jitwaqqaf mekkaniżmu li jissospendi t-trasferimenti ta’ Dublin sabiex dawk l-Istati Membri li qed jiltaqgħu ma’ pressjoni partikolari fis-sistemi tagħhom tal-ażil ma jħossuhomx iktar mgħobbijin iżżejjed.”

Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza).

B’mod partikolari il-proposta timmira biex:

  • ikun żgurat li d-detenzjoni tintuża biss f’każi eċċezzjonali u tipprovdi għal salvagwardji legali sabiex ikun żgurat li d-detenzjoni ma tkunx arbitrarja, u tiggarantixxi li t-tfal ma jkunux detenuti sakemm dan ma jkunx fl-aħjar interess tagħhom (u minuri mhux akkumpanjati ma jkunu qatt detenuti);
  • ikun żgurat li jiġu stabbiliti mekkaniżmi fuq livell nazzjonali bil-għan li minn kmieni fil-proċedura għall-ażil jiġu identifikati persuni bi bżonnijiet speċjali u jkun iggarantit li jingħataw kura xierqa;
  • jiġi aġevolat l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol u jiġi assigurat li r-restrizzjoinjiet imħaddma mill-Istati Membri ma jxekkluhomx milli jkollhom aċċess għal impjieg.

Ir-Regolament ta’ Dublin

Il-proposta:

  • tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ sospensjoni għat-trasferimenti ta’ Dublin f’ċirkustanzi limitati sabiex dawk l-Istati Membri li qed jiltaqgħu ma’ pressjoni partikolari fis-sistemi tagħhom tal-ażil ma jħossuhomx iktar mgħobbijin iżżejjed minħabba t-trasferimenti ta’ Dublin
  • tiżgura li l-applikanti tal-ażil ma jintbagħtux fi Stati membri li ma jistgħux joffrulhom livell xieraq ta' protezzjoni partikolament rigward kundizzjoinjiet ta' akkoljiment u aċċess għall-proċedura tal-ażil.
  • tiċċara ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri biex jiġu applikati ċerti regoli, bħal dawk li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu responsabbiltà ta’ persuna li qed tfittex l-ażil għal raġunijiet umanitarji u ta’ kompassjoni
  • tintroduċi garanziji addizzjonali rigward id-dritt tal-appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, sabiex ikun żgurat li d-dritt ta’ rimedju jkun effettiv;
  • tiffaċilita d-dritt li familja terġa tingħaqad, b’mod partikolari fejn tikkonċerna r-riunifikazzjoni tal-applikant ma’ qraba li magħhom hemm rabta ta’ dipendenza u ma’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja;
  • tiddefinixxi aħjar ir-regoli applikabbli għal minuri mhux akkumpanjati sabiex ikunu mħarsa l-aħjar interessi tagħhom.

Ir-Regolament Eurodac

Il-proposta:

  • tistabbilixxi regoli biex tiżgura t-trażmissjoni verament f’waqtha tal-marki tas-swaba lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC sabiex ikun żgurat li l-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament ta’ Dublin għall-eżami tal-applikazzjoni jkun identifikat b’mod korrett;
  • tistabbilixxi regoli tekniċi biex tiżgura li l-Istati Membri jħassru dejta li m’għadhiex meħtieġa għall-iskop li għalih kienet inġabret u tiżgura li l-Kummissjoni tista’ tissorvelja aħjar il-prinċipji li jirrispettaw il-protezzjoni tad-dejta;
  • tiċċara d-dispożizzjonijiet li jiżguraw lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (European Data Protection Supervisor -EDPS) superviżjoni effettiva permezz ta’ aċċess għad-dejta fil-EURODAC mill-awtoritajiet nazzjonali.

Għal iżjed informazzjoni dwar dawn it-tliet proposti ara l-MEMOs relatati Memo/08/758, Memo/08/759, Memo/08/760


[1] COM (2008) 360


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website