Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1858

Brussell, it-3 ta' Diċembru 2008

Il-Partenarjat tal-Lvant – kapitolu ambizzjuz ġdid fir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Partenarjat ġdid tal-Lvant jirrapreżenta bidla fil-pass tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Armenja, mal-Ażerbajġan, mal-Belarus[1], mal-Ġeorġja, mal-Moldova u mal-Ukraina. Dan il-Partenarjat ambizzjuż jipprevedi titjib sostanzjali fil-livell ta’ impenn politiku, inkluż il-prospett ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, integrazzjoni profonda fl-ekonomija tal-UE, ivvjaġġar aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE sakemm jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tas-sigurtà, titjib fl-arranġamenti għas-sigurtà tal-enerġija li jkun ta’ benefiċċju għal dawk kollha kkonċernati, u aktar għajnuna finanzjarja. L-UE tipproponi ferm aktar sostenn intensiv u kontinwu għall-isforzi biex titwettaq ir-riforma tal-imsieħba permezz ta’ programm tal-Potenzjal Globali tal-Istituzzjoni, u dimensjoni ġdida multilaterali li għandha tgħaqqad lill-imsieħba flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni. Il-Partenarjat il-ġdid jinkludi miżuri ġodda biex isostnu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tas-sitt pajjiżi, u ħames inizjattivi mudelli li għandhom jagħtu prova konkreta tas-sostenn tal-UE.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, stqarr: “B’impenn u rieda politika qawwija biss miż-żewġ naħat il-Partenarjat tal-Lvant jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ assoċjazzjoni politika u ta’ integrazzjoni ekonomika. Irridu nżidu aktar l-investiment fl-istabbilità u l-prosperità reċiproka. Dan malajr għandu jrendi f’benefiċċji politiċi u ekonomiċi importanti u għandu jwassal għal aktar stabbilità u sigurtà kemm għall-UE u kemm għall-imsieħba tagħna tal-Lvant

“Wasal iż-żmien li nibdew kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna tal-Lvant” –żiedet tgħid il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni u għall-Politika Ewropea dwar il-Viċinat Benita Ferrero-Waldner. “Ippreparajna offerta ambizzjuża iżda fl-istess ħin ibbilanċjata tajjeb, imsejsa fuq il-progress miksub fl-aħħar snin. Is-sigurtà u l-istabbilità tal-UE hi affettwata minn avvenimenti li seħħew fl-Ewropa tal-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu. Il-politika tagħna lejn dawn il-pajjiżi għandha tkun b’saħħitha, proattiva u mingħajr ekwivoċi. L-UE għandha tissokta bl-approċċ li rnexxa ta’ programmi mfassla apposta fuq skala ġdida u li żżid dimensjoni multilaterali b’saħħitha. Madanakollu, nibqgħu iggwidati mill-prinċipju li l-progress irid jimxi id f’id mal-isforzi tar-riforma, iżda dan il-pakkett il-ġdid għandu joffri wkoll aktar għajnuna intensiva biex jgħinhom jilħqu l-miri tagħhom."

Il-Partenarjat tal-Lvant hu rispons għax-xewqa tal-ġirien tal-Lvant tal-UE biex jersqu eqreb lejn l-Unjoni Ewropea. Madanakollu, hu wkoll fl-interess vitali tal-UE li tagħti kontribut għall-iżvilupp ta’ stabbilità, governanza aħjar u żvilupp ekonomiku fil-fruntieri tagħha tal-Lvant.

Sa mill-1989 seħħew bidliet radikali fin-naħa tal-Lvant tal-UE. Tkabbir suċċessiv ġab miegħu prossimità ġeografika akbar mal-ġirien tagħna tal-Lvant, filwaqt li r-riformi sostnuti mill-Politika Ewropea dwar il-Viċinat (ENP) qarrbu aktar politikament u ekonomikament lil dawn il-pajjiżi mal-UE. L-UE għandha responsabbiltà dejjem tiżdied mal-imsieħba tagħha biex tgħinhom jindirizzaw l-isfidi politiċi u ekonomiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom u tappoġġja l-aspirazzjoni tagħhom għal rabtiet eqreb, speċjalment fid-dawl tal-konflitt li seħħ f’Ġeorġja s-sajf li għadda. Wara l-konflitt fil-Kawkasu l-Kunsill Ewropew tal-ewwel ta’ Settembru talab lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti tagħha aktar kmieni minn kif kien previst.

Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Imsieħba tal-Lvant, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali b’mod aktar profond mal-Imsieħba tal-Lvant u li tniedi qafas multilaterali ġdid għall-kooperazzjoni. Il-punti ġodda ewlenin tal-inizjattiva huma:

  • Ftehimiet ġodda ta’ Assoċjazzjoni inklużi ftehimiet profondi u ta’ kummerċ ħieles komprensiv għal dawk li lesti u għandhom ir-rieda li jimbarkaw f’impenn radikali mal-UE li dawn il-ftehimiet jirrikjedu;
  • Programmi komprensivi ffinanzjati mill-UE biex itejbu l-kapaċità amministrattiva tal-imsieħba;
  • Integrazzjoni gradwali fl-ekonomija tal-UE (bl-assimetrija xierqa mal-ekonomiji tal-imsieħba) inklużi impenji legali li jorbtu dwar l-approssimazzjoni regolatorja;
  • Tinkoraġġixxi lill-imsieħba biex ikun żviluppat netwerk ta’ kummerċ ħieles bejniethom li fuq medda ta’ żmien fit-tul jista’ jinbidel f’Komunità Ekonomika ta’ Viċinat
  • Il-konklużjoni ta' “patti ta' mobbiltà u sigurtà”, li jippermettu vjaġġar aktar faċli u leġittimu għall-UE filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-isforzi biex ikunu miġġielda l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-migrazzjoni illegali. Dawn il-patti ser ikopru wkoll it-titjib fis-sistemi tal-ażil għal standards tal-UE u t-twaqqif ta’ strutturi integrati ta’ ġestjoni tal-fruntieri, eċċ. li l-mira aħħarija tkun l-ivvjaġġar mingħajr viżi mal-imsieħba kollha li jikkooperaw;
  • Il-Kummissjoni ser tistudja l-possibiltajiet għall-mobbiltà tax-xogħol bil-għan li tiftaħ aktar is-suq tax-xogħol tal-UE;
  • Titjib fis-sigurtà tal-enerġija għall-UE u għall-imsieħba tal-Lvant;
  • Programmi li jindirizzaw żviluppi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi imsieħba, partikolarment billi jkunu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali kbar f’pajjiżhom.
  • Il-ħolqien ta’ erba’ pjattaformi ta’ politika multilaterali: dwar id-Demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbilità; L-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomika mal-politiki tal-UE, is-Sigurtà tal-Enerġija, u l-Kuntatti man-nies biex ikunu sostnuti aktar l-isforzi individwali tar-riforma
  • Inizjattivi mudelli: Programmi Integrati ta’ Ġestjoni tal-Fruntieri; Faċilità tal-SME; Il-promozzjoni ta’ swieq Reġjonali tal-elettriku, enerġija effiċjenti u sorsi ta’ enerġija li tiġġedded; l-iżvilupp talkurridur ta’ enerġija tan-Nofsinhar; u l-kooperazzjoni dwar il-Prevenzjoni, l-allert u r-rispons għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bnedmin
  • Aktar kuntatt man-nies u involviment akbar tas-soċjetà civili u l-partijiet interessati l-oħra, inkluż il-Parlament Ewropew;
  • Għajnuna Finanzjarja Addizzjonali – żieda sostanzjali minn € 450 miljun fl-2008 għal € 785 miljun fl-2013. Dan ifisser pakket supplimentari ta’ € 350 miljun minbarra r-riżorsi ppjanati għall-2010-2013 Barra minn hekk, għandna nittrasferixxu €250 miljun li diġà kienu allokati lill-programmi reġjonali ENP.

Il-Kummissjoni tipproponi li tniedi din l-inizjattiva fir-rebbiegħa tal-2009 waqt “Samit speċjali għall-Partenarjat tal-Lvant”.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/external_relations/eastern/docs/index_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_armenia_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_azerbaijan_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_belarus_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_georgia_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_moldova_en.htm

http://ec.europa.eu/world/enp/partners/enp_ukraine_en.htm


[1] Il-livell ta' parteċipazzjoni tal-Belarus fil-Partenarjat tal-Lvant ser ikun jiddependi mill-iżvilupp ġenerali tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Belarus


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website