Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1845

Brussell, l-1 ta' Diċembru 2008

Importazzjonijiet bla dazju: regoli ġodda dwar il-konċessjonijiet lill-vjaġġaturi deħlin fl-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Diċembru 2008

Mill-1 ta’ Diċembru 2008, jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar it-taxxa u l-importazzjoni bla dazju. Il-vjaġġaturi sejrin jiffrankaw il-flus meta jdaħħlu oġġetti fl-UE fil-bagalji personali tagħhom. Fl-istess waqt, l-Istati Membri sejrin jevitaw l-ispejjeż amministrattivi li bħalissa huma involuti fil-ġbir ta‘ ammonti żgħar ta’ dazji u taxxi.

László Kovács, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, qal: “Id-dħul fis-seħħ illum ta’ limiti ġodda ta' dak li jista’ jdaħħal miegħu bla dazju min jivvjaġġa huwa aħbar tajba għall-vjaġġaturi Ewropej. Ħafna mir-regoli preċedenti, lil ilhom fil-post mill-1969, ma kinux għadhom rilevanti għad-dinja tal-lum. Mil-lum, meta jdaħħlu ċerti oġġetti fl-Unjoni Ewropea fil-bagalji personali tagħhom, iċ-ċittadini sejrin igawdu minn livell massimu monetarju kważi rduppjat u minn limiti kkalkolati aktar ġenerożament għal ċertu xorb. Fl-istess waqt, minħabba l-livelli monetarji ogħla, l-Istati Membri sejrin jevitaw l-ispejjeż amministrattivi li bħalissa huma involuti fil-ġbir ta‘ ammonti żgħar ta’ dazju u taxxi.”

Il-konċessjonijiet tal-vjaġġaturi huma l-limiti monetarji jew kwantitattivi li taħthom il-vjaġġaturi deħlin fl-UE minn pajjiżi terzi jitħallew idaħħlu fil-bagalji personali tagħhom bla ma jħallsu dazju.

Mill-1 ta’ Diċembru 2008 ‘l quddiem, ir-regoli l-ġodda sejrin:

  • jgħollu l-limitu monetarju kurrenti minn €175 għal €430 għall-passiġġieri bl-ajru u bil-baħar, u għal €300 għal vjaġġaturi bl-art u fuq l-ilmijiet interni. Il-limitu aktar baxx għal dawn tal-aħħar iqis il-qagħda speċjali ta’ Stati Membri li għandhom fruntieri tal-art ma’ pajjiżi li fihom il-prezzijiet huma bil-wisq aktar baxxi milli huma fl-UE;
  • jabolixxu l-limiti kwantitattivi fuq il-fwejjaħ, l-eau de toilette, il-kafè u t-te (biex b’hekk dawn ikunu rregolati mil-limitu monetarju);
  • jgħollu l-limitu kwantitattiv għall-inbid (mhux spumanti) minn 2 litri għal 4 litri;
  • jintroduċu limitu kwantitattiv ta’ 16-il litru għall-importazzjoni tal-birra;
  • lill-Istati Membri jagħtuhom l-għażla li jbaxxu l-limiti kwantitattivi fuq il-prodotti tat-tabakk (eż. għas-sigaretti: minn 200 għal 40) b’appoġġ għall-politiki tas-saħħa.

L-istess regoli japplikaw jekk il-vjaġġaturi jkunu ġejjin minn territorji fejn ma japplikawx ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa, bħalma huma l-Gżejjer Kanarji, iċ-Channel Islands, id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, il-gżejjer Ǻland u Ġibiltà.

Fil-qosor:


L-ewwel għażla
It-tieni għażla
Prodotti tat-tabakk
200 sigarett jew
100 sigarru żgħir jew
50 sigarru jew
250 gramma tabakk
40 sigarett jew
20 sigarru żgħir jew
10 sigarri jew
50 gramma tabakk
Xorb alkoħoliku
- Total ta’ litru alkoħol u xorb alkoħoliku b’kontenut ta’ alkoħol ta’ aktar minn 22 % vol, jew alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ 80 % vol jew aktar, jew

total ta’ 2 litri alkoħol u xorb alkoħoliku ta’ kontenut ta’ alkoħol li ma jaqbiżx 22 % vol.
- Barra minn hekk, total ta’ 4 litri ta’ nbid mhux frizzanti u sa
16-il litru birra (biss għall-VAT u d-dazju tas-sisa).
Fjuwil
Bi kwalunkwe mezz waħdieni ta’ trasport motorizzat, il-fjuwil li jkun hemm fit-tank standard u kwantità ta’ fjuwil li ma taqbiżx 10 litri ġewwa kontenitur li jinġarr.
Kwalunkwe oġġett ieħor, inklużi l-fwejjaħ, il-kafè, jew it-te
Sa valur ta’ €430 għall-vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar
Sa valur ta’ €300 għall-vjaġġaturi l-oħra

Pereżempju, fl-aħjar ċirkustanzi, l-vjaġġaturi bl-ajru jistgħu jimportaw, bla ma jħallsu dazju, 200 sigarett, litru spirti, 4 litri nbid, 16-il litru birra u oġġetti oħra (ġugarelli, fwejjaħ, tagħmir elettroniku...) b’kemm jiswew €430. It-taxxi u d-dazji tas-sisa jkunu applikati biss għall-valur tal-oġġetti li jaqbeż dawk il-limiti. Madankollu, l-valur ta’ oġġett individwali ma jistax jinqasam.

L-isfond

Ir-regoli l-ġodda tal-lum huma bbażati fuq proposta tal-Kumissjoni biex iġġedded id-dispożizzjonijiet dwar kemm jistgħu jimportaw bla dazju l-passiġġieri (ara IP/06/238).

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konċessjonijiet tal-vjaġġaturi hija koperta bl-Artikolu 45 tar-Regolament 918/83, f’dak li jirrigwarda d-dazji tad-dwana, u bid-Direttiva 2007/74/KE f'dak li jolqot il-Vat u d-dazji tas-sisa.

l-istqarija għall-istampa tinsab f’dan is-sit:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm

Għal tagħrif ta’ sfond dwar il-konċessjonijiet tal-vjaġġaturi, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/travellers/enter_eu/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website