Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1800

Brussell, is-27 ta' Novembru 2008

Rimedju kollettiv: Il-Kummissjoni titlob l-opinjoni dwar is-soluzzjoni ta' ilmenti tal-konsumatur fuq skala kbira

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Green Paper dwar Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumatur dwar kif ikun faċilitat ir-rimedju f’sitwazzjonijiet fejn għadd kbir ta’ konsumaturi jkunu sofrew danni minħabba prattika ta’ kummerċjant wieħed li tkun bi ksur tal-liġi tal-konsumatur. Ksur ta’ regoli tal-konsumatur jista’ jinkludi serq tal-konsumaturi fil-prezzijiet – permezz ta’ spejjeż moħbija jew kontijiet esaġerati – riklamar qarrieqi fuq websajts, jew nuqqas f’li tkun ipprovduta informazzjoni obbligatorja dwar prodotti finanzjarji. Dawn it-tipi ta’ prattiċi illegali, jekk isiru lil għadd kbir ta’ konsumaturi, jistgħu joħolqu ħsara lill-konsumaturi, jiġġeneraw kompetizzjoni inġusta u jħarbtu s-swieq. Il-Green Paper tidentifika xkiel għal rimedju effettiv tal-konsumatur f’termini ta’ aċċess, effettività u raġonevoli u tippreżenta diversi għażliet biex tagħlaq il-lakuni identifikati. L-għażliet stipulati fil-Green Paper jaħsbu biex ikun assigurat li l-konsumaturi li jkunu vittmi ta’ prattiċi kummerċjali illegali jistgħu jkollhom kumpens għat-telf tagħhom, filwaqt li jevitaw klejms bla sisien. Il-kummenti dwar il-Green Paper jistgħu jkunu ppreżentati sal-1 ta’ Marzu 2009.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Meglena Kuneva, qalet: “Il-konsumaturi li jkunu vittmi ta’ attivitajiet illegali, bħal serq fil-prezzijiet, riklamar qarrieqi jew intrigi diżonesti għall-aħħar (scams), għandhom dritt għal kumpens. Bħalissa, b’mod partikolari fejn hemm klejms żgħar imferrxa, dan id-dritt ta’ spiss ikun teoretiku minħabba x-xkiel biex ikun eżerċitat fil-prattika. Hemm lakuna fil-ġustizzja, lakuna fil-benessri u hemm lakuni oħra fis-sistema tagħna ta’ rimedju li qed tħalli lill-konsumaturi bla ħajt ta’ kenn. Il-qagħda preżenti hija b’mod ċar mhux sodisfaċenti. Jeħtieġ insibu mod biex nagħmlu d-dritt bażiku tal-konsumatur għal rimedju bħala realtà għal aktar nies."

Is-sitwazzjoni attwali

Hekk kif is-swieq tal-massa tal-konsumaturi jespandu fid-daqs u anki jsiru transkonfinali, għadd kbir ħafna ta’ konsumaturi jistgħu jsofru dannu mill-istess prattika jew waħda simili ta’ kummerċjant. L-effett ta’ prattika ħażina jista’ tant ikun mifrux li jwassal biex iħarbat is-swieq. Pereżempju, il-banek fir-Renju Unit qed ikunu investigati talli b’mod sistematiku imponew ħlasijiet eċċessivi fuq mijiet ta' eluf ta’ konsumaturi li kellhom overdraft fil-kontijiet tagħhom[1]. Grupp ta’ konsumaturi fil-Portugall fittxew lil kumpanija tat-telekom li kienet talbet ħlas tal-bidu lit-tliet miljun klijent tagħha. Wara li ressqu ilment flimkien, il-Qorti ta’ Liżbona ddeċidiet li l-ħas kien illegali u kellu jingħata lura lill-klijenti. Il-kumpens li ngħata lill-konsumaturi kien ta’ EUR 70 miljun.

Il-problema

Il-konsumaturi dejjem jistgħu jidħlu l-qorti biex jiksbu rimedju individwali. Klejms bil-massa jistgħu mbagħad fil-prinċipju jkunu riżolti ma' għadd kbir ta' klejms individwali. Iżda, studji li saru mill-Kummissjoni juru li bħalissa meta l-konsumaturi li jkunu affettwati minn prattika ħażina jkunu jridu jsegwu l-każ, huma jħabbtu wiċċhom ma' xkiel sostanzjali[2] f'termini ta' aċċess, effettività u affordabbiltà.

Billi, fejn jeżisti, rimedju kollettiv jista' potenzjalment jipprovdi mezz komplimentari siewi biex jitnaqqas id-dannu għall-konsumatur, il-Green Paper tiffoka fuq rimedju kollettiv bħala għodda li tista' tgħin issolvi l-problemi li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom magħhom biex jiksbu rimedju għal klejms tal-massa kemm fil-kuntesti nazzjonali u kemm transkonfinali. Mas-76 % tal-konsumaturi jkunu iktar lesti li jiddefendu d-drittijiet tagħhom fil-qorti jekk huma jingħaqdu ma' konsumaturi oħra.

It-tisħiħ tal-abbiltà tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għal rimedju effettiv għandu diversi vantaġġi:

  • ikun assigurat li l-konsumaturi li jkunu sofrew dannu minn prattika kummerċjali ħażina u illegali jkunu kumpensati għat-telf tagħhom;
  • jissaħħaħ il-livell globali ta' rispett għal-liġi tal-UE billi l-kumpaniji jkunu skoraġġiti milli jidħlu f'attivitajiet illegali li jtuhom vantaġġ kompetittiv mhux ġust kontra operaturi oħra;

Fil-Green Paper qed ikunu ssuġġeriti diversi għażliet għad-dibattitu: (1) ebda azzjoni immedjata, (2) kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li jestendu s-sistemi ta' rimedju kollettiv nazzjonali lil konsumaturi minn Stati Membri oħra li ma għandhomx mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv, (3) taħlita ta' strumenti politiċi biex jissaħħaħ ir-rimedju għall-konsumatur (inklużi mekkaniżmi ta' litigazzjoni alternattiva tal-konsumatur b'mod kollettiv, setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali ta' infurzar biex jitolbu lill-kummerċjanti biex jagħtu kumpens lill-konsumaturi u li jkunu estiżi klejms żgħar biex ikunu ttrattati klejms tal-massa), (4) miżuri li jorbtu jew li ma jorbtux għal proċedura ġudizzjarja ta' rimedju kollettiv biex tkun fl-Istati Membri kollha. Hija miftuħa wkoll għall-konsiderazzjoni kompbinazzjoni ta' elementi differenti minn dawn l-għażliet.

L-isfond

Studji u stħarriġiet magħmula għall-Kummissjoni juru li x-xkiel għall-konsumaturi, li jinkludu b’mod partikolari spejjeż għolja, riskju ta’ litigazzjoni, proċeduri komplessi u twal, ifisser li, wieħed minn kull ħames konsumaturi Ewropej ma jidħlux il-qorti biex jiksbu rimedju għal klejms ta’ inqas minn EUR 1 000. Nofshom jgħidu li huma ma jidħlux il-qorti biex jiksbu rimedju għal inqas minn EUR 200. Tlettax-il Stat Membru biss bħalissa għandhom fis-seħħ sistemi nazzjonali differenti li jipprovdu l-possibbiltà ta' rimedju kollettiv għall-konsumaturi. L-evidenza hija li dawn il-mekkaniżmi nazzjonali kienu applikati biss fi ftit każijiet f'dawn l-aħħar snin. Pereżempju, erbgħa biss f’10 miljun ruħ kull sena ħadu sehem f’azzjonijiet ta’ rimedji fil-Ġermanja, filwaqt li l-iskema ta’ rimedju kollettiv fil-Portugall laħqet l-aktar nies f’każ wieħed.

Il-Green Paper:

http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/collective_redress_en.htm

Il-kummenti għandhom jintbagħtu sal-1 ta’ Marzu 2009 lil:

mailto:Sanco-consumer-collective-redress@ec.europa.eu

Ara MEMO/08/741; MEMO/05/489


[1] http://www.oft.gov.uk/advice_and_resources/resource_base/market-studies/current/personal/personal-test-case

[2] Cf. Studju rigward il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi biex jiksbu rimedju għal ksur ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-konsegwenzi ekonomiċi ta' problemi bħal dawn (Studju tal-Problema), p. 35, http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/collective_redress_en.htm


Side Bar