Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/08/1771

Brussell, il-26 ta' Novembru 2008

Il-Kummissjoni tniedi Pjan ta' Rkupru maġġuri għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, biex tagħti spinta lid-domanda u tkattar mill-ġdid il-fiduċja fl-ekonomija Ewropea.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan komprensiv biex tagħti spinta lill-ekonomija Ewropea biex tirkupra mill-kriżi preżenti li tinsab fiha. Il-Pjan ta' Rkupru huwa bbażat fuq żewġ elementi prinċipali ta' tisħih reċiproku. L-ewwelnett, se jittieħdu miżuri għal perjodu qasir biex jagħtu spinta lid-domanda, isalvaw l-impjiegi u jgħinu biex titkattar mill-ġdid il-fiduċja. It-tieni, se jsir "investiment għaqli", biex jipproduċi tkabbir akbar u prosperità sostenibbli għat-tul. Il-pjan jagħmel sejħa għal stimulu fiskali temporanju f'waqtu u mmirat, ta' madwar € 200 biljun jew 1.5% tal-GDP tal-UE, fejn se jintużaw kemm il-baġits nazzjonali (madwar €170 biljun, 1.2% tal-GDP) kif ukoll il-baġits tal-UE u tal-Bank Ewropew tal-Investiment (madwar €30 biljun, 0.3% tal-GDP). Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri maġġuri għall-ġid taċ-ċittadini tiegħu u għall-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa Il-Pjan ta' Rkupru se jsaħħaħ u jħaffef ir-riformi li diġà għaddejjin bħalissa taħt l-Istrateġija ta’ Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi ta’ Liżbona Il-pjan jinkludi azzjoni estensiva fl-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE biex jgħin lill-familji u lill-industrija u jikkonċentra s-sostenn fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Il-pjan jipproponi passi konkreti biex jippromwovi l-intraprenditorija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluża dik fl-industrija tal-karozzi u fl-industrija tal-kostruzzjoni. Il-Pjan ta' Rkupru huwa mmirat biex jagħti spinta lill-isforzi fil-ħidma kontra l-problema tat-tibdil fil-klima filwaqt li fl-istess ħin joħloq opportunitajiet ta' impjiegi tant meħtieġa, permezz ta', pereżempju, investiment strateġiku f'bini u f'teknoloġija li jikkonservaw l-enerġija.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: "Żminijiet partikolari jirrikjedu miżuri partikolari. Hemm fin-nofs l-impjiegi u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna. L-Ewropa għandha bżonn testendi l-koordinazzjoni mingħajr preċedent tagħha fuq is-swieq finanzjarji, lejn l-ekonomija reali. Dan il-Pjan ta' Rkupru huwa kbir u ambizzjuz, iżda xorta waħda strateġiku u sostenibbli Il-pjan jibni fuq il-proposti tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru li kienu l-ewwel pjan li wassal lil hinn mis-sontenn mogħti waqt il-kriżi fis-settur finanzjarju u jindirizza l-problemi fl-ekonomija reali. Nieħu pjaċir meta nara li l-pjan kien u għadu l-ispirazzjoni għal azzjoni mħabbra minn qabel mill-Istati Membri."

Il-President żied jgħid: Il-Pjan ta' Rkupru jista' jżomm miljuni ta’ persuni fl-impieg fuq perjodu ta' żmien qasir. Jista' jdawwar il-kriżi f'opportunità biex jinħoloq tkabbir b'tniġġis ristrett u aktar impjiegi u impjiegi aħjar fil-ġejjieni. L-istimulu fiskali f'waqtu, immirat u temporanju se jgħin biex l-ekonomija tagħna terġa' tqum fuq saqajha, fi ħdan il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Investimenti għaqlin fil-ħiliet u fit-teknoloġiji tal-ġejjieni se jħaffu l-ispinta taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex l-ekonomija tal-Ewropa tas-seklu 21 ssir waħda dinamika li tiddependi anqas mill-karbonju.

Jekk l-Ewropa taġixxi b'mod deċisiv biex timplimenta dan il-Pjan ta' Rkupru, nkunu nistgħu nerġgħu naqbdu t-triq lejn tkabbir sostenibbli u nħallsu lura s-self li ngħata għal żmien qasir mill-gvern. Jekk ma niħdux azzjoni fil-pront, inkunu qegħdin fil-periklu li naqgħu f'ċiklu vizzjuż ta' reċessjoni fejn se tonqos is-saħħa tax-xerrej u se jonqos id-dħul fuq it-taxxi, filwaqt li jiżdied il-qgħad u jitwessgħu, iżjed minn qatt qabel, l-iżbilanċi fil-baġit ."

Stimulu fiskali ta' 1.5% tal-GDP

Il-lievi politiki kollha se jiġu attivati permezz tal-Pjan ta' Rkupru. Il-pjan jinkludi stimulu fiskali kkoordinat ta' madwar €200 biljun jew 1.5% tal-GDP, b'madwar €170 biljun (1.2% of GDP) mill-Istati Membri, bħala azzjoni fil-baġits tagħhom, u madwar €30 billion (0.3% of GDP) bħala azzjoni fil-livell tal-UE fi ħdan il-baġit tal-UE u mill-Bank tal-Investiment Ewropew. L-istimulu se jibqa' fi ħdan il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li se jieħu vantaġġ mill-flessibilità sħiħa tal-Patt. L-Istati Membri li se jniedu pakketti ta' stimulu se jibbenifikaw f'żewġ modi: Se jistimulaw id-domanda fl-ekonomiji tagħhom stess; u se jistimulaw id-domanda fi Stati Membri oħra biex b'hekk jagħtu spinta kbira lill-esportaturi tagħhom stess. Azzjoni kkordinata se tiġġenera effett ta' multiplikazzjoni u se tevita problemi li jistgħu jirriżultaw minn approċċ frammentat.

Bħala parti mill-kontribut tal-UE għal dan l-istimulu, il-Pjan jipproponi li l-pagamenti [ta' mhux aktar minn € 6.3 billion] għandhom ikunu aċċelerati taħt il-fondi strutturali u soċjali. Sabiex jitjiebu l-interkonnessjonijiet tal-enerġija u tal-infrastruttura broadband, il-Kummissjini se timmobilizza ammont barra u minn fuq ta' € 5 billion għall-perjodu 2009-10

Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jżid l-intervenzjonijiet annwali tiegħu fl-UE b'xi €15-il biljun fl-2009 u b'ċifra simili fl-2010.

Il-protezzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi

Il-prijorità ewlenija hija li ċ-ċittadini tal-UE jigu mħarsa mill-effetti l-aktar ħorox tal-kriżi finanzjarja. Huma se jintlaqtu l-ewwel kemm jekk huma ħaddiema, familji, jew intraprendituri.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tissimplifika l-kriterji tal-Fond Soċjali Ewropew, tipprogramma mill-ġdid l-infiq u żżid il-pagamenti bil-quddiem fil-bidu tal-2009, biex b'hekk l-Istati Membri jkollhom aċċess aktar malajr għal ammont li jlaħħaq €1.8 biljun, biex bihom jinfurzaw linji ta' politika attivi dwar l-impieg, jiffukaw mill-ġdid is-sostenn għal fuq dawk l-aktar vulnerabbli, iżidu l-azzjoni li ttieħdet biex tagħti spinta lill-ħiliet u fejn neċessarju jagħżlu li jgawdu minn finanzjament sħiħ mill-Komunità dwar progetti matul dan il-perjodu.

Finanzjament ta' koeżjoni li jlaħħaq €4.5 million se jigi miġjub 'il quddiem, flimkien ma' miżuri oħra biex bihom l-implimentazzjoni ta' progetti ta' investiment maġġuri tiġi aċċelerata u dan ukoll se jkun ta' kontribut biex jiġu protetti l-impjiegi u jinħolqu oħrajn ġodda.

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGAF) se jiġi rrivedut sabiex ikun jista' jaġixxi aktar fil-pront u biex l-iskop tiegħu jitwessa' ħalli b'hekk ikun jista' jgħin biex persuni jżommu l-impieg tagħhom kif ukoll isibu impjiegi ġodda. Il-baġit tal-EAGF ukoll se jiġi rivedut.

Sabiex tinħoloq domanda għall-ħaddiema, il-Pjan jistieden l-Istati Membri biex jikkunsidraw li jnaqssu l-ispejjeż soċjali ta' min iħaddem, fuq dħul aktar baxx u jagħmel sejħa lill-Kunsill biex jadotta, qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2009, id-Direttiva proposta biex isir tnaqqis permanenti fir-rati tal-VAT fejn għandhom x'jaqsmu servizzi ta' xogħol intensiv

Investimenti bil-għaqal

Il-Pjan ta' Rkupru jinkludi proposti ddettaljati għal sħubijiet bejn is-settur pubbliku - permezz ta' finanzjament mil-Komunità, mil-BEI u finanzjament nazzjonali – u s-setturi privati biex tingħata spinta lit-teknoloġiji li ma tantx iniġġsu l-ambjent permezz ta' sostenn favur l-innovazzjoni: Dawn jinkludu inizjattiva Ewropea dwar karozzi li ma tantx iniġġsu b'finanzjament ikkombinat ta' mill-inqas €5 biljun, inizjattiva Ewropea dwar bini li jikkonserva l-enerġija li tiswa €1 biljun; u inizjattiva dwar "il-fabbriki tal-ġejjieni" li hija stmata li tiswa €1.2 biljun.

L-enfasi tal-Pjan ta' Rkupru se tkun fuq "investimenti għaqlin". Investiment akbar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (mill-ġdid) jgħin lin-nies iżommu l-impjiegi tagħhom u biex jerġgħu jkunu kompettitivi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li titkattar il-produttività. Investiment fl-infrastruttura u fil-konservazzjoni tal-enerġija jżomm il-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni impjegati, jikkonserva l-enerġija u jtejjeb l-effiċjenza. Investiment f'karozzi li ma tantx jniġġsu l-ambjent se jgħin biex titħares id-dinja u se jagħti lill-kumpaniji Ewropej vantaġġ f'suq kompettitiv għall-aħħar.

Il-Pjan ta' Rkupru se jibni fuq l-Att tan-Negozji ż-Żgħar biex jipprovdi għajnuna ulterjuri għall-SME's, li jinkludu fost oħrajn it-tneħħija tal-obbligazzjoni fuq mikrointrapriżi li jħejju l-kontijiet annwali, li jitħaffef l-aċċess għall-kisbiet pubbliċi u jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu l-fatturi fi żmien xahar.

Il-Pjan jinkludi wkoll inizjattivi ulterjuri biex jiġu applikati regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b'tali mod li tkun tista' tinkiseb flessibilità massima biex tissolva l-kriżi filwaqt li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet. Dawn il-passi l-ġodda jinkludu pakkett ta' simplifikazzjoni biex jitħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet, issir żieda temporanja "fil-limitu ta' sikurezza" tal-kapitali fir-riskju għal €2.5 miljun u, ukoll b'mod temporanju, biex jiġi garantit is-self lin-negozji.

Strateġija bbilinaċjata u ddifferenzjata

Il-proposta għal stimulu fiskali hija mmirata biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jieħdu sehem filwaqt li jevitaw approċċ fejn kollox ikun l-istess għal kulħadd li ma jkunx jista jitħaddem minħabba li l-Istati Membri ma bdewx ilkoll fl-istess ħin (ara IP/08/1617 dwar it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa tal-Kummissjoni). Dawk li ħadu vantaġġ miż-żminijiet fejn kien hemm il-ġid biex jiksbu finanzi pubbliċi stabbli għandhom l-aktar libertà.

Il-livell tal-istimulu huwa bilanċjat. Min-naħa, hija suffiċenti biex tkun effettiva biex tillimita l-qgħad u tgħin miljuni ta' SME's biex ikomplu għaddejjin minkejja l-kriżi. Min-naħa l-oħra, l-istimulu jevita livelli ta' dejn li jdum ma jitħallas li jistgħu jikkompromettu l-bażi ekonomika tal-Ewropa għat-tul u jwassal għall-qgħad kbir fil-futur.

L-istimulu huwa previst għal massimu ta' sentejn (2009-10) u wara dan il-perjodu l-Istati Membri għandhom ireġġgħu lura d-deterjorament baġitarju. L-Istati Membri se jintalbu jfissru kif bi ħsiebhom jagħmlu dan u jiżguraw sostenibbilità fit-tul fil-Programmi aġġornati ta' Stabbilità jew Konverġenza li għandhom jiġu ppreżentati sa l-aħħar tal-2008.

Riformi strutturali

Sabiex iħaffef u jsaħħah l-irkupru kif ukoll biex jipprova jipprevjeni kriżi oħra fil-futur, il-Pjan ta' Rkupru tal-Kummissjoni jipprevedi riformi strutturali ambizzjużi mfassla skont il-ħtiġijiet individwali tal-istati Membri. Xi wħud minn dawn ir-riformi se jkunu komplimentari mal-istimulu fiskali biex tissaħħaħ id-domanda, pereżempju billi jkun hemm sostenn għas-saħħa tax-xerrej billi jitjib il-funzjonament tas-swieq. Ir-riformi strutturali t-tajbin flimkien ma' investimenti għaqlin se jgħinu lill-Istati Membri, li se jkomplu jibnu fuq il-progress li diġà sar taħt it-Trattat ta' Liżbona, itejbu l-kompettività ezistenti u biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jħallsu lura s-self u jibnu pjattaforma għal tkabbir sostenibbli.

Il-Pjan isaħħaħ l-istrumenti biex jiżgura li l-Istati Membri jlaħħqu mal-Impenji tagħhom taħt l-Istrateġija ta’ Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi ta’ Liżbona. Sadanittant, il-"kapitoli dwar il-pajjiżi", maħruġa mill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru bħala parti mill-pakkett annwali dwar l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi se jevalwaw is-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u jinkludu proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi li l-Kummissjoni se tistieden lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa japprovahom Dan ifisser li l-mexxejja tal-UE se jaqblu lkoll dwar x'għandu jsir min-naħa ta' kull Stat Membru biex b'mod individwali, jimplimentaw il-Pjan ta' Rkupru filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw sostenibbilità finanzjarja fuq perjodu medju ta’ żmien, l-aktar billi jitħaffu r-riformi biex titkattar il-kompetizzjoni.

L-implimentazzjoni tal-Pjan

Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fil-Kunsill Ewropew bejn il-11 u t-12 ta' Diċembru japprovaw il-Pjan ta' Rkupru u juru d-determinazzjoni tagħhom li jaġixxu flimkien b'mod ikkoordinat għall-aħħar. B'dan il-mod l-Ewropa tista' tkun minn ta' quddiem fid-dinja f'azzjoni deċisiva biex tiġi sostnuta l-ekonomija reali, hekk kif it-tmexxija tagħha tas-swieq finanzjarji wasslet għal ftehim fil-Laqgħa Għolja tal-G20 li saret f'Washington fil-15 ta' Novembru.

Għal aktar dettalji ara MEMO/08/735

It-test sħiħ tal-Pjan ta' Rkupru se jkun disponnibbli kemm jista' jkun malajr permezz ta:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site