Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1749

Brussell, l-20 ta’ Novembru 2008

L-Agrikoltura: Il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK se tgħin lil bdiewa jilħqu sfidi ġodda

Il-Kummissjoni Ewroprea tilqa’ b’idejn miftuħa l-ftehim politiku tal-ministri tal-agrikoltura tal-UE dwar il-Verifika tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Verifika tas-Saħħa se timmodernizza, tissimplika u torganizza l-PAK u tneħħi l-ostakli għal bdiewa, b’hekk tghinhom biex jirrispondu aħjar għas-sinjali tas-suq u jiffaċjaw sfidi ġodda. Fost firxa ta’ miżuri, il-ftehim ineħħi s-serħan tal-art, iżid il-kwoti tal-ħalib bil-mod sakemm jitneħħew fl-2015, u jbiddel l-interventi tas-suq f’mekkaniżmu ġenwin ta’ sikurezza. Il-Ministri ftiehmu wkoll li jżidu l-modulazzjoni, li biha l-ħlasijiet diretti lill-bdiewa jitnaqqsu u l-flus jiġu trasferiti għall-Fond għall-Iżvilupp Rurali. Dan għandu jippermetti rispons aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet il-ġodda li qed tiffaċċa l-agrikoltura Ewropea, inkluż it-tibdil fil-klima, il-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-ilma, il-ħarsien tal-bijodiversità, u l-produzzjoni tal-enerġija mingħajr tniġġis. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jgħinu lill-produtturi tal-ħalib f’reġjuni sensittivi wkoll, biex jaġġustaw għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq.

"Ferħana li rnexxielna nsibu kompromess li jippriserva l-prinċipji kollha tal-proposta oriġinali tagħna," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Il-qofol tal-Verifika tas-Saħħa huwa li tagħti l-għodod lill-bdiewa tagħna għall-isfidi li se jiffaċjaw fis-snin li ġejjin, bħat-tibdil fil-klima, u tatihom il-libertà biex isegwu s-sinjali tas-suq. Jekk nittrasferixxu aktar flus għall-Iżvilupp Rurali, ikollna l-opportunità li nsibu soluzzjonijiet imfassla apposta għal problemi reġjonali speċifiċi. Il-bidliet li kien hemm ftehim fuqhom jirrapreżentaw pass ewlieni ’l quddiem tal-PAK.”

It-tneħħija bil-mod tal-kwoti tal-ħalib: Billi l-kwoti tal-ħalib se jiskadu f’April 2015 qed jiġi żgurat li ma jkunx hemm ‘sabta kbira’ billi l-kwoti se jiżdiedu b’1 % kull sena bejn l-2009/10 u l-2013/14. Għall-Italja, iż-żieda ta’ 5 % se tiġi introdotta immedjatament fl-2009/10. Fl-2009/10 u l-2010/11, il-bdiewa li jaqbżu l-kwoti tagħhom tal-ħalib b’aktar minn 6 % jridu jħallsu imposta ta’ 50 % ogħla mill-penali normali.

Diżakkoppjament tal-appoġġ: Ir-riforma tal-PAK “iddiżakkoppjat” il-ħlasijiet diretti lill-bdiewa, jiġifieri l-ħlasijiet ma baqgħux marbuta mal-produzzjoni ta’ prodott speċifiku. Madankollu, xi Stati Membri għażlu li jżommu xi ħlasijiet “akkoppjati” – jiġifieri marbuta mal-produzzjoni. Dawn il-ħlasijiet akkoppjati li jibqa’ issa se jġu diżakkopjati u jinbidlu fl-Iskema ta’ Pagament Uniku, bl-eċċezzjoni ta’ primjums għal baqar li jreddgħu, mogħoż u nagħaġ, fejn l-Istati Membri jistgħu jżommu l-livelli attwali ta’ appoġġ akkoppjat.

Għajnuna lis-setturi bi problemi speċjali (dawk l-hekk imsejħa miżuri tal-‘Artikolu 68'): Attwalment, l-Istati Membri jistgħu jżommu, skont is-settur, 10 % mil-limiti nazzjonali tal-baġit tagħhom għal ħlasijiet diretti għal miżuri ambjentali jew għal titjib fil-kwalità u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti f’dak is-settur. Din il-possibbiltà se ssir iżjed flessibbli. Il-flus ma jibqgħux marbuta li jintużaw bilfors fl-istess settur; jistgħu jintużaw biex jgħinu bdiewa li jipproduċu ħalib, ċanga, laħam tal-mogħoż u n-nagħaġ u ross f’reġjuni żvantaġġati jew f’tipi vulnerabbli ta’ biedja; jistgħu jintużaw ukoll bħala appoġġ għal miżuri ta’ ġestjoni ta’ riskju, bħal skemi ta’ assikurazzjoni għal diżastri naturali u fondi mutwi għall-mard tal-annimali; u pajjiżi li joperaw is-sistema tas-SAPS għandhom jiġu eliġibbli għall-iskema.

SAPS estiż: Il-membri tal-UE li japplikaw l-Iskema simplifikata ta’ Pagament Uniku skont l-Erja se jitħallew ikompluha sal-2013 minflok ikunu sfurzati jbiddlu għall-Iskema ta' Pagament Uniku sal-2010.

Finanzjament addizzjonali għal bdiewa tal-UE-12: Se jiġu allokati €90 miljun lill-UE-12 biex jagħmlulhom l-użu tal-Artikolu 68 iżjed faċli sakemm il-ħlasijiet diretti lill-bdiewa tagħhom ikunu ġew imdaħħlin kompletament.

L-użu ta’ flus attwalment mhux minfuqa: L-Istati Membri li japplikaw l-Iskema ta’ Pagament Uniku se jkunu jistgħu jużaw il-flus attwalment mhux minfuqa mill-pakkett nazzjonali tagħhom għall-miżuri tal-Artikolu 68 jew biex jittrasferixxuhom għall-Fond tal-Iżvilupp Rurali.

Neqilbu l-flus mill-għajnuna diretta għall-Iżvilupp Rurali: Attwalment, il-bdiewa kollha li qed jirċievu aktar minn €5 000 bħala għajnuna diretta se jkollhom tnaqqis ta' 5 % fil-ħlasijiet tagħhom u l-flus se jiġu trasferiti għall-baġit tal-Iżvilupp Rurali. Din ir-rata se tiżdied għal 10 % sal-2012. Se jkun hemm tnaqqis addizzjonali ta’ 4 % fuq ħlasijiet ’il fuq minn €300,000 fis-sena. Il-finanzjament akkwistat b’dan il-mod jista’ jintuża mill-Istati Membri biex isaħħu programmi fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-enerġija li tiġġedded, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità, l-innovazzjoni marbuta ma’ dawn l-erba’ oqsma u għall-miżuri ta’ akkumpanjament fis-settur tal-ħalib. Dawn il-flus trasferiti se jkunu kofinanzjati mill-UE b’rata ta’ 75 % u 90 % f’reġjuni ta’ konverġenza fejn il-PGD huwa iżjed baxx.

Għajnuna għal investiment lil bdiewa żagħżagħ: Se tiżdied l-għajnuna għal investiment lil bdiewa żagħżagħ taħt l-Iżvilupp Rurali minn, €55,000 għal €70,000.

It-tneħħija tas-serħan tal-art: Il-ħtieġa tal-bdiewa li jaħdmu l-art li jħallu 10 % tal-art tagħhom mhux maħduma qed titneħħa. Dan għandu jippermettilhom iżidu kemm jistgħu l-produzzjoni potenzjali

Il-kundizzjonalità: L-għajnuna lill-bdiewa hija marbuta mal-ħarsien tal-ambjent, il-benessri tal-annimali u l-istandards tal-kwalità fl-ikel. Il-bdiewa li ma jirrispettawx ir-regoli jitnaqqsilhom l-appoġġ. Din l-hekk imsejħa Kundizzjonalità se tiġi ssimplifikata, billi jitneħħew l-istandards li mhumiex rilevanti jew mhumiex marbuta mar-responsabbiltà tal-bidwi. Se jiżdiedu rekwiżiti ġodda biex jinżammu l-benefiċċji ambjentali tas-serħan tal-art u tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma.

Mekkaniżmi ta’ intervent: Miżuri tal-provvista tas-suq ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-bdiewa biex jirrispondu għas-sinjali tas-suq. L-intervent se jitneħħa għal majjal u se jiġi ffissat għal żero għax-xgħir u s-sorgu. Għall-qamħ, ix-xiri tal-intervent se jkun jista’ jsir matul il-perjodu tal-intervent bil-prezz ta’ €101.31/tunnellata sa 3 miljun tunnellata. Għal ammont ikbar, trid tinħareġ sejħa għall-offerti. Għall-butir u trab tal-ħalib xkumat, il-limiti se jkunu 30,000 tunnellata u 109,000 tunnellata rispettivament, iktar minn hekk l-intervent se jkun bl-offerta.

Miżuri oħrajn: Serje ta’ skemi żgħar ta’ appoġġ se tiġi diżakkoppjata u tinbidel għall-SPS mill-2012. Il-primjum għall-uċuħ għall-enerġija se jitneħħa.

http://ec.europa.eu/agriculture/healthcheck/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website