Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1747

Brussell, l-20 ta' Novembru 2008

Issa Onlajn: L-"Europeana", il-Librerija Digitali Ewropea

L-Europeana, il-librerija multimedja onlajn Ewropea, illum tiftaħ għall-pubbliku. Fl-indirizz www.europeana.eu, l-utenti tal-internet minn madwar id-dinja issa għandhom aċċess għal iktar minn żewġ miljun ktieb, mappa, rikording, ritratt, dokument arkivjat, pittura u film minn libreriji nazzjonali u istituzzjonijiet kulturali tas-27 Stat Membru tal-UE. L-Europeana tiftaħ modi ġodda kif wieħed jista’ jesplora l-wirt Ewropew: kull min huwa interessat fil-letteratura, l-arti, ix-xjenza, il-politika, l-istorja, l-arkitettura, il-mużika jew iċ-ċinema se jkollu aċċess għall-aqwa kollezzjonijiet u kapolavuri Ewropej, b’xejn u malajr, f’librerija virtwali waħda permezz ta' portal tal-internet fil-lingwi kollha tal-UE. Imma dan huwa biss il-bidu. Fl-2010, l-Europeana se tagħti aċċess għal miljuni ta' oġġetti li jirrappreżentaw id-diversità kulturali għanja tal-Ewropa u se jkollha żoni interattivi bħalma huma komunitajiet għal interessi speċjali. Bejn l-2009 u l-2011, maż-€2 miljun fis-sena ta’ finanzjament tal-UE se jiġu ddedikati għal dan. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tinvolvi lis-settur privat għal iktar tkabbir tal-librerija diġitali Ewropea. F’Settembru 2007, il-Parlament Ewropew, f’riżoluzzjoni vvutata b’maġġoranza assoluta, appoġġa l-ħolqien ta' librerija diġitali Ewropea.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: "Bl-Europeana, aħna ngħaqqdu l-vantaġġ kompetittiv Ewropew fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tan-netwerking mal-wirt kulturali għani tagħna. L-Ewropej issa jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi inkredibbli tal-kollezzjonijiet mill-aqwa tagħna malajr u faċilment, fi spazju wieħed. L-Europeana hija ħafna iktar minn librerija, hija għajn dinamika ta’ spirazzjoni li tħeġġeġ lill-Ewropej tas-seklu wieħed u għoxrin biex jimitaw il-kreattività ta’ antenati innovattivi bħalma kienu l-mexxejja tar-Rinaxximent. Immaġina l-possibiltajiet li toffri lill-istudenti, lil dawk li jħobbu l-arti jew lill-iskulari biex jaċċessaw, jgħaqqdu u jfittxu t-teżori kulturali tal-Istati Membri kulturali kollha onlajn. Din hija turija soda tal-fatt li l-kultura tinsab fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea."

Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, qalet "L-Europeana toffri vjaġġ fiż-żmien, min-naħa għal oħra tal-fruntieri, u tressaq lil dak li jkun għal ideat ġodda ta’ x’inhi l-kultura tagħna. Aktar minn hekk, permezz ta’ paġni u għodod interattivi tgħaqqad in-nies mal-istorja tagħhom u ma’ xulxin." "Jiena issa nistieden lill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej, lid-djar tal-editorija u lill-kumpaniji tat-teknoloġija biex jimlew l-Europeana b’iżjed kontenut diġitali. L-Europeana għandna nagħmluha l-post ċentrali għall-parteċipazzjoni interattiva u kreattiva fuq ponot subgħajn dawk in-nies li jridu jiffurmaw dik ix-xi ħaga kulturali Ewropea tagħhom u jaqsmuha mal-oħrajn. L-għan tiegħi hu li fl-2010 l-Europeana jkun fiha tal-anqas 10 miljun oġġett."

Elisabeth Niggemann, id-Direttriċi Ġenerali tal-Librerija Nazzjonali Ġermaniża u l-president tal-Fondazzjoni Ewropea tal-Libreriji Diġitali – l-organizzazzjoni wara l-Europeana – żiedet tgħid: "L-Europeana tagħmel l-entitajiet kulturali iktar relevanti għall-ġenerazzjoni tal-Web 2.0 – li tistenna li tkun kapaċi taqra test, tara vidjow, tisma' l-ħsejjes u tara x-xbihat, kollox fl-istess spazju u ħin. Billi toffri liż-żgħażagħ esperjenza multimedjali sħiħa, se tgħaqqadhom mal-kultura tal-Ewropa, tal-passat u tal-preżent."

L-Europeana tagħmilha possibbli li wieħed ifittex u jibbrawżja l-kollezzjonijet diġitizzati tal-libreriji, l-arkivji u l-mużewijiet Ewropej kollha f'daqqa. Dan ifisser li l-utenti jistgħu jesploraw temi mingħajr ma joqogħdu jfittxu jew iżuru ħafna siti u riżorsi.

L-Europeana nbdiet mill-Kummissjoni fl-2005 u tat il-frott permezz tal-kooperazzjoni sħiħa mal-libreriji nazzjonali u ma’ entitajiet kulturali oħrajn tal-Istati Membri, kif ukoll permezz tal-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew. L-Europeana hija mmexxija mill-Fondazzjoni Ewropea tal-Libreriji Diġitali, li tiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-libreriji, tal-arkivji, tal-mużewijiet, tal-arkivji awdjoviżivi u tal-istituzzjonijiet kulturali Ewropej. L-Europeana hija ospitata mil-librerija nazzjonali Olandiża, il-Koninklijke Bibliotheek.

Aktar minn 1 000 organizzazzjoni kulturali minn madwar l-Ewropa pprovdiet materjal għall-Europeana. Il-mużewijiet Ewropej, inklużi l-Louvre f’Pariġi u r-Rijksmuseum f’Amsterdam, ipprovdew pitturi diġitizzati u oġġetti mill-kollezzjonijiet tagħhom. L-arkivji tal-Istati qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-proġett dokumenti nazzjonali importanti, u l-Institut National de l’Audiovisuel ta’ Franza pprovda 80 000 xandira rrekordjata tas-seklu għoxrin, li saħansitra jmorru lura sa filmati bikrija miġbuda fuq il-kamp tal-battalja ta’ Franza fl-1914. Il-libreriji nazzjonali madwar l-Ewropa kollha kkontribwew materjal stampat u miktub bl-idejn, inkluż kopji diġitizzati tal-kotba l-kbar li welldu ideat ġodda.

Fl-2009-2010 madwar €69 miljun se jkunu disponibbli għar-riċerka dwar il-libreriji diġitali permezz tal-programm tar-riċerka tal-UE. Fl-istess perjodu ta’ żmien, is-soċjetà tal-informazzjoni li tagħmel parti mill-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni se talloka madwar €50 miljun biex ittejjeb l-aċċess għall-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew.

L-isfond:

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem fuq id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-materjal kulturali sa mill-2000. Bejn l-2000 u l-2005, ikkofinanzjat proġetti ta’ riċerka u stimulat kollaborazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri li riedu jitfgħu l-wirt kulturali tagħhom onlajn.

F’Ġunju 2005, il-Kummissarju Reding għamlet il-librerija diġitali Ewropea proġett ta' prominenza tal-istrateġija i2010 tal-UE għal Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi (IP/05/643). F’Settembru 2005, il-Kummissjoni ddefiniet il-miżuri meħtieġa biex tagħmel il-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew aċċessibbli għal kulħadd (IP/05/1202). F’Awwissu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni lill-Istati Membri talbithom biex isaħħu l-isforzi tagħhom ħalli jikkontribwixxu għall-Europeana, speċjalment billi jipprovdu iktar fondi għad-diġitizzazzjoni u jagħtu figuri aktar ċari dwar kemm se jiddiġitizzaw materjal. (IP/08/1255, MEMO/08/546).

Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-Librerija Diġitali Ewropea kienet akkumpanjata minn Grupp ta’ Livell Għoli ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat: mill-istituzzjonijiet kulturali, mill-industrija tal-ICT u mid-detenturi tad-drittijiet.

Għal aktar tagħrif:

http://www.europeana.eu

http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/index_en.htm

Press pack Europeana:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=4505

Ir-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2008, "Lejn librerija diġitali Ewropea" (ir-relatriċi: Marie-Hélène Descamps) tista’ tinstab fuq:

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P6-TA-2007-0416

Avviż importanti:
L-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Europeana se ssir illum, il-Ħamis, l-20 ta' Novembru, fil-'Palais de Charles de Lorraine' fil-Librerija Nazzjonali Rjali ta’ Brussell, fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, il-Kummissarju Viviane Reding (is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja), Christine Albanel, il-Ministru Franċiża tal-Kultura u l-President ta’ bħalissa tal-Kunsill tal-UE tal-Ministri tal-Kultura, il-Ministri tal-UE li huma responsabbli għall-kultura u l-affarijiet awdjoviżivi kif ukoll ir-rappreżentanti tal-entitajiet kulturali Ewropej.
Illum it-tnedija uffiċjali tal-Europeana se ssegwi laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura fi Brussell. F’din il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministri tal-Kultura huma mistennija li jadottaw il-konklużjonijiet li jesprimu appoġġ politiku qawwi għall-proġett Europeana tal-Kummissjoni Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website