Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1739

Brussell, id-19 ta' Novembru 2008

Il-Kummissjoni tilqa’ l-qbil politiku dwar l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel li tiswa €90 miljun kull sena

Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-qbil politiku li ntlaħaq illum fil-Kunsill tal-Agrikoltura dwar il-proposta tagħha għal skema mifruxa mal-UE kollha kemm hi biex tipprovdi frott u ħaxix b’xejn lit-tfal tal-iskola. Fondi Ewropej ta’ €90 miljun fis-sena se jħallsu għax-xiri u t-tqassim ta' frott u ħaxix frisk lill-iskejjel. F’dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jużaw il-programm, dawn il-flus se jkunu rdjuppjati permezz ta’ fondi nazzjonali u privati. L-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel għandha l-għan li tinkoraġġixxi drawwiet tajba t l-ikel fost iż-żgħar u ż-żgħażagħ, liema drawwiet, skont l-istudji, x’aktarx ma jinbidlux fil-fażijiet sussegwenti tal-ħajja. Minbarra li tipprovdi frott u ħxejjex b’xejn li grupp fil-mira ta’ tfal tal-iskola, l-iskema se tirrikjedi li l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem iwaqqfu strateġiji nazzjonali, inklużi inizjattivi edukattivi u ta' trawwim tal-kuxjenza kif ukoll il-qsim tal-aħjar prattiki. Huwa stmat li fl-UE hemm 22 miljun tifel u tifla li għandhom piż żejjed. Aktar minn 5 miljun minn dawn huma obeżi, u din iċ-ċifra mistennija tikber b’400 000 kull sena. Nutriment imtejjeb jista’ jkollu rwol importanti fil-ġlieda kontra din il-problema. L-iskema se tibda mal-ftuħ tas-sena skolastika 2009/2010.

“Kuntenta li l-Kunsill ta l-appoġġ tiegħu daqshekk malajr għall-pjan tagħna,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Huwa ta’ importanza kruċjali li lit-tfal indarruhom tajjeb minn kmieni, minħabba li dawn id-drawwiet jibqgħu għaddejjjin bihom fil-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjithom. Hemm wisq minn uliedna li ftit li xejn jieklu frott u ħaxix, u li spiss ma japprezzawx kemm hu bnin dan l-ikel. Kulma għandek tagħmel biex tara kemm huma kbar il-problemi li qed niffaċċaw bi tfal li għandhom piż żejjed hu li toħroġ passiġġata żgħira f’xi triq prinċipali ta’ belt fl-Ewropa. Issa nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwarha din il-problema.”

L-esperti jaqblu li dieta tajba jista’ jkollha rwol tal-qofol biex tnaqqas ir-rati tal-obeżità u ċċekken ir-riskju ta’ problemi serji tas-saħħa – bħall-mard kardjovaskulari u d-dijabete2 – aktar ‘il quddiem f’ħajjet dak li jkun. Il-konsum ta’ kwantitajiet suffiċjenti ta’ frott u ħxejjex huwa ta’ importanza kbira f’dan. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda konsum medju ta’ kuljum ta’ 400 gramma ta’ frott u ħaxix kull ras. Il-parti l-kbira tal-Ewropej din il-mira ma jilħquhiex u x-xejra negattiva tidher b’mod partikolari fost iż-żgħar u ż-żgħażagħ.

L-istudji juru li drawwiet tajbin tal-ikel jissawru fiċ-ċkunija. Dawk li fi ċkunithom ikunu draw jieklu ħafna frott u ħaxix jibqgħu jikkunsmawhom sewwa fil-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjiethom. Dawk li ftit li xejn jikluhom x’aktarx li ma jaqbdux rotta oħra, u barra minn hekk drawwiethom jgħadduhom lil uliedhom. Ir-riċerka wriet ukoll li l-familji bi dħul baxx x’aktarx jikkunsmaw anqas frott u ħxejjex. Fiha nnifisha, il-provvista b’xejn fl-iskejjel ta’ dawn il-prodotti tajbin għas-saħħa tista’ tassew tagħmel differenza, partikolarment fi nħawi żvantaġġati.

Sew l-analiżi tal-Kummissjoni tal-politiki nazzjonali eżistenti kif ukoll il-konsultazzjonijiet mal-esperti wrew li l-benefiċċji tal-iskema fl-iskejjel jistgħu jissaħħu jekk id f’id mal-provvista tal-frott jittieħdu miżuri edukattivi u għat-trawwim tal-kuxjenza biex it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza ta’ drawwiet tajbin tal-ikel. Se jingħata wkoll inkoraġġiment biex tinħoloq xibka ta’ kuntatti bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti li jmexxu b’suċċess skemi tal-frott fl-iskejjel. F’xi pajjiżi tal-UE dawn diġà jeżistu, u jieħdu suriet differenti. Imma hemm wisq iktar li għadu jista’ jsir, u din l-iskema tal-UE tipprovdi bażi perfetta biex invaraw programmi ġodda.

Il-Kummissjoni qed tqiegħed fuq il-mejda €90 miljun fis-sena għall-provvista ta’ frott u ħxejjex fl-iskejjel. Il-Gvernijiet ikollhom l-għażla jekk jeħdux sehem jew le. Il-programmi jkunu kofinanzjati, jew fuq bażi 50/50, jew inkella fuq bażi 75/25 fir-reġjuni hekk imsejħa ‘ta’ konverġenza’ fejn il-PGD kull ras huwa aktar baxx, kif ukoll fir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Jekk iridu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu kontribuzzjoni obbligatorja mill-ġenituri. Dawn il-flus ma jistgħux jintużaw biex jieħdu post il-finanzjament nazzjonali eżistenti, imma jistgħu jinkoraġġixxu attivitajiet addizzjonali, sew jekk dawn ikollhom xi rabta ma’ programmi eżistenti kif ukoll jekk joħolqu inizjattivi għal kollox ġodda. U m’għandniex xi ngħidu, l-Istati Membri jistgħu jżidu somom addizzjonali jekk hekk ikunu jridu. L-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ifasslu strateġija flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tal-edukazzjoni, bl-involviment ukoll tal-industrija u tal-gruppi ta’ interess, naturalment imfassla skont il-preferenzi nazzjonali.

Tagħrif u dokumenti dwar l-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel huma disponibbli fis-sit:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/fruitveg/sfs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website