IP/08/1736
Brussell, 19 ta' Novembru 2008
Hija u tniedi l-programm fl-Università ta' Haute Alsace f'Colmar (Franza), il-Kummissarju Kuneva qalet: "Meta nħarsu lejn il-ġrajjiet kurrenti, bħat-taqlib finanzjarju u l-prezzijiet jogħlew, ma nistgħux nistqarru biżżejjed l-importanza tal-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. Għalhekk jiena partikolarment ferħana li s-setgħa tal-konsumaturi issa hija sostanzjalment parti mit-taħriġ universitarju fl-Ewropa".
Għalfejn Masters Ewropew fl-Affarijiet tal-Konsumatur?
Id-drittijiet tal-konsumatur u l-benessri tal-konsumatur huma dejjem iżjed importanti, speċjalment fil-klima ekonomika tal-lum fejn l-għażliet infurmati qegħdin jagħmlu differenza reali għall-kunsumaturi kuljum. Il-konsumaturi jeħtieġu aċċess sempliċi għal tagħrif ċar u pariri professjonali jekk iridu jixtru b'kunfidenza, kemm minn pajjiżhom u kemm minn pajjiżi oħra. Barra minn hekk, minkejja l-interess sostanzjali muri minn min iħaddem fir-reklutaġġ ta' speċjalisti biex jissodisfaw dan il-bżonn, ma kien hemm l-ebda kors postgradwali fl-Ewropa ddedikat speċifikament għall-affarijiet tal-konsumatur. L-inizjattiva l-ġdida, li tiġbor flimkien universitajiet minn madwar l-UE, għandha l-għan li tissodisfa l-bżonnijiet kemm tal-konsumaturi u kemm ta' min iħaddem, billi toħloq razza ġdida ta' kors ta' grad avvanzat li jgħaqqad ħsibijiet minn firxa ta' dixxiplini tradizzjonali (mil-liġi għall-kummerċjalizzazzjoni għall-psikoloġija) filwaqt li jittratta wkoll ma' suġġetti tal-konsumatur fil-livell tal-UE.
Liema universitajiet?
Il-programmi ta' grad Masters se jsiru fi 13-il belt f’9 Stati Membri. Dawn l-universitajiet huma maqsuma fi 3 konsorzji, b'fokus tematiku differenti għal kull wieħed minnhom (* tindika l-universitajiet li qed jikkordinaw):
Grupp 1: Is-suġġetti jinkludu l-kummerċjalizzazzjoni/ġestjoni, it-teknoloġija orjentata lejn il-konsumtur; il-konsum sostenibbli; l-ikel u n-nutrizzjoni: l-istudji tal-konsumatur; l-iżvilupp fil-katina tal-forniment
*L-Università Teknika ta' Munich (il-Ġermanja)
L-Università ta' Aarhus (id-Danimarka)
L-Università ta' Wageningen (l-Olanda)
L-Università tax-Xjenzi tal-Ħajja ta' Varsavja (il-Polonja).
Grupp 2: Is-suġġetti jinkludu l-imġiba tal-konsumatur; kwistjonijiet ġuridiċi; ir-relazzjoni tal-intrapriżi u l-konsumaturi
*L-Università ta' Haute Alsace f'Mulhouse (Franza)
L-Institut Catholique des Hautes Etudes Commerciales (ICHEC) fi Brussell (il-Belġju)
L-Akkademja tal-Istudju Ekonomiċi f'Bukarest (ir-Rumanija)
L-Università Karol Adamiecki tal-Ekonomija f'Katowice (il-Polonja)
Grupp 3: Is-suġġetti jinkludu l-ekonomija, il-kummerċjalizzazzjoni, il-liġi u l-psikoloġija
*L-Università ta' Barċellona (Spanja)
L-Università ta' Montpellier (Franza)
L-Università ta' Bolonja (l-Italja)
L-Università ta' Timisoara tal-Punent (ir-Rumanija)
L-Università ta' Brunel (ir-Renju Unit)
Meta se jibdew il-korsijiet u kif jistgħu japplikaw l-istudenti?
Il-korsijiet Masters il-ġodda se jibdew fil-ħarifa 2009 (jiġifieri s-sena akkademika 2009/10). L-istudenti jistgħu japplikaw biex jieħdu sehem f'dawn il-korsijiet direttament fl-università kkonċernata, bħal kwalunkwe kors ieħor.
X'se jiġi mgħallem f'dawn il-programmi?
Id-dettalji tal-kurrikuli jvarjaw minn università għall-oħra, imma xi wħud mill-oqsma ta' studju komuni jinkludu: kwistjonijiet ġuridiċi fil-ħarsien tal-konsumatur, analiżi tal-imġiba u l-psikoloġija tal-konsumaturi, l-ekonomija, il-kummerċjalizzazzjoni, it-teknoloġija orjentata lejn il-konsumatur u l-innovazzjoni u l-konsum sostenibbli. Il-grad jieħu sa sentejn biex jitlesta u l-istudenti se jkunu mitluba jqattgħu parti minn ħinhom f'università sieħba f'pajjiż ieħor tal-UE. L-għarfien reċiproku ta' din il-kwalifika madwar l-UE se tkun assigurata qabel ma jibdew il-korsijiet.
Fejn jistgħu jsibu xogħol il-gradwati?
Stħarriġ li sar qabel jindika li ntwera interess minn kumpaniji kbar, gvernijiet nazzjonali u għaqdiet tal-konsumatur fir-reklutaġġ ta' esperti tal-konsumaturi mħarrġa. Jista' jkun li jeżistu opportunitajiet ulterjuri f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) madwar l-Ewropa.
Kif qiegħda tgħin l-UE?
Kull waħda mit-13-il università se tieħu finanzjament tal-UE ta' € 50 000 fis-sena għal tliet snin biex tħejji u tmexxi l-korsijiet. L-UE se tiffinanzja wkoll 260 għotja lill-istudenti ta' massimu ta’ € 3 000 kull wieħed, għal total ta' € 780 000.
Aktar dettalji: Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea għall-edukazzjoni tal-konsumatur:
http://ec.europa.eu/consumers/empowerment/cons_education_en.htm