Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1710

Brussell, l-14 ta' Novembru 2008

Is-Sajd: Il-Kummissjoni tipproponi tibdil radikali fl-istrutturi tal-kontroll

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet Regolament ġdid tal-Kunsill li jfassal mill-ġdid is-sistema ta’ kontroll tas-Sajd tal-UE. Ir-riżultat għandu jkun sistema kompletament immodernizzata għall-ispezzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll, is-sorveljanza u l-infurzar tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) mal-katina kollha tas-suq, mill-qabda sa għand tal-ħanut. Il-proċeduri armonizzati ta’ spezzjoni u standards ogħla għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi tal-politika ta’ kontroll fuq il-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu d-diversità u l-karatteristċi speċifiċi tal-flotot differenti. Se jkun hemm miżuri għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ konformità fis-settur kollu, fosthom is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju, u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet deterrenti armonizzati. Il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tintervjeni ħalli tiżgura li r-regoli tal-PKS qed jiġu implimentati u infurzati b’mod effikaċi mill-Istati Membri se tissaħħaħ ukoll. B’mod ġenerali, l-aspetti kollha tal-kontroll u tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd għandhom jiġu ssimplifikati u magħmula aktar effiċjenti bir-regoli l-ġodda.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Joe Borg, ikkummenta: “Il-kontroll u l-infurzar tal-limiti tal-qbid għandhom ikunu l-bażi tal-Politika Komuni tas-Sajd. Minflok, bħalissa dawn huma l-aktar punti dgħajfa tagħna, u jheddu l-kredibbiltà tal-miżuri kollha ta' ġestjoni l-oħra tagħna. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri identifikaw il-problema: b'din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi s-soluzzjoni tagħha. Il-ġejjieni tas-sajd sostenibli jesiġi li nissostitwixxu sistema li hija ineffiċjenti, għalja u kumplessa b’waħda li tista’ verament tagħti l-frott. Nemmen li din il-proposta għandha tagħti lill-atturi kollha involuti l-għodod li jeħtieġu biex jagħmlu xogħolhom.”

Il-kontroll u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd

Bis-sistema l-ġdida ta’ kontroll, l-Istati Membri kollha jkollhom jispezzjonaw l-attivitajiet matul il-katina kollha tal-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd, bħall-ħatt l-art, l-ipproċessar, it-trasport u t-tqegħid fis-suq. L-użu ta’ teknoloġiji moderni ta’ spezzjoni, bħas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti, il-ġurnal elettroniku ta’ abbord u r-rappurtar elettroniku tad-dejta dwar il-qabdiet, għandu jiġi estiż. Se tiġi introdotta sistema komprensiva tat-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd, li għandha tippermetti li l-ħut kollu u l-prodotti kollha tas-sajd ikunu jistgħu jiġu ttraċċati, ikunu fejn ikunu fil-katina tas-suq.

Miżuri bħall-analiżi abbażi tar-riskju biex l-attivitajiet ta' kontroll jiġu mmirati fejn ikunu l-aktar produttivi, u kontroverifiki komprensivi tad-dejta kollha rilevanti jikkontribwixxu għaż-żieda fl-effiċjenza tal-kontrolli.

Oqsma oħra koperti jinkludu l-monitoraġġ mill-Istati Membri ta’ ċerti kriterji għall-ġestjoni tal-flotta, bħall-kapaċità tas-sajd u l-qawwa tal-magna. L-istandards ġenerali huma stabbiliti għall-miżuri speċifiċi tal-kontroll marbuta mal-pjanijiet ta’ rkupru u dawk multiannwali, iż-żoni protetti tal-baħar u r-rimi tal-qabdiet. Se tiġi introdotta wkoll skema ġdida ta’ Avvistament u Osservazzjoni.

Setgħat ta' spezzjoni

Ir-Regolament propost iwessa’ l-ambitu tal-ispezzjonijiet bejn l-ispetturi nazzjonali tas-sajd mill-Istati Membri, peress li jippermetti li jsiru spezzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd barra l-ilmijiet jew it-territorju tal-Istat Membru li jispezzjona. Barra minn hekk, spezzjonijiet indipendenti mill-ispetturi tas-sajd tal-Kummissjoni se jkunu possibbli, mingħajr avviż minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat.

Sanzjonijiet

Ir-Regolament propost għandu jintroduċi sanzjonijiet deterrenti armonizzati madwar l-UE kollha, abbażi tal-valur ekonomiku tal-qabdiet ikkonċernati. Innovazzjoni kbira oħra hija l-proposta għal sistema ta’ punti penali għall-infrazzjonijiet imwettqa minn kaptani, operaturi jew sidien benefiċjarji ta’ permess tas-sajd, li fl-aħħar mill-aħħar twassal biex jitteħdulhom il-permessi ladarba jkunu wettqu ċertu għadd ta' offiżi. Huma previsti wkoll miżuri kontra Stati Membri li ma jaderixxux mar-regoli tal-PKS u fejn dan ikun ikkawża ħsara għall-istokkijiet tal-ħut. Miżuri bħal dawn jinkludu l-possibbiltà li tiġi sospiża jew imnaqqsa l-għajnuna finanzjarja mill-UE, l-għeluq tas-sajd, it-tnaqqis tal-kwoti, u r-rifjut tat-trasferimenti tal-kwoti u/jew skambji.

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Ir-Regolament għandu jistabbilixxi sistema ta’ għajnuna reċiproka u ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni relatata mal-kontroll bejn l-Istati Membri. Tintroduċi wkoll approċċ ġdid lejn il-ġestjoni u l-komunikazzjoni tad-dejta dwar il-kontroll permezz tal-websajts nazzjonali sikuri, b'aċċess remot għall-Kummissjoni.

Awtorita ta’ koordinazzjoni

Is-setgħat ta’ spezzjoni tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għandhom jiġu estiżi minn dan ir-Regolament biex tkun tista’ tgħin fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema l-ġdida ta’ kontroll.

Fil-kuntest tal-PKS, il-kontroll u l-infurzar huma l-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri. Il-proposta attwali ttenni r-rwoli distinti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġi evitat l-irduppjar tal-isforzi u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tiffoka fuq l-attività ċentrali tagħha li tikkontrolla u tivverifika l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS mill-Istati Membri. Ir-Regolament il-ġdid se jissostitwixxi l-qafas ġuridiku eżistenti stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93.

Ara wkoll: Memo/08/709

Aktar informazzjoni u dokumenti jistgħu jinsabu fis-sit:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/control_enforcement/reform_control_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website