Navigation path

Left navigation

Additional tools

Niżguraw il-ġejjieni tal-enerġija: Il-Kummissjoni tressaq proposti għas-sigurtà, is-solidarjetà u l-effiċjenza tal-enerġija

European Commission - IP/08/1696   13/11/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1696

Brussell, it-13 ta' Novembru 2008

Niżguraw il-ġejjieni tal-enerġija: Il-Kummissjoni tressaq proposti għas-sigurtà, is-solidarjetà u l-effiċjenza tal-enerġija

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet pakkett b'firxa wiesgħa għall-enerġija li jagħti spinta ġdida lis-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa, b'sostenn għall-proposti 20-20-20 dwar il-bidla fil-klima li għandhom jiġu miftehma sa Diċembru. Il-Kummissjoni tipreżenta strateġija ġdida biex issaħħaħ is-solidarjetà fir-rigward tal-enerġija fost l-Istati Membri u politika ġdida għan-netwerks tal-enerġija sabiex tistimula l-investiment f'netwerks tal-enerġija aktar effiċjenti u b'livell baxx ta' użu ta’ għejun tal-karbonju. Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija li jistipula ħames oqsma fejn hi meħtieġa aktar azzjoni sabiex jiġu żgurati provvisti ta' enerġija sostenibbli. Il-Kummissjoni tħares ukoll lejn l-isfidi li l-Ewropa ser taffronta bejn l-2020 u l-2050. Barra minn dan, pakkett ta' proposti għall-enerġija effiċjenti jimmira li jiffranka l-enerġija f'oqsma ewlenin, bħat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija effiċjenti għall-bini u l-prodotti li jużaw l-enerġija, u li jissaħħaħ ir-rwol taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija kif ukoll tar-rapporti ta' spezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kondizzjonata.

Meta ppreżenta t-tieni pakkett tar-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija, il-President José Manuel Barroso qal, "Is-sena li għaddiet, fl-Unjoni Ewropea l-prezzijiet tal-enerġija għolew b'medja ta' 15 %. 54 % tal-enerġija tal-Ewropa tiġi importata b'spiża ta' €700 għal kull ċittadin tal-UE. Għandna bżonn nindirizzaw dan b'mod urġenti, billi nieħdu passi sabiex inżidu l-effiċjenza enerġetika tagħna u nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet. Għandna ninvestu u niddiversifikaw. Il-proposti adottati illum jirrapreżentaw dikjarazzjoni ċara tax-xewqa tal-Kummissjoni li tiggarantixxi provvisti żguri u sostenibbli ta' enerġija, u għandu jgħina nilħqu l-miri kruċjali 20-20-20 dwar il-bidla fil-klima ".

Il-Kummissarju tal-Enerġija Andris Piebalgs enfasizza l-opportunitajiet għall-investiment ġdid, iffrankar tal-ispejjeż u għall-impjiegi: "L-UE ngħaqdet bħal qatt qabel sabiex tindirizza l-bidla fil-klima, il-prezzijiet għolja tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija. Imma għandna nagħmlu aktar minn hekk, inkunu aktar ambizzjużi, u anki aktar kuraġġużi ħalli nevitaw ir-riskju tax-xkiel fil-provvista enerġetika fil-ġejjieni. Dan ifisser investiment. L-investiment fl-enerġija, anki fl-effiċjenza tal-enerġija, isarraf fl-imbottatura li hemm bżonn fl-ekonomija f'dan iż-żmien inċert."

Il-Kummissarju Ewropew għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Bettina Ferrero-Waldner, qalet: "Aktar konċentrazzjoni fuq l-enerġija fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE hija kruċjali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE.

L-iżvilupp ta' sħubijiet sodi u affidabbli tal-enerġija mal-fornituri, mal-pajjiżi ta' tranżitu u mal-konsumaturi kbar oħra tal-enerġija huwa ta' importanza ewlenija, u għalhekk id-dispożizzjonijiet ta' ġenerazzjoni ġdida tal-enerġija proposti llum huma pass importanti ‘l quddiem. Ir-reviżjoni tal-lum tipproponi wkoll passi sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tħejji ruħha biex issostni l-infrastruttura essenzjali sabiex jitwasslu provvisti minn pajjiżi terzi."

L-ewwel prijorità identifikata fit-tieni Reviżjoni Strateġika hija l-adozzjoni u l-implimentazzjoni bla dewmien tal-miżuri biex jintlaħqu l-miri li l-politka tal-enerġija tal-Kunsill Ewropew poġġiet għall-Ewropa, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra b'20 % u li sal-2020 tiġi ffrankata 20 % mid-domanda futura għall-enerġija. Dan il-pakkett tal-bidla fil-klima, propost mill-Kummissjoni f'Jannar 2008, jeħtieġ il-qbil tal-Kunsill u tal-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin. Enerġija aktar nadifa, iktar diversifikata u aktar effiċjenti tkun ta' ġid għall-provvista tal-enerġija u l-ekonomija Ewropea. Ir-regoli l-ġodda għandhom ukoll joħolqu ambjent aktar stabbli, konsistenti u trasparenti għall-investimenti ġodda fl-enerġija.

It-tieni prijorità hija li tiġi indirizzata l-prekarjetà dejjem tikber tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Anki meta jintlaħqu l-miri tal-politika tal-enerġija li tiġġedded, l-Ewropa x'aktarx li tkun dipendenti fuq aktar importazzjonijiet mil-lum. L-UE għandha bżonn ittejjeb il-politiki attwali biex tilħaq il-miri tagħha għall-enerġija effiċjenti. Aktar minn hekk, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li twieġeb għalenija meta tinqala’ xi kriżi .

Fil-Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija, il-Kummissjoni tistipula ħames oqsma fejn aktar azzjoni hi meħtieġa sabiex tgħin lill-UE fit-twittija tat-triq lejn provvisti aktar żguri u sostenibbli ta' enerġija fil-ġejjieni u taħrab ir-riskju ta' kriżi fl-UE kollha kemm hi. Huwa meħtieġ aktar sostenn effettiv għall-proġetti ta' bini tal-infrastruttura meħtieġa. L-UE għandha tagħmel użu aħjar mir-riżorsi indiġeni tagħha tal-enerġija, kemm li jiġġeddu kif ukoll fossili. Is-solidarjetà għandha tingħata aktar attenzjoni, fosthom il-mekkaniżmi tal-UE għall-kriżijiet, il-ħażniet taż-żejt u varjetà ta' mekkaniżmi biex jirrispondu f'każ ta' interruzzjoni fil-fornitura ta-gass. Hemm bżonn li jsiru sforzi oħra u aktar urġenti sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija.

Konċentrazzjoni akbar fuq l-enerġija fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE, fosthom billi jiġu stabbiliti relazzjonijiet mal-pajjiżi fornituri, ta' tranżitu u konsumaturi, msejsa fuq l-interdipendenza, tgħin biex jintlaħqu l-miri tal-politika tal-enerġija tal-UE u anki biex tiżdied l-influwenza li l-UE għandha fuq l-iżviluppi internazzjonali tal-enerġija. Koordinazzjoni eqreb fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija għandha tkun partikolarment importanti f'dan ir-rigward.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tressaq għadd ta' dokumenti anċillari li jiżviluppaw dawn il-linji ta' azzjoni. Fuq quddiemnett hemm l-effiċjenza tal-enerġija. Pakkett ta' proposti għall-enerġija effiċjenti jimmira li tiffranka l-enerġija f'għadd ta' oqsma, bħat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni ewlenija dwar l-enerġija effiċjenti għall-bini u l-prodotti li jużaw l-enerġija, u li jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija kif ukoll tar-rapporti ta' spezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kondizzjonata. Biex tittejjeb l-effiċjenza tal-provvista tal-enerġija, il-Kummissjoni adottat linji gwida biex tippermetti d-dħul tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn impjanti effiċjenti ħafna tal-koġenerazzjoni. Il-Kummissjoni qed tippjana evalwazzjoni bir-reqqa, fl-2009, tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew tal-2006 għall-Effiċjenza tal-Enerġija.

Anki il-kwistjoni tal-investiment hija ċentrali għall-pakkett. In-netwerks Ewropej jeħtieġu biljuni ta' euro f'investiment biex jibdlu l-infrastrutturi li qed jiqdiemu u jadattaw għall-enerġija li tiġġedded u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Green Paper dwar in-netwerks tal-enerġija tidentifika sitt inizjattivi bħala essenzjali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE: Pjan għall-Interkonnessjoni Baltika, Ċirku Mediterranju tal-Enerġija, interkonnessjonijiet adegwati tal-gass u l-elettriku mit-Tramuntana u min-Nofsinhar mal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, Grid Offshore fil-Baħar tat-Tramuntana, Kuritur fin-Nofsinhar għall-Gass u provvisti effettivi tal-gass naturali likwidifikat (LNG) għall-Ewropa.

Sfond

L-ewwel Reviżjoni Strateġika wasslet għall-ftehim tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 dwar il-miri tal-politika tal-enerġija għall-Ewropa. Minn dakinhar, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' miżuri sabiex tasal għal dawn ir-riżultati, fosthom pakkett ta' proposti biex tiftaħ aktar is-suq tal-enerġija tal-UE, li issa wasal biex jiġi adottat, Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija biex jippromwovi t-teknoloġija tal-enerġija nadifa, miżuri ġodda biex jittejbu l-oġġetti tal-komsumatur li jużaw l-enerġija u proposti għal miri madatorji ġodda għall-enerġija rinnovabbli u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

F'Marzu 2007 il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex kmieni fl-2009 tippreżenta aġġornament tar-Reviżjoni Strateġika tal-enerġija. Il-proposti adottati illum iwieġdu dik it-talba.

Ir-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija u d-dokumenti anċillari jinsabu f'dan is-sit: Europa.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website