Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1684

Brussell, it-12 ta' Novembru 2008

Il-Kummissjoni tadotta proposta biex tirregola l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti

(ara MEMO/08/691)

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Regolament dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti. Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ proposti li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, u hija b'żieda mal-proposti tal-Kummissjoni dwar is-Solvenza II, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti u l-kontabilità. Ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex jiżguraw klassifikazzjoni tal-krediti ta’ kwalità għolja li tkun bla mittiefsa minn kunflitti ta’ interess li huma inerenti fl-azjendi tal-klassifikazzjoni.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: “Irrid li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett f’dan il-qasam. Il-proposta tagħna tmur lil hinn mir-regoli li japplikaw f’ġuriżdizzjonijiet oħra. Dawn huma regoli stretti ħafna, li huma meħtieġa biex nerġgħu nibnu l-kunfidenza tas-suq fl-azjendi tal-klassifikazzjoni tal-krediti fl-Unjoni Ewropea.

Il-proposta tistipula l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-krediti li huma meħtieġa biex il-kunfidenza tas-suq terġa’ tissaħħaħ u biex tiżdied il-protezzjoni tal-investituri. Tintroduċi proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti biex is-superviżuri Ewropej ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ dawn l-aġenziji, li l-klassifikazzjonijiet tagħhom jużawhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-azjendi tal-investimenti, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-iskemi ta’ investiment kollettiv u fondi tal-pensjonijiet fi ħdan il-Komunità.

L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti se jkollhom jikkonformaw ma’ regoli rigorużi biex jiżguraw li (i) il-klassifikazzjonijiet ma jkunux affettwati minn kunflitti ta’ interess, (ii) li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti jibqgħu dejjem attenti fuq il-kwalità sew tal-metodoloġija tal-klassifikazzjoni kif ukoll dik tal-klassifikazzjoni nnifisha u (iii) li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti jaġixxu b’mod trasparenti. Il-proposta tinkludi wkoll sistema effikaċi ta’ sorveljanza li biha r-regolaturi Ewropej sejrin jissorveljaw l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti.

Fost ir-regoli ġodda hemm dawn li ġejjin:

  • L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti ma jistgħux jipprovdu servizzi konsultattivi
  • Ma jitħallewx jikklassifikaw l-istrumenti finanzjarji jekk ma jkollhomx informazzjoni ta’ kwalità biżżejjed tajba biex fuqha jibbażaw il-klassifikazzjoni tagħhom
  • Jeħtiġilhom jiżvelaw il-mudelli, il-metodoloġiji u l-preżunzjonijiet ewlenin li fuqhom jibbażaw il-klassifikazzjoni tagħhom
  • Se jkollhom l-obbligu jippubblikaw rapport annwali dwar it-trasparenza
  • Se jkun jeħtiġilhom joħolqu funzjoni interna biex jirrevedu l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tagħhom
  • Għandu jkollhom tal-anqas tliet diretturi indipendenti fil-bordijiet tagħhom, li r-remunerazzjoni tagħhom ma tistax tiddependi fuq il-prestazzjoni kummerċjali tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni. Sejrin jinħatru għal perjodu wieħed fil-kariga, li ma jistax ikun itwal minn ħames snin. Jistgħu jitkeċċew biss fil-każ ta’ kondotta professjonali ħażina. Tal-anqas wieħed minnhom għandu jkun espert fit-titolizzazzjoni u l-finanzi strutturati.

Uħud mir-regoli proposti huma bbażati fuq l-istandards stabbiliti fil-kodiċi tal-International Organisation of Securities Commissions (IOSCO). Il-proposta tagħti lil dawn ir-regoli karattru vinkolanti. Barra minn hekk, f’dawk il-każijiet fejn l-istandards tal-IOSCO mhumiex biżżejjed biex terġa’ tinbena l-kunfidenza tas-suq u għall-iżgurar tal-protezzjoni tal-investituri, il-Kummissjoni pproponiet regoli aktar stretti.
Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq il-leġiżlazzjoni proposta f'dan il-qasam fis-sajf tal-2007, meta feġġew l-ewwel sinjali ta’ prattiċi ħżiena fl-azjendi ta’ klassifikazzjoni. Din il-proposta hija l-eżitu ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt, kif ukoll konsultazzjonijiet estensivi. Saru kontributi importanti mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, il-Grupp Espert Ewropew dwar is-Swieq tat-Titoli, l-Istati Membri, il-BĊE, aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-krediti u partijiet intressati oħra (assoċjazzjonijiet industrijali mis-setturi tal-assigurazzjoni, it-titoli u l-banek, fornituri tal-informazzjoni, eċċ.).

Sfond

F’Ottubru 2007, il-Ministri tal-Finanzi tal-UE qablu fuq għadd ta' konklużjonijiet dwar il-kriżi (il-‘Mappa tar-rotta tal-Ecofin’), li fosthom kien hemm proposta għal valutazzjoni tar-rwol tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti, u għat-trattament ta' kwalunkwe nuqqas rilevanti. Il-Kunsill tal-UE tal-20 ta’ Ġunju u tas-16 ta’ Ottubru 2008 sejjaħ biex issir proposta leġiżlattiva biex jissaħħu r-regoli dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-krediti u s-superviżjoni tagħhom fil-livell tal-UE, filwaqt li qiesha bħala prijorità li l-kunfidenza terġa’ tinbena u li s-settur finanzjarju jitreġġa’ għal funzjonament tajjeb.

Il-proposta hija disponibbli fl-indirizz tal-internet:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/agencies/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website