Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1503

Brussell, 15 ta' Ottubru 2008

Nieħdu kemm nistgħu mill-ikel u mix-xorb ta' kwalità mill-UE: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Green Paper sabiex tiftaħ id-dibattitu dwar kif tista’ tgħin lill-bdiewa Ewropej jieħdu l-massimu mill-kwalità tal-ikel u x-xorb li jipproduċu. Hekk kif il-globalizzazzjoni tinfirex, tiżdied il-pressjoni mill-prodotti irħas minn barra u d-domanda mill-konsumaturi tevolvi, l-aħjar arma li għandha l-Ewropa hija l-'kwalità'. Il-Green Paper tħares lejn firxa ta' standards, programmi ta' kwalità u ċertifikazzjoni u skemi ta' tikkettar li qed jitħaddmu attwalment fl-UE – fosthom l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-biedja organika, l-iskemi privati u reġjonali ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel – u ssaqsi x'jista' jsir aħjar sabiex jiġu sfruttati l-vantaġġi tal-produzzjoni tal-UE u l-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar il-prodotti offruti. Il-ktiba titlob lill-partijiet interessati biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar kemm dawn il-miżuri huma effettivi biex jiżguraw u jikkomunikaw il-kwalitajiet tal-prodotti, u titlobhom ukoll biex jissuġġerixxu titjib. Il-perjodu ta' konsultazzjoni jibqa’ sejjer sa tmiem l-2008. Is-sena d-dieħla ser tiġi ppreparata Komunikazzjoni abbażi tar-riżultati u li aktar tard tista' twassal għal proposti leġiżlattivi.

"F'dinja dejjem aktar kompetittiva, il-bdiewa Ewropej għandhom jisfruttaw l-akbar vantaġġ li għandhom – il-kwalità," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Sabiex jagħmlu hekk, il-bdiewa tal-UE għandhom jipprovdu prodotti bil-kwalitajiet li jridu l-konsumaturi, jiżguraw dawn il-kwalitajiet u forsi l-aktar ħaġa importanti li jikkomunikawhom b'mod effikaċi. Fl-UE għandna firxa sħiħa ta' strumenti politiki u skemi speċifiċi tal-kwalità. Irrid insir naf mingħand in-nies involuti jekk dawn il-miżuri humiex jaħdmu sew u jekk hemm bżonn, x'għandu jsir iżjed."

Il-Kummissarju tas-Saħħa Androulla Vassiliou qalet : "Ninsab kuntenta ħafna li jien involuta fit-tnedija ta' din il-Green Paper dwar il-kwalità tal-ikel li ser tagħti l-opportunità liċ-ċittadini tagħna jgħidu x'jistennew minna sabiex iserrħu rashom dwar il-kwalità tal-ikel tagħhom. Il-Green Paper ser tagħtina wkoll ideat dwar kif nistgħu nibnu aktar fuq il-komunikazzjoni dwar il-kwalità tal-ikel li aħna diġà ksibna permezz tal-leġiżlazzjoni eżistenti li tiżgura li l-ikel mill-UE jiġi prodott bi standards għoljin ħafna ta' sikurezza tal-ikel, fosthom is-saħħa u l-benesseri tal-annimali jew ir-regolamenti tagħna dwar l-iġjene."

Għall-bdiewa, il-kwalità tfisser li jfornu prodotti bil-karateristiċi meħtieġa (bħall-perċetwali ta' laħam dgħif) u bl-attributi ta' produzzjoni xierqa (bħall-metodi speċifiċi tal-benesseri tal-annimali). U tinvolvi kollox, mill-kommoditajiet prodotti sal-istandards bażiċi u l-prodotti b'valur miżjud għoli prodotti b'metodi ta' produzzjoni esiġenti.

Fl-istess ħin, il-prodotti mill-pajjiżi emerġenti li għandhom spejjeż baxxi ta' produzzjoni qed ipoġġu pressjoni akbar fuq il-bdiewa tal-UE – domestikament u f'pajjiżi terzi. Dan il-proċess ġie aġevolat mill-globalizzazzjoni, mill-ftehimiet kummerċjali, mis-swieq aktar ħielsa u mit-tnaqqis tal-protezzjoni fil-fruntieri. Il-bdiewa tal-UE ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ din l-isfida. Diġà qegħdin isegwu xi wħud mill-aktar rekwiżiti esiġenti ta' produzzjoni fid-dinja u għandhom l-għarfien biex joffru l-kwalitajiet tal-prodotti mitluba mis-suq. Għalhekk il-Kummissjoni konvinta li minflok iqisu dawn il-pressjonijiet bħala piż, il-bdiewa tal-UE għandhom opportunità vera biex jibdluhom f'vantaġġ favorihom – billi jipprovdu eżattament dak li jridu l-konsumaturi, jiddistingwu b'mod ċar il-prodotti tagħhom fis-suq u b'hekk itejbu l-qagħda tagħhom.

Il-Green Paper hi maqsuma fi tliet partijiet li jitkellmu dwar: ir-rekwiżiti bażiċi tal-produzzjoni u l-istandards tal-kummerċalizzazjoni; skemi speċifiċi tal-kwalità tal-UE bħal indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali u biedja organika; u skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel.

Il-Green Paper tqajjem kwistjonijiet bħal:

  • Jekk għandux ikun hemm indikazzjoni obbligatorja tal-post tal-produzzjoni tal-prodotti primarji (fl-UE/mhux fl-UE).
  • Għandu jiġi permess il-bejgħ ta' prodotti li ma jissodisfawx l-istandards tas-suq minħabba raġunijiet estetiċi?
  • Għandu jkun hemm regoli tal-UE li jiddefinixxu termini bħal 'prodott tal-muntanji' jew 'prodott tar-razzett'?
  • Kif għandha tiġi żviluppata l-iskema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (sIĠ)?
  • Kif jistgħu jiġu protetti aħjar l-sIĠ f'pajjiżi terzi?
  • Kif jista' jitħaddem aħjar is-suq uniku tal-UE fil-qasam tal-prodotti organiċi?
  • Kif nistgħu nżidu l-produzzjoni tal-prodotti ta' kwalità fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-UE?
  • Hemm bżonn ta' skemi ġodda tal-UE, partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u jekk iva, kif ser inżommu l-piż amministrattiv ħafif kemm jista' jkun?
  • Kif nistgħu nevitaw il-periklu li l-konsumaturi jiġu żgwidati mill-iskemi ta' ċertifikazzjoni?

Għal aktar tagħrif u biex tieħu sehem fil-konsultazzjoni: http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/index_en.htm


Side Bar