Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/08/1492

Brussell, 13 ta' Ottubru 2008

Ix-xjenzati jwissu dwar riskji għas-saħħa mill-esponiment għall-istorbju tal-plejers tal-mużika personali

Meta wieħed jisma’ l-mużika fuq plejers personali f’volum għoli għal żmien twil jista’ jgħarraq is-smigħ b’mod permanenti, skont opinjoni maħruġa llum tal-Kumitat Xjentifiku tal-UE dwar ir-Riskji għas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Riċentement (SCENIHR – Scientific Committee on Emerging and Newly Identified Health Risks). L-opinjoni xjentifika turi li 5-10 % tas-semmiegħa tal-mużika fuq plejers personali qegħdin fir-riskju li jitilfu s-smigħ jekk jisimgħu l-mużika fuq plejer tal-mużika personali għal iktar minn siegħa kuljum fil-ġimgħa f’volum għoli, għal mill-inqas ħames snin. Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-kumitat xjentifiku indipendenti biex jeżamina din il-kwistjoni fid-dawl tal-użu mifrux tal-plejers tal-mużika personali u ż-żieda qawwija fl-għadd ta' żgħażagħ li huma esposti għal dan l-istorbju. Ix-xjentisti jikkonfermaw li hemm lok għat-tħassib u l-Kummissjoni Ewropea, mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, issa se teżamina l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex it-tfal u l-addoloxxenti jitħarsu aħjar mill-esponiment għall-istorbju huma u jużaw plejers tal-mużika personali u apparat simili ieħor.

Il-Kummissarju tal-Affarijiet tal-Konsumatur Meglena Kuneva qalet, “Jiena mħassba li daqstant żgħażagħ, b’mod partikolari, li spiss jużaw il-plejers tal-mużika personali u t-telefowns mobbli f’livelli akustiċi għoljin, jistgħu jkunu qed jagħmlu ħsara irrevokabbli lis-smigħ tagħhom mingħajr ma jafu. Is-sejbiet xjentifiċi jindikaw riskju ċar u jeħtieġ nirreaġixxu bla dewmien. Iktar importanti minn hekk, jeħtiġilna ngħarrfu lill-konsumaturi u nippubblikaw din l-informazzjoni. Jeħtieġ ukoll li nerġgħu niflu l-kontrolli fis-seħħ fid-dawl ta’ dawn il-pariri xjentifiċi biex inkunu żguri li huma kompletament effettivi u aġġornati għat-teknoloġija l-ġdida.

Ir-regoli kurrenti

Diġà jeżisti standard Ewropew tas-sikurezza li jirrestrinġi l-livell tal-istorbju mill-plejers tal-mużika personali għal 100 dB, iżda kull ma jmur qed jiżdied it-tħassib dwar it-telf tas-smigħ minn esponimenti eċċessivi għal dawn l-għejun. Din il-ħsara tista’ tiġi evitata sa ċertu punt b’miżuri bħat-tnaqqis tal-livelli tal-esponiment għall-istorbju u t-tul ta’ ħin. L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-UE tenfasizza li dawk li jisimgħu l-mużika fuq il-plejers personali – jekk jisimgħuha biss għal ħames sigħat kull ġimgħa f’volum għoli (iktar minn 89 deċibels) - jisbqu l-limiti attwali fis-seħħ għall-istorbju permess fil-post tax-xogħol. Dawk li jisimgħu għal perjodi itwal jinsabu fir-riskju li jitilfu s-smigħ wara ħames snin. Dan jammonta għal madwar 5-10 % tas-semmiegħa, li jista' jkun bejn 2.5 u 10 miljun ruħ fl-UE.

X’se tagħmel issa l-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni Ewropea talbet għall-istudju xjentifiku minħabba t-tħassib dejjem ikbar dwar il-periklu għas-smigħ, partikolarment għall-addolexxenti u t-tfal minn attivitajiet ta’ divertiment bħall-użu ta’ plejers tal-mużika personali. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza xjentifika, il-Kummissjoni qed torganizza konferenza fil-bidu tal-2009 fi Brussell biex tevalwa s-sejbiet tal-Kumitat Xjentifiku mal-Istati Membri, l-industrija, il-konsumaturi u partijiet interessati oħra u biex jiġu diskussi l-għażliet possibbli. Is-seminar se jindirizza l-prekawzjonijiet li jistgħu jieħdu l-utenti, kif ukoll is-soluzzjonijiet tekniċi biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju għas-smigħ u l-ħtieġa għal iktar regolamenti jew reviżjonijiet ta’ standards tas-sikurezza eżistenti għall-ħarsien tal-konsumaturi.

X’jistgħu jagħmlu l-konsumaturi?

L-utenti ta’ plejers tal-mużika personali diġà jistgħu jieħdu xi prekawzjonijiet prattiċi ħafna bħal li jiċċekkjaw jekk jistax jiġi stabbilit volum massimu fl-apparat tagħhom sabiex il-volum jinżamm baxx, jew jistgħu jbaxxu l-volum manwalment, u jistgħu joqogħdu attenti biex ma jużawx il-plejer tal-mużika personali għal perjodi twal biex iħarsu s-smigħ tagħhom.

L-isfond

Kulħadd jaf li l-esponiment fit-tul għal ħsejjes eċċessivi jista’ jagħmel ħsara lis-smigħ. Għall-protezzjon tal-ħaddiema, ġew stabbiliti livelli għall-istorbju li huwa permess fuq il-post tax-xogħol. Il-ħsejjes ambjentali li l-pubbliku ġenerali jiġi espost għalihom – bħall-istorbju mit-traffiku, il-kostruzzjoni, l-ajruplani jew mill-viċinat – jistgħu jkunu irritanti ħafna iżda, fil-biċċa l-kbira, mhux qawwija biżżejjed biex jagħmlu ħsara lis-smigħ.

F’dawn l-aħħar ftit snin, l-istorbju fil-qasam tad-divertiment sar theddida sinifikanti għas-smigħ għaliex jista' jilħaq volumi għolja ħafna u minħabba li proporzjon dejjem ikbar tal-popolazzjoni huwa espost għaliha, partikolarment iż-żgħażagħ. Qed ikun hawn dejjem iktar tħassib dwar l-esponiment mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' plejers tal-mużika personali, li jistgħu jirripproduċu l-ħsejjes f’volumi għoljin ħafna mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità. Ir-riskju ta’ ħsara lis-smigħ jiddependi mil-livell tal-ħoss u t-tul tal-esponiment.

F’dawn l-aħħar snin, il-bejgħ tal-plejers tal-mużika personali żdied sewwa, partikolarment dak tal-MP3 plejers. Globalment, fl-UE, huwa stmat li, kuljum, madwar 50 sa 100 miljun ruħ jistgħu jkunu qed jisimgħu l-mużika fuq plejers tal-mużika portabbli. Fl-aħħar erba’ snin, il-bejgħ tal-unitajiet huwa stmat bejn il-184-246 miljun għall-plejers kollha portabbli, u bejn 124-165 miljun għall-MP3 plejers. Madwar l-UE, miljuni u miljuni ta’ nies jużaw il-plejers tal-mużika personali kuljum u, jekk ma jużawhomx tajjeb, iqiegħdu lilhom infushom fir-riskju ta’ ħsara lis-smigħ.

It-test tal-Komunikazzjoni jista’ jintsab taħt: http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/docs/scenihr_o_018.pdf

Il-verżjoni mhux teknika tal-opinjoni:

http://ec.europa.eu/health/opinions/en/hearing-loss-personal-music-player-mp3/

Sfond dwar l-SCENIHR

http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/04_scenihr_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site