Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1474

Brussell, 8 ta' Ottubru 2008

Konsumaturi: Il-Kummissjoni tipproponi drittijiet għax-xerrejja mal-UE kollha

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet proposti għal drittijiet mal-UE kollha biex tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jixtru minn fuq l-Internet u fit-toroq prinċipali. Il-proposta ġdida se tiggarantixxi lill-konsumaturi, irrispettivament minn fejn jixtru fl-UE, tagħrif ċar dwar il-prezz u tariffi u ħlasijiet addizzjonali qabel ma jiffirmaw il-kuntratt. Din se ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi kontra d-dewmien u n-nuqqas ta' kunsinna, kif ukoll tistabbilixxi drittijiet tal-konsumatur aktar stretti mal-UE kollha dwar kwistjonijiet ta' perjodi ta' riflessjoni, ritorn ta’ prodotti, rimborżi, tiswijiet u garanziji u termini kuntrattwali inġusti. Id-Direttiva proposta għad-Drittijiet tal-Konsumatur tissemplifika erba’ drittijiet tal-konsumatur li diġà jeżistu fl-UE f’ġabra waħda ta’ regoli. Din tiffoka fuq l-e-kummerċ bħala parti minn reviżjoni wiesgħa u titjib tad-drittijiet li l-konsumaturi tal-UE diġà jgawdu fejn għandu x’jaqsam ix-xiri onlajn u fil-ħwienet. L-għan huwa li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u fl-istess waqt titnaqqas il-burokrazija żejda li qed iżżomm lura n-negozju fi ħdan il-fruntieri nazzjonali – filwaqt li ċċaħħad lill-konsumaturi minn aktar għażla u offerti kompetittivi. Id-dħul fis-seħħ ta' sett standard ta' termini kuntrattwali tal-konsumatur għandu jnaqqas l-ispejjeż b'mod sostanzjali - sa 97 % għall-kummerċjanti fl-UE kollha. Id-direttiva proposta ttejjeb il-ħarsien li diġà jeżisti għall-konsumaturi f’oqsma ewlenin fejn kien hemm għadd kbir ta’ ilmenti f'dawn l-aħħar snin - bħal bejgħ bi pressjoni. Din tadatta l-leġiżlazzjoni għat-teknoloġiji ġodda u l-metodi ta’ bejgħ, pereżempju, il-kummerċ fuq il-mowbajl (m-kummerċ) u l-irkanti onlajn fuq is-siti tat-tip “ebay”. Fil-proposta ġdida hemm ħtieġa ċara għal tagħrif ċar dwar id-drittijiet tal-konsumatur li għandu jidher fil-mument tal-bejgħ.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi Meglena Kuneva qalet, “Minħabba li hemm pressjoni kbira fuq il-baġits tal-familja u l-kapaċità tal-infiq hija t-tħassib ewlieni taċ-ċittadini, qatt ma kien daqshekk importanti għall-konsumaturi li jkunu kapaċi jqabblu l-prezzijiet biex ikunu jistgħu jiksbu l-aktar offerta vantaġġjuża. Dawn ir-regoli ġodda huma mfassla biex isaħħu l-ħarsien u jimlew il-lakuni f’oqsma ewlenin li qed idgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi. Is-Suq Uniku għandu l-potenzjal li joffri ħafna aktar għażla u opportunitajiet għall-konsumaturi. Iżda biex nagħmlu dan, jeħtieġ li jkollna sistema ta' ħarsien ta' drittijiet tal-konsumaturi mal-UE kollha biex il-konsumaturi jkollhom is-sigurtà li għandhom bżonn biex jiflu l-aħjar offerti mingħajr inkwiet.”

Fatti u ċifri ewlenin

L-Internet huwa waħda mill-aktar għodod b’saħħithom li qatt kellhom il-konsumaturi. Dan joffri ħafna tagħrif dwar prodotti u prezzijiet u jagħti aċċess faċli għal ħafna aktar bejjiegħa milli qatt setgħu jilħqu qabel. Fl-Unjoni Ewropea diġà hemm madwar 150 miljun ċittadin – terz tal-popolazzjoni tagħna - li jixtru minn fuq l-Internet. S’issa 30 miljun biss minnhom jixtru onlajn bejn il-fruntieri fl-UE.

B’mod ġenerali, il-persuni li jixtru bejn fruntiera u oħra jonfqu bħala medja EUR 800 fis-sena, jiġifieri total ta' EUR 24 biljun, u dan juri l-potenzjal enormi tas-suq intern jekk aktar persuni kellhom fiduċja biżżejjed biex jieħdu sogru lil hinn mill-fruntiera nazzjonali tagħhom.

Ir-regoli attwali

Ir-regoli attwali dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fl-UE jirriżultaw minn erba’ Direttivi tal-UE – Termini kuntrattwali inġusti[1], Bejgħ u Garanziji[2], Bejgħ mill-Bogħod[3], u Bejgħ Bieb Bieb[4]. Dawn id-Direttivi jinkludu ċerti rekwiżiti minimi; Matul is-snin, l-Istati Membri żiedu r-regoli b’mod mhux koordinat, u għalhekk il-liġijiet kuntrattwali tal-konsumaturi tal-UE saru geġwiġija ta' 27 sett ta' regoli differenti, pereżempju: taħlita ta’ obbligi ta’ tagħrif differenti, perjodi ta’ riflessjoni differenti li jvarjaw minn sebgħa għal 15-il jum u obbligi differenti b’rabta mar-rimborżi u t-tiswijiet. Il-proposta l-ġdida

Id-Direttiva għad-Drittijiet tal-Konsumaturi tikkonċerna l-kuntratti għall-bejgħ ta’ prodotti u servizzi min-negozju għall-konsumatur (B2C). Ġeneralment il-kuntratti kollha huma koperti, jiġifieri x-xiri li jsir f'ħanut, mill-bogħod jew barra mill-istabbiliment tan-negozju.

  • Tagħrif prekuntrattwali. Id-Direttiva tobbliga lill-kummerċjant biex jipprovdi lill-konsumatur b’sett ċar ta’ rekwiżiti tat-tagħrif, għall-kuntratti kollha tal-konsumatur biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel għażla informata, pereżempju, il-karatteristiċi tal-prodott, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, il-prezz li jinkludi t-taxxi, l-ispejjeż addizzjonali kollha tal-ġarr, kunsinna jew posta;
  • Ir-regoli dwar il-konsenja u t-trasferiment tar-riskju lill-konsumaturi (li għadhom mhumiex irregolati fil-livell tal-UE): Il-kummerċjant huwa obbligat li jwassal l-oġġett għand il-konsumatur fi żmien 30 jum kalendarju mill-iffirmar tal-kuntratt. Il-kummerċjant hu responsabbli għar-riskju u l-ispejjeż ta’ deterjorament u telf tal-oġġett sal-mument li fih il-konsumatur jirċievi l-oġġett. Għal dewmien jew nuqqas ta’ kunsinna, il-konsumatur se jkollu d-dritt għal rimborż (dritt ġdid fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri) kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn sebat ijiem mid-data tal-kunsinna.
  • Perjodi ta’ riflessjoni (bejgħ mill-bogħod, eż. bejgħ minn fuq l-Internet, it-telefon ċellulari, katalogu u bejgħ bi pressjoni): Perjodu ta’ riflessjoni ta’ 14-il jum kalendarju mal-UE kollha, li matulu tista’ tbiddel fehemtek. Introduzzjoni ta’ formola standard tal-irtirar li hija faċli biex tintuża.
  • Tiswijiet, sostituzzjonijiet, garanziji. Biex tingħata aktar ċertezza se jkun hemm l-istess sett standard ta’ rimedji disponibbli għall-konsumaturi kollha li xtraw prodott difettuż (jiġifieri qabel kollox it-tiswija jew is-sostituzzjoni segwita mit-tnaqqis fil-prezz jew mir-rimborż tal-flus).
  • Termini Kuntrattwali Inġusti: lista sewda ġdida ta’ termini kuntrattwali inġusti li huma pprojbiti madwar l-UE fil-każijiet kollha u lista griża mal-UE kollha ta’ termini kuntrattwali meqjusa inġusti jekk il-kummerċjant ma jagħtix prova tal-kuntrarju.

Il-ħarsien huwa msaħħaħ ukoll f’ħafna oqsma, inklużi

  • irkanti onlajn: id-Direttiva teħtieġ li l-irkanti, inklużi l-irkanti elettroniċi, jissodisfaw l-obbligi standard ta’ tagħrif.
  • Bejgħ bi Pressjoni; Il-ħarsien kontra l-bejgħ bi pressjoni – bejgħ innegozjat barra mill-istabbiliment tan-negozju /“bejgħ dirett” huwa msaħħaħ b’mod sinifikanti bi tweġiba għal għadd kbir ta’ ilmenti tal-konsumaturi b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ bejgħ bi pressjoni fejn ma jkun ingħata l-ebda ħarsien lill-konsumatur jew ingħata b’mod insuffiċjenti - b’definizzjoni ġdida u usa’ ta’ kuntratti ta’ bejgħ dirett u passi oħra biex jimtlew il-lakuni

Xi jmiss?

Id-Direttiva għad-Drittijiet ta’ Kuntratt għandha tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Gvernijiet tal-UE fil-Kunsill tal-Ministri, qabel ma ssir liġi.

http://ec.europa.eu/consumers/overview/cons_policy/index_en.htm


[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar Termini Kuntrattwali Inġusti

[2] Id-Direttiva 1999/44/KE dwar il-Bejgħ ta’ prodotti tal-konsum u l-garanziji assoċjati magħhom

[3] Id-Direttiva 97/7/KE dwar il-Bejgħ mill-Bogħod

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE dwar il-Bejgħ Bieb Bieb


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website