Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1450

Brussell, it-3 ta' Ottubru 2008

Il-Kummissjoni tapprova bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għal miljuni permezz ta’ lif itwal u aħjar għall-maternità

Miljuni ta’ nisa fl-Ewropa se jkollhom id-dritt għal lif itwal u aħjar għall-maternità aħjar bis-saħħa tal-proposti żvelati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Proposta separata għandha ttejjeb ukoll is-sitwazzjoni tan-nisa li jaħdmu għal rashom billi jkun ipprovdut aċċess ekwivalenti ta’ lif għall-maternità, fuq bażi volontarja. Iż-żewġ inizjattivi jagħmlu parti minn pakkett ta’ miżuri biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-Ewropej kollha – kemm nisa kif ukoll irġiel. Dawn għandhom l-għan li jaġġornaw u jtejbu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u issa se jintbagħtu għad-diskussjoni lill-Parlament Ewropew u lill-gvernijiet nazzjonali. Sadattant, l-imsieħba soċjali Ewropej nedew negozjati biex jittejbu forom oħra ta’ lif, bħalma hu l-lif għall-ġenituri.

“Iż-żamma ta' bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja tal-familja u privata hi sfida kbira ħafna għal miljuni ta' Ewropej, irġiel u nisa," qal il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, Vladimír Špidla. “Iżda t-tfal ta’ spiss itellfu lin-nisa d-dħul ta' flus u l-prospettivi tal-impjieg tagħhom. Huma biss 65.5 % tan-nisa bi tfal dipendenti li qed jaħdmu, meta mqabbla ma’ 91.7 % tal-irġiel. Il-proposti tagħna biex intejbu l-lif għall-maternità se jgħin lin-nisa jgħaqqdu x-xogħol u l-familja billi jtejbu l-kwalità ta' ħajjithom u ta' familthom. Huma għandhom ukoll jgħinu biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għandhom jgħinu fl-iffaċċjar tal-isfidi ta’ demografija li qed tixjieħ: fil-fatt pajjiżi li għandhom aktar nisa fl-impjieg għandhom ukoll rati għola ta' twelid."

Lif għall-maternità mtejjeb

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-lif għall-maternità (li tirrivedi d-Direttiva 92/85/KEE li ilha teżisti mill-1992) għandha żżid il-perjodu minimu ta' lif minn 14 għal 18-il ġimgħa u tirrakkomanda li n-nisa jitħallsu 100 % tas-salarju tagħhom bil-possibbiltà għall-Istati Membri li jissettjaw limitu fl-istess livell għal ħlas ta’ lif minħabba mard. Barra minn hekk, in-nisa se jkollhom aktar flessibilità dwar meta jistgħu jieħdu l-parti mhux obbligatorja tal-lif tagħhom (qabel jew wara t-twelid tat-tarbija) u għalhekk ma jkunux aktar obbligati li jieħdu parti speċifika mil-lif qabel it-twelid tat-tarbija, kif inhu attwalment il-każ f'ċerti Stati Membri.

Se jkun hemm protezzjoni aktar qawwija kontra t-tkeċċija u d-dritt ta' ritorn għall-istess impjieg jew wieħed ekwivalenti wara l-lif għall-maternità. Finalment, se jiġi introdott id-dritt li jintalab mingħand minn iħaddem ħinijiet flessibbli ta’ xogħol wara tmiem tal-lif għall-maternità għalkemm minn iħaddem se jkollu d-dritt li jirrifjuta din it-talba.

Aktar drittijiet għal nisa li jaħdmu għal rashom

Il-proposta dwar in-nisa li jaħdmu għal rashom se tipprovdi aċċess ekwivalenti ta’ lif għall-maternità bħal dak tal-impjegati, iżda fuq bażi volontarja (tieħu post id-Direttiva 86/613/KEE eżistenti). Fl-istess waqt, in-nisa u s-sieħba li jgħixu flimkien (rikonoxxuti bħala tali mil-liġi nazzjonali) li jaħdmu fuq bażi informali f'negozji żgħar tal-familja bħal razzett jew prattika lokali ta' tabib (dawk l-hekk imsejħa "nisa miżżewġin li jassistu lil żwieġhom") se jingħatalhom aċċess, fuq talba mingħandhom, għal kopertura tas-sigurtà soċjali f'livell ta' protezzjoni li tal-anqas ikun bħala ħaddiema li qabel kienu jaħdmu għal rashom.

Dispożizzjonijiet oħra ta’ bilanc dwar il-ħajja tax-xogħol

Bħala parti mill-istess pakkett, il-Kummissjoni llum ħarġet ukoll rapport dwar id-dispożizzjoni tal-kura tat-tfal fl-Unjoni Ewropea u dwar il-prestazzjoni ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-miri stabbiliti mill-mexxejja tal-UE f’Barċellona fl-2002 (ara IP/08/1449).

Fis-17 ta’ Settembru 2008, l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew jibdew negozjati dwar il-lif tal-ġenituri bl-għan li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (id-Direttiva 96/34/KE), li hi nfisha hi bbażata fuq ftehim ta’ qafas konkluż bejn is-sidien Ewropej u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins. L-għan hu li jiġu konklużi n-negozjati fi żmien disa’ xhur.

Fit-tul taż-żmien, il-Kummissjoni tixtieq ukoll ittejjeb forom oħra ta’ lif għall-familja, bħalma hu l-lif għall-ġenituri (perjodu qasir ta' lif għal missirijiet wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tarbija), lif għall-adozzjoni (lif li jkun bħal lif għall-maternità waqt iż-żmien tal-adozzjoni) u lif għall-ulied (biex jieħdu ħsieb membri dipendenti tal-familja).

Il-passi li jmiss

Iż-żewġ proposti se jiġu diskussi permezz tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri fil-Kunsill (maġġoranza kkwalifikata), ittamat li jintlaħaq ftehim matul l-2009. Imbagħad il-pajjiżi tal-UE se jkollhom sentejn biex jintroduċu l-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali.

Aktar informazzjoni

Memo/08/603

Komunikazzjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=606&langId=en

Proposta għal Direttiva riveduta dwar il-lif għall-maternità

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=607&langId=en

Proposta għal Direttiva riveduta dwar nisa li jaħdmu għal rashom u nisa miżżewġin li jassistu lil żwieġhom”

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=608&langId=en

Websajt tal-Kummissjoni Ewropea – stħarriġ dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

http://ec.europa.eu/social/home.jsp?langId=en


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website