IP/08/1433
Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2008
Il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni
tar-regoli dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital għall-banek biex
issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja
(ara MEMO/08/599)
Il-Kummisjsoni Ewropea pproponiet reviżjoni
tar-regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital għall-banek li
hija maħsuba biex issaħħaħ l-istabbiltà
tas-sistema finanzjarja, tnaqqas l-iskopertura għar-riskji u ttejjeb
is-superviżjoni fuq il-banek li joperaw f’aktar minn pajjiż
wieħed tal-UE. Skont ir-regoli l-ġodda, il-banek ma jkunux
jistgħu jaqbżu ċertu limitu fis-self lil kwalunkwe parti
individwali, filwaqt li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali se
jkollhom stampa aħjar tal-attivitajiet ta’ gruppi bankarji
transkonfinali. Il-proposta, li temenda d-Direttivi eżistenti dwar
ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, tirrifletti konsultazzjoni estensiva
ma’ sħab internazzjonali, l-Istati Membi u l-industrija. Issa
tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri
għall-kunsiderazzjoni tagħhom.
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal:
“Dawn ir-regoli l-ġodda se jsaħħu fundamentalment
il-qafas regolatorju għall-banek tal-UE u s-sistema finanzjarja. Nemmen li
huma risposta għaqlija u proporzjonali għat-taqlib finanzjarju li
għaddejjin minnu. Rigoriżità, trasparenza u prudenza
bażiċi huma ta’ importanza ewlenija biex ikollna sistema
bankarja b’saħħitha u stabbli.”
Emendi proposti għad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti ta’
Kapital
L-għan tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti
ta’ Kapital (2006/48/KE u 2006/49/KE) huwa li jiżguraw
is-sħuħija finanzjarja tal-banek u l-azjendi tal-investiment.
Meħudin flimkien jistipulaw kemm jeħtieġ ikollhom il-banek u
l-azjendi tal-investiment mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħhom biex
ikopru r-riskji u jipproteġu lid-depożitaturi. Dan il-qafas legali
minn żmien għal żmien ikun jeħtieġ li jiġi
aġġornat u rfinut biex ikun jista’ jilqa’
għall-ħtiġijiet tas-sistema finanzjarja kolha kemm hi. Il-bidliet
ewlenin proposti huma dawn li ġejjin:
- Titjib tal-imaniġġar ta’ skoperturi kbar: il-banek ma
jkunux jistgħu jaqbżu ċertu limitu fis-self lil kwalunkwe parti
individwali. B’konsegwenza ta’ dan, bis-suq interbankarju, il-banek
mhux se jkunu jistħu jsellfu lil banek oħra jew iqiegħdu flus
magħhom ‘il fuq minn ċertu livell, filwaqt li l-banek li
jissellfu effettivament ikollhom restrizzjoni fuq kemm u mingħand min ikunu
jistgħu jissellfu.
- Titjib tas-superviżjoni fuq gruppi bankarji transkonfinali:
sejrin jinħolqu “kulleġġi ta’ superviżuri”
għal gruppi bankarji li joperaw f'aktar minn pajjiż wieħed
tal-UE. Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet superviżorji
nazzjonali rispettivi jsiru aktar ċari, u l-kooperazzjoni bejniethom issir
aktar effikaċi.
- Titjib fil-kwalità tal-kapital tal-banek: se jkun hemm kriterji
li jkopru l-UE kollha kemm hi għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kapital
‘ibridu’, jiġifieri li jinkludi sew l-ekwità kif ukoll
id-djun, ikunx eliġibbli biex jingħadd bħala parti mill-kapital
komprensiv ta' bank - l-ammont li jiddetermina kemm il-bank jista' jsellef.
- Titjib tal-immaniġġar tar-riskju tal-likwidità:
għall-gruppi bankarji li joperaw f’aktar minn pajjiż wieħed
tal-UE, l-immaniġġar tar-riskju tal-likwidità tagħhom
– jiġifieri kif jiffinanzjaw l-operat tagħhom minn jum
għall-ieħor – ukoll se jkun diskuss u kkoordinat fi ħdan
il-“kulleġġi ta’ superviżuri”. Dawn
id-dispożizzjonijiet jirriflettu x-xogħol li bih għadhom
għaddejjin il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u
l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji tal-Ewropa.
- Titjib tal-immaniġġar tar-riskju għal prodotti
titolizzati: ir-regoli dwar id-dejn titolizzat – li l-ħlas
tiegħu lura jiddependi fuq ir-rendiment ta’ ġabra ddedikata
ta’ self – se jsiru aktar stretti. L-azjendi (magħrufa
bħala “l-oriġinaturi”) li s-self jagħtuh is-sura
ta’ titoli kummerċjabbli sejrin ikollhom l-obbligu li jżommu
ċerta skopertura għar-riskju ta’ dawn it-titoli, filwaqt li
l-azjendi li jinvestu fit-titoli se jitħallew jagħmlu
d-deċiżjonijiet tagħhom biss wara li jkunu wettqu l-kontrolli
prudenzjali dovuti. Jekk dan jonqsu milli jagħmluh, ikunu
suġġetti għal penalitajiet kapitali
kbar.
Sfond
L-emendi proposti huma, fil-parti l-kbira, segwitu dirett għall-Mappa
tar-Rotta għat-taqlib finanzjajru kurrenti li dwarha qablu l-Ministri
tal-Finanzi tal-UE. Parzjalment, huma wkoll risposta
għar-rakkomandazzjonijiet riċenti tal-Forum tal-G-7 dwar
l-Istabbiltà Finanzjarja. Il-Kunsill Ewropew esprima sens qawwi ta’
urġenza, filwaqt li saħaq li l-miżuri għandhom ikunu
adottati sa April 2009.
Il-Proposta disponibbli fl-indirizz virtwali:
http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/index_en.htm