IP/08/1422
Brussell, id-29 ta' Settembru 2008
"L-Internet tal-ġejjieni se jbiddel lis-soċjetà tagħna b'mod radikali," qalet Viviane Reding, il-Kummissjarju għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Il-Web 3.0 jfisser negozju ‘kull ħin u kullimkien’ mingħajr ebda xkiel, divertiment u netwerking soċjali minn fuq netwerks veloċi, affidabbli u sikuri. Ifisser it-tmiem tal-firda bejn il-linji ċellulari u l-linji fissi. Tissimbolizza qabża f’daqqa ta’ għaxar darbiet sal-2015 fil-firxa tal-univers diġitali. L-Ewropa għandha l-għarfien u l-kapaċità għan-netwerk li jippermettulha tmexxi din it-trasformazzjoni. Għandna niżguraw li l-Web 3.0 jissawwar u jintuża fl-Ewropa."
L-utenti Ewropej tal-Internet qegħdin dejjem aktar jaċċessaw Internet aktar veloċi u ta' valur aħjar: fi tmiem l-2007 nofshom kellhom aċċess għal broadband b'aktar minn 2 megabits is-sekonda (MBps), veloċità darbtejn aktar minn dik ta’ sena ilu u li tiflaħ it-Televiżjoni fuq l-Internet. Il-broadband ikopri 70% tal-popolazzjonijiet rurali fis-27 Stat Membru tal-UE, b'hekk ingħalqet id-diskrepanza mal-kopertura totali (93%). F'din is-sena, fl-UE-25 il-kopertura rurali bil-broadband żdiedet bi 8 punti perċentwali.
Dan ifisser li ġenerazzjoni ġdida fl-użu tal-Internet diġà qiegħda fi triqitha, u l-potenzjal għall-ekonomija tal-Ewropa huwa ċar. Filwaqt li fl-2007 kwart tal-Ewropej użaw is-siti tal-web 2.0, daqt naraw l-applikazzonijiet tan-netwerking soċjali għan-negozju. Bejn l-2006-2011 is-softwer tal-intrapriżi bbażat fuq l-Internet ukoll mistenni li jiżdied b'15% madwar id-dinja kollha.
L-applikazzjonijiet tat-teknoloġija l-ġdida se jirrikjedu kopertura tal-Internet mifruxa kullimkien. L-Internet tal-Affarijiet ifisser li l-interazzjoni bil-wireless bejn il-magni, il-vetturi, it-tagħmir, is-sensuri u ħafna affarijiet oħra se tibda sseħħ permezz tal-Internet. Dan diġà għamel possibbli li jinqatgħu l-biljetti tal-ivjaġġar elettronikament, u se jippermetti li t-tagħmir ċellulari jiskambja l-informazzjoni biex wieħed iħallas għall-affarijiet jew jikseb informazzjoni minn fuq kartelluni. Qed jitbassar li sal-2015 teknoloġija ta' dan it-tip se tkun tinsab f'aktar minn biljun telefown.
Dan ifisser opportunitajiet kbar għan-negozji tal-UE sakemm ikun hemm biżżejjed investiment f'aċċess broadband b'veloċità għolja u sostenn għall-innovazzjoni u r-riċerka Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni qalet li l-UE għandha tistimola investiment fl-aċċess broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss, pereżempju bit-tisħiħ fl-involviment tal-awtoritajiet lokali li kapaċi jiffaċilitaw l-aċċess għal kanali (jew it-tħaffir ta' kanali ġodda) għall-kejbils tal-fibri għall-broadband aktar veloċi waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet, billi l-Internet jinżamm miftuħ għall-kompetizzjoni, bil-prevenzjoni ta' restrizzjonijiet inġusti fir-rigward tal-għażla tal-konsumatur, bil-protezzjoni tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-użu tal-Internet u bil-finanzjament tar-riċerka fl-Internet tal-futur.
Flimkien mal-Komunikazzjoni hemm Indiċi tal-Prestazzjoni Broadband li jqabbel il-kompetizzjoni, il-kopertura u l-kwalità tal-aċċess Internet madwar l-Ewropa kollha (ara l-Anness). Dan juri li minħabba ambjent li huwa miftuħ u kompetittiv għall-investimenti l-UE diġà tinsab f'qagħda tajba biex tisfrutta dawn l-opportunitajiet broadband. L-indiċi jikklassifika l-kisbiet tal-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-Internet b'veloċità għolja skont il-fatturi ewlenin li jaffettwaw l-iżvilupp ta' broadband b'veloċità aktar għolja biex jiġu indikati l-prijoritajiet għal aktar titjib.
L-indiċi juri biċ-ċar li l-pajjiżi fuq quddiemnett fl-UE huma l-Iżvezja u l-Olanda, u dan bis-saħħa ta' ambjent li jiffavorixxi l-kompetizzjoni u ta' ċittadini u negozji ta' ħila li kapaċi jużaw servizzi avvanzati. Min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni dgħajfa tista' żżomm lura l-investiment f'teknoloġiji avvanzati u tista tirriżulta fi prezzijiet għolja. Fatturi soċjali bħan-nuqqas ta' ħiliet diġitali, penetrazzjoni limitata tal-PC u nfiq baxx fuq l-ICT ukoll jidhru li huma ostakli kbar għal aktar żviluppi.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-Netwerks tal-Ġejjieni u
l-Internet tinsab fuq:
http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm
NIl-konsultazzjoni
pubblika dwar l-Internet tal-Affarijiet tinsab fuq:
http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=IOTconsultation
Anness
Il-persentaġġ tal-użu tal-broadband kull 100 abitant fl-UE
[ ]
Sors: Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet
Veloċitajiet tal-Internet fl-UE
(Settembru
2008)
[ ]
Sors: Idate
[ ]
Sors: Van Dijk
[ ]
Sors: Idate
Indiċi
tal-Prestazzjoni tal-Broadband
(Settembru 2008)
[ ]