Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Internet bil-broadband għaċ-ċittadini Ewropej kollha : Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-ġejjieni tas-servizz universali

European Commission - IP/08/1397   25/09/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1397

Brussell, il-25 ta' Settembru 2008

L-Internet bil-broadband għaċ-ċittadini Ewropej kollha : Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-ġejjieni tas-servizz universali

Kif tista’ l-UE jirnexxielha tassigura li l-Ewropej kollha - mit-Tramuntana tal-Finlandja san-Nofsinhar tal-Italja, mill-Punent tal-Irlanda sal-Lvant tar-Rumanija - jkollhom aċċess għall-Internet bil-broadband? Din hija l-mistoqsija ewlenija li tqajmet f’rapport tal-Kummissjoni llum. Mill-2003 sal-2007 l-użu tal-broadband fl-UE ittriplika għal 36% tad-djar. Madankollu, 7% tal-popolazzjoni tal-UE għadha mhix imqabbda (30% fiż-żoni rurali). Għad hemm qabżiet notevoli fl-UE: 100% tal-popolazzjoni hija koperta fid-Danimarka, il-Lussemburgu u l-Belġju, iżda aktar minn 60% fir-Rumanija (75% f’żoni rurali) m’għandhomx aċċess għall-broadband. Anke f’ekonomiji b’saħħithom bħall-Italja u l-Ġermanja, 18% u 12% tal-popolazzjoni rurali rispettivament mhix koperta. Hekk kif il-broadband qed isir dejjem aktar importanti fil-ħajja ta’ kuljum, għodod ta’ politika bħall-ġestjoni tal-ispektrum u servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli bis-satellita għandhom jakkumpanjaw dibattitu wiesa’ dwar is-servizzi universali fit-telekomunikazzjoni – miżura ta’ sikurezza li tiggarantixxi livell minimu ta’ servizzi bħall-konnessjonijiet man-netwerks telefoniċi u aċċess bażiku għall-internet, biex b'hekk jiġu sodisfatti ħtiġijiet bażiċi ukoll jekk is-suq ma jagħmilx dan.

“L-Internet ta’ veloċità għolja huwa l-passaport lejn is-Soċjetà tal-Informazzjoni u kundizzjoni essenzjali għat-tkabbir ekonomiku. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni trid li l-Internet bil-broadband ikun disponibbli għall-Ewropej kollha sal-2010”, qalet il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjoni, Viviane Reding. “Il-kisbiet f’dawn l-aħħar erba’ snin kienu ħafna, u għodod ġodda, bħall-Broadband bis-Satellita, qabdu sewwa. Hija wkoll aħbar tajba li l-aqwa tmien pajjiżi tal-UE qabżu bil-kbir lill-Istati Uniti f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-broadband. Iżda l-adozzjoni tesiġi l-aċċess, u f'ċerti postijiet fl-UE dan ma jeżistix. Jeħtieġ li ningħaqdu fl-isforzi tagħna biex niżguraw li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jkollhom konnessjoni dalwaqt.”

Il-Kummissjoni llum ippubblikat rapport li juri li s-swieq kompetittivi għall-Internet bil-Broadband qed jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE aċċess mifrux u bi prezzijiet aċċessibbli. Madankollu, neħtieġu aktar sforzi biex niżguraw Broadband għal Kulħadd. Sa issa, l-UE stimulat il-Broadband bit-tliet għodod li ġejjin:

(1) Regoli dwar it-telekomunikazzjoni għal aktar kompetizzjoni u investiment. L-Ewropa kellha kważi 100 miljun linja tal-broadband f’Jannar 2008 u rata tat-tkabbir ta' 20%, u fl-2007 żdiedu kuljum 52,000 linja ġdida (IP/08/460). Il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni ppubblika gwida regolatorja ulterjuri dwar l-iżgurar tal-kompetizzjoni u l-investiment għan-netwerks tal-fibri ottiċi (IP/08/1370).

(2) Dan is-sajf twaqqfet sistema ġdida biex jiġu stimulati servizzi mobbli bis-satellita, li jistgħu jipprovdu l-broadband permezz tas-satelliti madwar l-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħolqu one-stop shop biex servizzi bħal dawn jiġu awtorizzati: minflok 27 proċedura, l-operaturi tas-servizzi mobbli bis-satellita issa japplikaw għand il-Kummissjoni (IP/08/1250).

(3) F’Novembru 2007, il-Kummissjoni ressqet proposti biex tiġi rriformata l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju biex jinħelsu r-riżorsi għas-servizzi ġodda bla wajer (IP/07/1677), u dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew approvati mill-Parlament Ewropew fil-24 ta’ Settembru (MEMO/08/581). Jekk il-Kunsill jaċċetta wkoll din il-forma l-ġdida ta’ ġestjoni tal-ispektrum, id-Dividend Diġitali – spektrum tar-radju li jsir disponibbli wara ċ-ċaqliqa mit-TV analoga għal dik diġitali – jkun jista’ jintuża għas-servizzi l-ġodda tal-broadband bla wajer, u mhux biss għal kanali ġodda tat-TV.

Ir-rapport tal-lum tal-Kummissjoni jistaqsi jekk dawn il-miżuri humiex biżżejjed inkella jekk għandniex nibdew naħsbu għal obbligu ġdid ta’ servizz pubbliku.

Ir-rapport juri wkoll tkabbir qawwi fl-għadd ta ċittadini Ewropej li jużaw il-mowbajl. Minn meta ħadet il-kariga l-Kummissjoni attwali, il-livell ta' abbonamenti għat-telefonija mobbli kiber minn 85% għal 112%. “Dawn iċ-ċifri huma vot importanti ta kunfidenza mill-konsumaturi tat-telefonija mobbli lis-saħħa tas-settur Ewropew tal-mowbajls”, qalet il-Kummissarju tal-UE Viviane Reding. “Juru li bħalissa, ma teżisti l-ebda ħtieġa li nimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-operaturi tal-mowbajl – minkejja li għallinqas xi wħud mill-promoturi tagħhom jippruvaw iġiegħluna nemmnu mod ieħor.”

Sfond:

Skont id-Direttiva tal-UE dwar is-Servizz Universali, mil-2002, servizz universali jfisser li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jaqbdu man-netwerk telefoniku pubbliku f'post fiss u jkollhom aċċess għas-servizzi telefoniċi pubbliċi għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi u tad-dejta b’aċċess funzjonali għall-internet. Id-Direttiva tesiġi wkoll li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal servizzi ta’ tagħrif dwar id-direttorju u għal direttorji, telefowns pubbliċi u għal miżuri speċjali jekk huma għandhom xi diżabilità. Il-Kummissjoni tanalizza l-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali kull tliet snin (IP/05/594, IP/06/488). Ir-rapport tal-lum jistieden lill-Parlament, lill-Kunsill, lir-regolaturi nazzjonali, lill-fornituri tat-telekomunkazzjoni, lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u liċ-ċittadini biex jikkontribwixxu għal dibattitu dwar il-kisba tal-"Broadband għal Kulħadd" fl-UE. Dawn il-kontibuzzjonijiet iwasslu għal Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2009 u possibbilment għal proposti leġiżlattivi fl-2010.

Il-Parlament Ewropew il-bieraħ ivvota favur proposti mill-Kummissjoni biex jissaħħu d-drittijiet tal-utenti, żgurati bid-Direttiva: l-effiċjenza tan-numru uniku Ewropew għall-emerġenzi – 112, partikolarment għall-persuni b’diżabilità; u d-dritt li wieħed jibdel l-operaturi tiegħu tal-linja fissa jew mobbli fi żmien ġurnata, filwaqt li jżomm in-numru tat-telefown tiegħu.

Ir-rapport tal-lum dwar il-ġejjieni tas-servizz universali huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/consumer_rights/universal_service/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/08/583

Anness

Figura 1: Il-kopertura tal-broadband fiss fl-UE bħala % tal-popolazzjoni

[ ]

Sors: IDATE

Figura 2: Il-peċentwal tal-użu tal-broadband kull 100 abitant fl-UE

[ ]

Figura 3: Il-penetrazzjoni tal-internet u tal-broadband, % ta' djar fl-UE

[ ]

Sors: Surveys tal-E-komunikazzjoni tad-djar.

Figura 4: Il-penetrazzjoni tal-abbonati tal-mobajl fl-UE

[ ]


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website