Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Broadband: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar strateġija regolatorja biex tippromwovi n-netwerks veloċi tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss fl-Ewropa.

European Commission - IP/08/1370   18/09/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1370

Brussels, 18th September 2008

Il-Broadband: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar strateġija regolatorja biex tippromwovi n-netwerks veloċi tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-prinċipji regolatorji li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri tal-UE għan-netwerks broadband tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA). In-netwerks ottiċi bbażati fuq il-fibri jagħmluha possibbli għal bitrates li jkunu bosta drabi ogħla minn dawk disponibbli bħalissa fuq netwerks tradizzjonali tal-wajers tar-ramm. L-NGAs huma rikjesti li jwasslu kontenut b'definizzjoni għolja (bħal televiżjoni b'definizzjoni għolja) u applikazzjonijiet interattivi. L-għan ta’ qafas regolatorju komuni għall-NGA huwa li jinkoraġġixxi trattament konsistenti mill-operaturi fl-UE u b'hekk jiżgura l-prevedibblità regolatorja meħtieġa għall-investiment. Il-Kummissjoni qed tikkonsulta fuq il-bażi ta’ abbozz ta’ Rakkomandazzjoni, indirizzata lir-regolaturi fis-27 Stat Membru u tissuġġerixxi definizzjonijiet għal kategoriji armonizzati ta’ servizzi rregolati, kundizzjonijiet ta’ aċċess, rati ta’ qligħ, u primjums xierqa tar-riskju. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sal-14 ta’ Novembru 2008. Il-Kummissjoni mbagħad tiffinalizza r-Rakkomandazzjoni fil-dawl tal-kummenti li jaslulha u tadottaha formalment fl-2009.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "L-iżvilupp ta’ netwerks ġodda bbażati fuq il-fibri se jagħtu forma lill-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-ġejjieni. Għandna bżonn qafas xieraq li jagħti lill-kumpanniji Ewropej aċċess ġust għan-netwerks il-ġodda. Irridu regoli nazzjonali li mhux biss jinkoraġġixxu l-investiment sostanzjali meħtieġ għall-investiment fil-fibri imma wkoll biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fil-broadband.”

“Għall-konsumaturi, kemm dawk privati u tan-negozju, biex jibbenefikaw mill-provvediment kompetittiv tas-servizzi permezz tal-fibra elettronika, huwa vitali li l-Kummissjoni tipprovdi l-gwida regolatorja li s-suq jeħtieġ,” qalet Vivian Reding, il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjoni. “Irridu nnaqsu l-ispazju għad-diverġenzi fl-approċċi regolatorji madwar l-Ewropa, fl-interess taċ-ċertezza legali. Azzjoni bla koordinazzjoni jew anke kontradittorja tar-regolaturi nazzjonali fir-rigward tan-Netwerks tal-Ġenerazzjoni li Jmiss tista’ tagħmel ħsara serja lill-kompetizzjoni u timmina s-suq uniku Ewropew. Nipproponi b’mod partikolari li għandhom jiġu applikati l-primjums tar-risku speċifiċi għal proġetti, sabiex il-kompetizzjoni tkun tista' tiffjorixxi filwaqt li dawk li jinvestu jkunu ppremjati skont ir-riskji li jkunu daħlu għalihom."

It-tħaddim tal-NGA huwa indispensabbli biex jitwasslu s-servizzi ġodda tal-broadband lill-konsumaturi Ewropej. Filwaqt li numru ta’ operaturi, kemm dawk ġodda jew operaturi alternattivi, nedew firxiet ta’ skala kbira ta’ infrastruttura ġdida tal-broadband f’numru ta’ Stati Membri, l-Ewropa tidher li għadha lura mqabbla ma’ ekonomiji oħra, b’mod notevoli meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li t-tranżizzjoni għall-NGA issir b'mod konsistenti, effiċjenti u fil-ħin. Għal dan il-għan, qed tikkonsulta fuq il-prinċipji regolatorji li hi tikkonsidra li huma l-aktar xierqa biex iħeġġu l-investiment fl-NGAs, u fl-istess waqt isaħħu l-kompetizzjoni.

Prinċipji bażiċi għal-regolamentazzjoni tal-NGA fl-UE

Il-prinċipju bażiku tal-abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni huwa li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu aċċess għan-netwerks tal-operaturi dominanti fl-aktar livell baxx possibbli. B’mod partikolari, għandhom jawtorizzaw l-aċċess tal-kanali tal-operaturi dominanti biex jippermettu lill-kompetituri biex jgħaddu l-fibra tagħhom. Madankollu l-NRAs għandhom jimponu wkoll obbligi ta’ aċċess fiżiku (aċċess għall-fibra mitfija) lil hinn mill-aċċess tal-kanali fejn il-kanali m’humiex disponibbli jew id-densità tal-popolazzjoni hija baxxa wisq għal mudell ta’ negozju sostenibbli. L-aċċess għal elementi attivi bħall-“bitstream” għandu jinżamm kif inhu sakemm rimedji ta' livelli aktar baxxi ma jindirizzawx b’mod suffiċjenti d-distrozjonijiet tal-kompetizzjoni.

L-abozz tar-Rakkomandazzjoni jipprovdi wkoll approċċ komuni biex jiżgura aċċess mhux diskriminatorju, kif ukoll metodoloġija għall-kalkolu ta’ rata xierqa ta’ qligħ, li jinkludi primjum tar-riskju. Il-Kummissjoni temmen li għall-NGA, ir-rati tal-qligħ għandhom jinħadmu fid-dawl tar-riskji assoċjati ma’ dan it-tip ta’ investiment, u wieħed irid iżomm f’moħħu li l-piż differenzjat medju tal-ispiża nominali ta’ qabel it-taxxa tal-kapital għall-operaturi fissi jew mobbli kien bejn wieħed u ieħor ta’ 8 sa 12% fis-snin reċenti.

L-isfond:

Hemm 229 miljun linja tar-ramm fl-UE (sors: Idate, l-annwarju Digiworld tal-2008), kontra ħarira aktar minn miljun konnessjoni tal-fibra. L-analisti jbassru nefqa ulterjuri ta’ €20 biljun fuq l-NGA sal-2011.

L-aċċess għall-broadband bħalissa huwa rregolat mir-regolaturi nazzjonali. L-għanijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni se jkun li jinkoraġġixxi l-applikazzjoni ta' rimedji konsistenti ta' aċċess fuq l-operaturi dominanti tal-NGA. Din tibni fuq l-opinjoni tal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi (“ERG”) dwar il-prinċipji regolatorji tal-NGA li ntbagħtet lill-Kummissjoni fl-1 ta' Ottubru 2007.

Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/nga/index_en.htm

Ix-xogħol tal-ERG fuq l-NGA huwa disponibbli fuq: http://www.erg.eu.int/doc/publications/erg07_16rev2_opinion_on_nga.pdf u http://www.erg.eu.int/doc/publications/erg_07_16rev2b_nga_opinion_suppl_doc.pdf

Kontributi għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni jistgħu jintbagħtu lil:

infso-b1ext@ec.europa.eu

Ara wkoll MEMO/08/572


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website