IP/08/1339
Brussell, it-17 ta’ Settembru 2008.
Il-Kummissarju Borg ikkummenta: “Ma hemm l-ebda alternattiva għall-Politika Komuni tas-Sajd meta niġu għall-ġestjoni tar-riżorsa internazzjonali mobbli li tiddependi fuqha l-industrija tagħna tas-sajd. Imma, fil-forma attwali tagħha, il-PKS ma tħeġġiġx imġiba responsabbli, la mis-sajjieda u lanqas min-naħa tal-politiċi. L-għodod ta’ ġestjoni li nużaw jippremjaw deċiżjonijiet li jqisu biss parti dejqa mill-istampa sħiħa u l-medda l-qasira taż-żmien, u li issa spiċċaw biex jheddu s-sostenibbiltà tas-sajd tagħna. Biex naslu għal dijanjożi sħiħa ta’ x’għandu jinbidel u nkunu nistgħu nidentifikaw pjan ta’ azzjoni neħtieġu ż-żmien, u l-partijiet interessati kollha għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f’dak il-proċess. Għaldaqstant ipproponejt li minn issa nagħtu bidu għal evalwazzjoni sħiħa tar-Riforma tal-2002."
Is-Sur Borg enfasizza għadd ta’ kisbiet notevoli li saru fil-kuntest tar-Riforma tal-2002, b’mod partikolari: kredibbiltà u trasparenza ogħla f’dak li hu marbut mal-bażi xjentifika tal-politika, djalogu mtejjeb mal-partijiet interessati, għadd ta’ stokkijiet li ddaħħlu fi pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul, u azzjonijiet reċenti għall-prevenzjoni u l-qerda tas-sajd illegali u biex jitnaqqas ir-rimi tal-ħut maqbud.
Minkejja dawn il-ħafna passi pożittivi, għandhom jiġu indirizzati ostakli persistenti għas-sajd verament sostenibbli fl-ibħra tal-UE, bħalma huma:
Il-Kummissjoni issa se tniedi fażi ta’ analiżi u konsultazzjoni, li se tipprovdi l-bażi għall-proċess ta’ riforma tal-ġejjieni. Se ssir diskussjoni informali mal-Ministri tas-Sajd fid-29 ta' Settembru, fil-kuntest tal-Kunsill tas-Sajd, abbażi tad-dokument ta' dijanjożi u l-għażliet ta' politika. Jekk il-Kunsill Ewropew imbagħad jitlob lill-Kummissjoni biex tibda l-ħidmiet għar-riforma tal-PKS bħala parti mill-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika Marittima f’Diċembru 2008, il-Kummissjoni imbagħad toħroġ dokument sħiħ ta’ diskussjoni għall-bidu tal-2009 biex tipprovdi l-bażi għal konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri u l-partijiet interessati.
Il-Politika Komuni tas-Sajd ġiet stabbilita formalment fl-1983, u minn dak iż-żmien ’l hawn kienet soġġetta għal reviżjoni kull għaxar snin. L-aħħar Riforma saret fl-2002, u għandha tiġi evalwata sa mhux aktar tard mll-2012.