Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi li tkabbar il-programm tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea

European Commission - IP/08/1335   17/09/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1335

Brussell, 17 ta' Settembru 2008

Il-Kummissjoni tipproponi li tkabbar il-programm tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li ttejjeb il-programm attwali tat-tqassim tal-ikel lin-nies l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea billi żżid il-baġit b'żewġ terzi, għal madwar €500 miljun mill-2009 u testendi l-firxa ta' prodotti li jistgħu jiġu pprovduti. L-iskema, li oriġinarjament tfasslet biex il-ħażniet żejda tal-prodotti agrikoli (il-ħażniet ta' intervent) jitqassmu fost dawk fil-bżonn, ġiet emendata f'nofs id-disgħinijiet biex sar possibbli li f'ċerti ċirkustanzi l-ħażniet ta' intervent jiġu suplimentati b'xiri mis-suq. Issa li l-ħażniet żejda naqsu sew u x'aktarx mhux ser jiżdiedu fil-futur prevedibbli, l-iskema għandha, sabiex jiġu kkomplementati l-ħażniet ta' intervent, tibda tippermetti x-xiri fuq bażi permamenti. It-tip ta' ikel jintgħażel mill-Istati Membri u l-pjanijiet tat-tqassim jiġu stabbiliti għal perjodi ta' tliet snin. L-ikel jibqa' jitqassam b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-karità u mas-servizzi soċjali lokali. Mill-pjan tal-2010/12, l-iskema ser tibda tkun kofinanzjata (75 fil-mija mill-baġit tal-UE, u 85 fil-mija fiż-żoni ta' koeżjoni). Mill-pjan tal-2013/15, il-kofinanzjament ser jinqasam 50/50, bil-baġit tal-UE jħallas 75 fil-mija fiż-żoni ta' koeżjoni). Il-Kummissjoni temmen li hija meħtieġa żieda fil-baġit minħabba li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel qiegħda taffetwa ħażin is-sigurtà tal-provvista tal-ikel ta' dawk fil-bżonn u jgħolli l-ispejjeż tal-forniment tal-għajnuna f'ikel. Fl-2006, iktar minn 13-il miljun cittadin tal-UE bbenefika minn din l-iskema ta' għajnuna. Il-programm rivedut għandu jkun disponibbli mill-2010.

"Dan huwa mod konkret kif l-Unjoni Ewropea tista' tgħin xi wħud min-nies l-aktar sfurtunati fis-soċjetà tagħna," qalet Mariann Fischer Boel, Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali. "Iż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-ikel laqtet lil xi wħud b’mod ħażin ħafna. Jeħtiġilna nestendu din l-iskema ta' suċċess kbir u nżidu l-baġit biex b'hekk inkunu nistgħu ngħinu l-akbar għadd ta' nies possibbli. U issa li l-ħażniet ta' intervent saru xi ħaġa tal-imgħoddi, hemm bżonn li nippermettu x-xiri tal-ikel mis-suq u skont il-preferenzi nutrizzjonali nazzjonali."

L-iskema kienet ġiet stabbilita fl-1987 u kienet tippermetti lill-Istati Membri jirrilaxxaw ħażniet pubbliċi ta' ikel żejjed biex jingħataw bħala għajnuna. Minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni nbidlet. Il-ħażniet jinsabu fl-inqas livell li qatt kienu, l-għadd ta' nies fil-bżonn żdied u l-prezzijiet tal-ikel għadhom kif għolew ferm. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni temmen li huwa vitali li tiżdied in-nefqa f'din l-iskema, u li jingħata permess permanenti għax-xiri ta' ikel mis-suq miftuħ.

L-introduzzjoni tal-kofinanzjament għandha tgħin biex jitjiebu l-ippjanar u l-ġestjoni tal-fondi u tippermetti lill-Istati Membri jerfgħu aktar responsabbiltà għall-programm. Sabiex tissaħħaħ aktar l-effiċjenza u tiġi żgurata l-kontinwità għandu jiġi stabbilit pjan tat-tqassim għal tliet snin. Il-prodotti ma għandhomx ikunu limitati aktar għal dawk li japplika għalihom l-intervent. Pereżempju, il-frott u l-ħxejjex u ż-żejt tat-tisjir għall-ewwel darba ser ikunu koperti mill-programm.

L-għażla tal-ikel issir mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' kriterji nutrizzjonali u l-ikel jitqassam b'kooperazjoni mal-imsieħba tas-soċjetà ċivili, kif jiġri fil-preżent. L-ikel jiġi mill-ħażniet ta' intervent, jekk disponibbli, jew mis-suq, u tingħata prijorità lill-ħażniet ta' intervent fejn dawn jesiżtu. It-tqassim għandu jkun b'xejn jew bi ħlas li ma jkunx ogħla minn dak ġustifikat mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjoni maħtura biex tqassam l-ikel.

L-Istati Membri huwa ħielsa li jagħżlu jekk jipparteċipawx jew le fil-programm. L-għajnuna ġeneralment tingħata lil firxa wiesgħa ta' nies li qed jgħixu fil-faqar, fosthom familji f'diffikultajiet, nies anzjani li m'għandhomx biżżejjed mezzi, dawk bla dar, persuni b'diżabilità, tfal f'riskju, foqra li jaħdmu, ħaddiema immigranti u persuni li qed ifittxu kenn politiku.

L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fil-programm jagħżlu organizzazzjonijiet adatti – normalment organizzazzjonijiet tal-karità jew is-servizzi soċjali lokali - biex iqassmu l-ikel. Huma mbagħad jidentifikaw il-bżonnijiet tagħhom għal programm fuq perjodu ta' tliet snin u jressqu t-talba tagħhom lill-Kummissjoni, li talloka l-baġit. Dan isir fuq bażi annwali, sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti f'każ li tinbidel is-sitwazzjoni matul il-perjodu tal-programm.

Għalkemm l-UE għandha, bħala medja, wieħed mill-ogħla livelli tal-għajxien fid-dinja, xi wħud ma għandhomx biex jieklu sew. Huwa stmat li fl-UE 43 miljun ruħ jinsabu f'periklu ta' faqar nutrittiv, jiġifieri li ma għandhomx biex jixtru ikla bil-laħam, bit-tiġieġ jew bil-ħut jum iva u jum le. Attwalment 19-il Stat Membru jipparteċipaw fil-programm.

Għad-dokumenti u aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/freefood/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website