Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1305

Brussell, l-10 ta' Settembru 2008

It-tbassir tal-interim tal-UE: tnaqqis iktar qawwi minn dak mistenni

Din is-sena t-tkabbir ekonomiku mistenni li jilħaq 1.4% fl-Unjoni Ewropeja (1.3% fiż-żona ewro) – madwar ½ punt perċentwali inqas mit-tbassir ta' April. Ir-riskji negattivi ewlenin identifikati fit-tbassir tar-rebbiegħa fil-fatt seħħew, b'taqlib finanzjarju dejjem akbar, żieda f'daqqa fil-prezzijiet tal-prodotti u t-tixrid usa' ta' theżżiżiet għal bosta swieq tad-djar . Din is-sena l-inflazzjoni mistennija li tilħaq medja ta' 3.8% fl-UE u ta' 3.6% fiż-żona ewro wara ż-żieda qawwija u kontinwa fil-prezzijiet tal-prodotti. Dan jirrappreżenta reviżjoni 'l fuq, minkejja li jista' jkun li l-inflazzjoni teqleb id-direzzjoni hekk kif l-impatt taż-żiediet tal-imgħoddi fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel jgħib gradwalment fix-xhur li ġejjin.

"Il-kontinwazzjoni tat-taqlib fis-swieq finanzjarji sena wara l-bidu tiegħu, il-kważi rduppjar tal-prezzijiet tal-enerġija f'dan il-perjodu u l-korrezzjoni f'xi wħud mis-swieq tal-proprjetà kellhom impatt fuq l-ekonomija,għalkemm it-tnaqqis riċenti fil-prezzijiet taż-żejt u ta' prodotti oħra u ż-żieda fil-flessibilità fir-rata tal-kambju tal-ewro pprovdew ftit serħan. F'dan l-ambjent diffiċli u inċert irridu nitgħallmu mill-iżbalji tal-imgħoddi u nżommu pjan sod ta' azzjoni. Huwa kruċjali li nimxu 'l quddiem bl-aġenda ta' riforma tal-Ewropa sabiex nibqgħu noħolqu postijiet tax-xogħol u biex inkunu kapaċi niffaċċjaw aħjar it-theżżiżiet esterni. Jeħtiġilna nħaffu l-implimentazzjoni tal-pjan tar-rotta biex inreġġgħu lura l-fiduċja fis-swieq finanzjarji, u għandna nżommu t-titjib milħuq fil-finanzi pubbliċi biex ma jiżdiedx il-piż għall-ġenerazzjonijiet futuri li diġà se jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-isfida ta' popolazzjoni li qiegħda tikber fl-età," qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Hekk kif tqaawew il-burraxki dinjija, fit-tieni trimestru ta' din is-sena l-livell ta' produzzjoni ta' ħafna ekonomiji avvanzati beda jonqos, f'ċerti pajjiżi b’riżultat ukoll ta’ nuqqas ta' kriżi fis-setturi tal-djar. Il-PGD nxtorob b' 0.1% fl-UE u b' 0.2% fiż-żona ewro. Dan parzjalment jirrifletti tpattija wara tkabbir qawwi li ma kienx mistenni fl-ewwel kwart tas-sena, li sa ċertu punt kien riżultat ta' fatturi temporanji. Barra minn hekk, iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-prodotti, it-taqlib finanzjarju kostanti u, f'ċerti każijiet, theżżiża fil-proprjetà wasslu għal deterjorament fil-fiduċja, għal żieda ulterjuri fl-ispejjeż kapitali u għal żieda f'daqqa fl-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-konsum, li wasslu biex id-domanda domestika ċkienet.

Għall-2008, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni issa qed ibassar tkabbir ta' 1.4% fl-UE u 1.3% fiż-żona ewro, li jirrappreżenta reviżjoni 'l isfel b’0.6 u 0.4 punti perċentwali (pp.) rispettivament, meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa. Dan huwa kkalkulat fuq il-bażi ta' proġettazzjonijiet aġġornati għal Franza, l-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, l-Polonja, Spanja u r-Renju Unit, li flimkien jirrapreżentaw madwar 80% tal-PGD tal-UE

Kundizzjonijiet esterni dejjem inqas favorevoli

Fir-rigward tas-sitwazzjoni u l-prospetti tal-ekonomija globali għad hemm inċertezza mhux tas-soltu Sena wara li faqqa' t-taqlib finanzjarju, is-sitwazzjoni fis-sistema finanzjarja internazzjonali għadha waħda fraġli fejn bosta swieq ta' kreditu ewlenin għadhom serjament imħarbta. Il-prezzijiet tal-prodotti, speċjalment il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, għolew ħafna mill-aħħar trimestru tal-2007, u dan kompla jżid l-inflazzjoni - minkejja li l-prezzijiet taż-żejt u ta' prodotti oħrajn niżlu mill-quċċata li kienu laħqu iktar kmieni dan is-Sajf. In-negozju u l-fiduċja tal-konsumatur niżlu b'mod sinifikanti, għal livelli li jaqgħu taħt il-medji fit-tul tagħhom. Filwaqt li t-tkabbir s'issa baqa' b'saħħtu fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw, hemm tnaqqis imminenti fl-attività ekonomika dinjija.

L-ekonomiji Ewropej kienu ġeneralment sodi qabel ma faqqa' t-taqlib finanzjarju tas-Sajf li għadda. Ma kien hemm l-ebda żbilanċ fl-UE u ż-żona tal-ewro b'mod kollettiv, minkejja li jista' jkun li dan ma kienx il-każ fis-setturi u l-Istati Membri kollha. L-attività relattivament żammet tajjeb, filwaqt li l-inkwiet finanzjarju kellu impatt negattiv immedjat fuq ċerti indikaturi tal-fiduċja. Hekk kif komplew jitkattru d-diffikultajiet dinjija tul dawn l-aħħar trimestri, madankollu, it-tnaqqis fl-indikaturi ta' fiduċja jompla jinfirex madwar is-setturi u l-Istati Membri (bi tnaqqis partikularment kbir fl-indikatur tas-sentiment ekonomiku globali fi Spanja u fir-Renju Unit). Eventwalment, l-ammonti ta' attività wkoll bdew jiddgħajfu. Bosta indikaturi, bħall-produzzjoni industrijali, l-ordnijiet u l-bejgħ bl-imnut, juru tnaqqis fit-tkabbir bażi kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-ewo f'dawn l-aħħar xhur. Stħarriġiet riċenti wkoll ma jindikawx prospetti sbieħ fl-ekonomiji tal-Ewropa fil-ġejjieni.

Qed jiġi pproġettat tnaqqis fl-inflazzjoni, li mistenni jqawwi d-dħul disponibbli tal-familji u l-konsum b'mod aktar estensiv waqt ir-raba' trimestru, u dan huwa wieħed mill-fatturi li jista' jwassal biex ix-xejra tinqaleb.

L-inflazzjoni f'salib it-toroq

Imkebbsa bil-prezzijiet għolja tal-prodotti, l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur kompliet tikber fix-xhur reċenti. Il-kontribuzzjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel fl-inflazzjoni kumplessiva żdiedu b'mod sinifikanti u f'Lulju rispettivament ammontaw għal 1.7 pp. u 1.2 pp.. Ir-rata ttal-inflazzjoni kumplessiva naqset ftit f'Awwissu, għal 3.8%, fiż-żona tal-ewro, mill-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat li kien irrapportat f'Lulju (4.0%).

Ir-reviżjoni 'l fuq tal-inflazzjoni tirrifletti riżultati agħar minn dawk mistennija fil-previżjonijiet tar-Rebbiegħa. Madankollu, it-tnaqqis gradwali tal-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel fix-xhur li ġejjin jissuġġerixxi li jista' jkun li l-inflazzjoni tinsab f'salib it-toroq. Minkejja dan, l-iżviluppi futuri fis-swieq tal-prodotti, kif ukoll il-kapaċità li jiġu kkontrollati l-effetti sekondarji, se jkunu vitali għall-prospetti tal-inflazzjoni fiż-żewġ reġjuni.

L-evalwazzjoni tar-riskju

Il-prospetti ta' riskji għat-tkabbir għadhom negattivi. B'mod partikulari, l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u tal-kommoditajiet se jibqgħu fatturi ewlenin fil-formazzjoni tal-prospetti ta' tkabbir u s-suppożizzjonijiet tekniċi jistgħu wkoll jagħtu sorpriżi negattivi, hekk kif għamlu fl-eżerċizzji ta' tbassir riċenti. Riskji oħrajn jirrelataw mas-saħħa sottostanti tal-ekonomija tal-Istati Uniti tal-Amerka, ma' sejħiet ġodda għal miżuri ta' protezzjoniżmu u għal miżuri oħra li jgħawġu l-kummerċ, iżda wkoll għal kemm uħud mill-ekonomiji tal-UE jkunu kapaċi jaġġustaw l-iżbilanċi interni u esterni tagħhom. Ir-riskji ta' prospetti ta' inflazzjoni jidhru xi ftit iktar ibbilanċati, minkejja li għadhom ixaqilbu 'l fuq. B'mod partikolari u anki jekk l-attività ekonomika taf tonqos b'mod drastiku, ir-riskju ta' effetti sekondarji ma jistax jiġi eskluż, minkejja li s'issa ma hemm l-ebda evidenza li dawn l-effetti nfirxu.

Rapport iktar dettaljat disponibbli fl-indirizz:
http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_el.htm


Tabella 1: Tkabbir reali tal-PGD
[ ]
Nota: iċ-ċifri għal kull trimestru huma aġġustati skont il-ġurnata tax-xogħol u l-istaġun, filwaqt li ċ-ċifri annwali ma ġewx aġġustati


Tabella 2: Indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur
[ ]


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website