Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1255

Brussell, il-11 ta' Awwissu 2008

Se tiftaħ dalwaqt: librerija diġitali għall-Ewropa

Id-diversità kulturali Ewropea f'kotba, mużika, pitturi, ritratti, u films miftuħa għaċ-ċittadini kollha b'tgħafisa ta' buttuna tal-maws minn ġewwa portal wieħed - din il-ħolma ta' Librerija Diġitali Ewropea tista' ssir realtà l-ħarifa li ġejja. Illum madankollu, f'Komunikazzjoni ġdida dwar l-aċċess għal verżjonijiet diġitali ta' opri minn istituzzjonijiet kulturali madwar l-Ewropa, il-Kummissjoni qalet li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri. Id-diġitizzazzjoni ta' opri kulturali lill-Ewropej tista’ tagħtihom aċċess għall-materjal minn mużewijiet, libreriji u arkivji barra minn pajjiżhom mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw jew li jqallbu mijiet ta' faċċati biex isibu biċċa informazzjoni. Il-libreriji Ewropej waħidhom għandhom iktar minn 2.5 billjun ktieb, iżda disponibbli f'għamla diġitali hemm biss 1 % tal-materjal arkivjat. B'hekk il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar sabiex ikun hemm opri diġitali disponibbli onlajn biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jqallbu fihom b'mod diġitali, għall-istudju, ix-xogħol jew ir-rekreazzjoni. Il-Kummissjoni nfisha se tipprovdi madwar €120 miljun bejn l-2009 u l-2010 sabiex ittejjeb l-aċċess onlajn għall-wirt kulturali Ewropew.

"Il-Librerija Diġitali Ewropea se tkun mezz rapidu u faċli sabiex in-nies ikollhom aċċess għall-kotba jew l-arti mill-Ewropa – kemm jekk ikunu f'pajjiżhom kif ukoll jekk ikunu lil hinn minnu. Il-Librerija se tipprovdi aċċess, pereżempju, lil student Ċek biex ikun jista' jgħarrex fil-librerija tal-Gran Brittanja mingħajr ma jmur Londra, jew lil Irlandiż dilettant tal-arti li jersaq qrib il-Mona Lisa mingħajr ma jkollu joqgħod jistenna fil-kju ġewwa l-Louvre," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Madankollu, minkejja li l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fil-ħolqien ta' kontenut kulturali aċċessibli mill-Internet, hemm bżonn ta' aktar investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, biex jitħaffef il-proċess tad-diġitizzazzjoni. L-għan tiegħi hu li jkolli Librerija Diġitali Ewropea b'kontenut għani, imsejħa Europeana, miftuħa għall-pubbliku qabel tmiem is-sena."

Illum il-Kummissjoni kkonfermat l-impenn tagħha li tgħin lill-Istati Membri jqiegħdu l-kontenut kulturali prezzjuż onlajn. Bejn l-2009-2010 se jiġu allokati € 69 miljun mill-programm tar-riċerka tal-UE għall-attivitajiet ta' diġitizzazzjoni u l-iżvilupp ta' libreriji diġitali. Fl-istess perjodu, il-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni se jalloka madwar € 50 miljun biex itejjeb l-aċċess għall-kontenut kulturali tal-Ewropa. Madanakollu, l-ispiża totali biex jiġu diġitizzati ħames miljun ktieb fil-libreriji tal-Ewropa hi stmata għal madwar € 225 miljun, u din ma tinkludix oġġetti bħal manuskritti jew pitturi. Biex il-viżjoni ta' Librerija Diġitali Ewropea (Europeana) sseħħ fir-realtà, hemm bżonn ta' investiment sostanzjali minn istituzzjonijiet nazzjonali, iżda bħalissa ħafna pajjiżi qed jipprovdu biss finanzjament frammentat u ta' ammont żgħir.

Illum il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri biex ikabbru l-kapaċitajiet ta' diġitizzazzjoni, biex jagħmlu l-kollezzjonijiet tagħhom disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej, biex jingħaqdu mas-settur privat, u jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin:

  • Hemm bżonn li jiġu allokati aktar finanzi għad-diġitizzazzjoni, flimkien ma' pjanijiet dwar kemm materjal se jiġi diġitizzat.
  • Ħafna mill-pajjiżi għandhom nuqqas ta' metodi, teknoloġiji u esperjenza għall-preservazzjoni ta' materjal diġitali, li huma vitali biex il-kontenut jibqa' aċċessibli għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
  • Hemm bżonn li jiġu implimentati standards komuni biex is-sorsi ta' informazzjoni u l-bażijiet ta' dejta jsiru kompatibbl mal-Librerija Diġitali Ewropea (Europeana)u jkunu jistgħu jintużaw minnha.
  • Ir-reżoluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari s-soluzzjonijiet legali għall-problema ta' opri ltiema – opri li għalihom ma jkunx jista’ jinstab id-detentur tad-dritt biex jagħti l-kunsens tiegħu għad-diġitizzazzjoni (IP/07/508).

Il-viżitaturi ta' libreriji diġitali jistgħu jiskopru b'mod diġitali kopji tal-bibbja famuża ta' Gutenberg – l-ewwel ktieb li qatt ġie stampat – ġewwa l-websajt tal-Librerija tal-Gran Brittanja, il-vuċijiet ta' Maria Callas jew ta' Jacques Brel fl-Institut National de l'Audiovisuel ta' Franza jew il-Mona Lisa, il-kapolavur ta' Da Vinci ġewwa l-Louvre – mingħajr biljett.

Uħud mill-Istati Membri ħadu passi eżemplari biex jaċċeleraw id-diġitizzazzjoni ta' kollezzjonijiet kulturali Fl-2007 s-Slovenja adottat l-Att dwar is-Sħubija bejn Entitajiet Pubbliċi u Privati, li jipprovdi opportunitajiet għal promozzjoni privata ta' proġetti ta' diġitizzazzjoni f'istituzzjonijiet pubbliċi Is-Slovakkja rrinnovat kumpless militari antik bħala faċilità għad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira bl-użu ta' robots li jaqilbu l-paġni. Il-Finlandia, is-Slovakkja u l-Litwanja għamlu użu mill-Fondi Strutturali Ewropej biex jiksbu fondi addizzjonali ddedikati għad-diġitizzazzjoni.

Madanakollu, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni turi wkoll li f' ħafna mill-każijiet hemm qabża bejn l-għadd ta' oġġetti li ġew diġitizzati u l-aċċessibiltà tagħhom onlajn. Pereżempju, wieħed biss minn kull erba' mużewijiet Ġermaniżi li għandhom materjal diġitizzat joffri aċċess għalih onlajn u 1 % biss tal-materjal diġitizzat mill-arkivji tal-Polonja jinstab onlajn.

Il-kuntest:

Il-Librerija Diġitali Ewropea hija parti mill-inizzjattiva i2010 adottata mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2005 (IP/05/643). Fl-24 ta' Awwissu 2006, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar id-diġitizzazzjoni u l-preservazzjoni diġitali (IP/06/1124). Fil-Kunsill Kulturali tat-13 ta' Novembru 2006, il-ministri nazzjonali qablu biex jimxu ‘l quddiem fuq id-diġitizzazzjoni (Pres/06/309) .

Il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-progress li sar fuq id-diġitizzazzjoni:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/hleg/index_en.htm

Il-Librerija Diġitali Ewropea

http://www.worlddigitallibrary.org/project/english/index.html

Il-Librerija Ewropea

http://search.theeuropeanlibrary.org/portal/en/index.html

Europeana:

http://www.europeana.eu/

MEMO/08/546


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website