Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1250

Brussell, is-7 ta' Awwissu 2008

Satelliti Ġodda għall-Ewropa: Il-Kummissjoni tibda l-proċeduri tal-għażla tal-operaturi tas-servizzi satellitari mobbli pan-Ewropej

Illum il-Kummissjoni Ewropea niedet kompetizzjoni madwar l-Ewropa għall-fornituri ta’ servizzi permezz tas-satellita. Għall-ewwel darba, l-operaturi tas-satellita se jkunu jistgħu joffru servizzi bħad-dejta b’veloċità għolja, it-TV mobbli, is-solliev għad-diżastri u s-servizzi mediċi remoti taħt proċedura unika Ewropea ta’ għażla minflok 27 sistema nazzjonali differenti. Dan qed isir possibbli bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġdida tal-UE dwar is-servizzi satellitari mobbli li daħlet fis-seħħ f’Lulju ta’ din is-sena. Is-sistemi satellitari mobbli jużaw l-ispettru tar-radju biex jipprovdu servizzi bejn stazzjon tal-art mobbli u stazzjon jew aktar fl-ispazju jew inkella fuq l-art f'postijiet fissi. Kapaċi jkopru territorju kbir u jilħqu żoni fejn servizzi bħal dawn qabel ma kinux ekonomikament vijabbli. Il-proċedura Ewropea l-ġdida tal-għażla tista’ tippermetti li mill-2009 l-kumpaniji joffru servizzi innovattivi bla wajer madwar l-Ewropa kollha fuq spettru speċifikament riżervat.

“Is-servizzi satellitari mobbli għandhom il-vantaġġ tremend li kapaċi jkopru l-biċċa l-kbira tat-territorju tal-UE, u b’hekk jilħqu miljuni ta’ ċittadini tal-UE lil hinn minn kull fruntiera. Jirrappreżentaw opportunità li qatt s’issa ma kien hemm bħalha biex l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi ġodda tal-komunikazzjoni, u dan mhux biss fiż-żoni metropolitani iżda anki f'reġjuni rurali u inqas popolati", qalet il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet Viviane Reding. “Madankollu, dawn is-servizzi satellitari jiddependu minn investiment sostanzjali u għalhekk jeħtieġu proċeduri sempliċi u veloċi kif ukoll ċertezza legali għaż-żmien fit-tul. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri, waqqfet, fi żmien rekord ta’ għaxar xhur biss, proċedura unika tal-UE għall-għażla tal-operaturi interessati tas-servizz satellitari mobbli. Issa fl-Ewropa hemm suq wieħed u mhux 27 għas-servizzi satellitari mobbli. Minn issa ‘l quddiem, l-ass f’idejn l-industrija. Nistenna kompetizzjoni qawwija mill-operaturi li joffru servizzi ta’ komunikazzjoni satellitari li jilħqu ‘l-konsumaturi mit-Tramuntana tal-Iżvezja san-Nofsinhar ta’ Spanja. Dan jista’ jwitti t-triq, diġà sa mill-2009, għall-ewwel varar ta’ satelliti."

L-industrija tas-satelliti hija suq dinji ta’ € 77 biljun, li kiber b'16 % fl-2007. Minn dan, is-servizzi satellitari weħidhom iġġeneraw madwar € 38 biljun fi dħul globali. Il-kumpaniji Ewropej jirrappreżentaw forza importanti f’dan is-suq: l-industrija spazjali Ewropea tħaddan 40 % tas-swieq dinjija għall-manifattura, il-varar u l-operar tas-satelliti. Barra minn hekk, l-Ewropa hija l-bażi ta' tlieta mill-ħames l-akbar operaturi ta' sistemi satellitari fid-dinja.

Il-kompetizzjoni fost l-operaturi satellitari li nfetħet illum mill-Kummissjoni Ewropea l-ewwel darba li saret xi ħaġa bħalha, billi qed isseħħ fi ħdan proċedura Ewropea unika ta' għażla. Qabel, minkejja d-dimensjoni transkonfinali ċara tas-servizzi satellitari, ir-regoli nazzjonali eżistenti kienu jxekklu l-ħolqien ta’ servizz uniku għas-servizzi satellitari mobbli billi kienu jħallu l-għażla tal-operaturi f'idejn l-Istat Membru. Ir-riżultat kien diverġenza fis-sistemi nazzjonali li wasslet għal geġwiġija ta' proċeduri, inċertezza ġuridika u żvantaġġ kompetittiv sostanzjali għall-industrija tas-satelliti fl-Ewropa.

Sabiex tneħħi dawn l-ostkali, il-Kummissjoni pproponiet fit-22 ta’ Awwissu 2007, fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħha tas-suq uniku, deċiżjoni ġdida tal-UE li biha tista’ tiġi organizzata fuq livell Ewropew proċedura waħdanija għas-servizzi satellitari mobbli (IP/07/1243). Din id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2008. Tistabbilixxi regoli komuni tal-UE għall-użu tal-faxex ta’ 2 Ghz minn servizzi satellitari mobbli. Dan mhux biss ser iħaffef u jgħaġġel il-proċeduri tal-liċenzjar għall-operaturi – billi jħeġġeġ l-investiment u t-tħaddim tas-servizzi satellitari mobbli – iżda fl-istess ħin se jiżgura li dawn is-servizzi jkopru mill-inqas 60 % tat-territorju tal-UE – pass importanti lejn l-ilħiq gradwali tal-kopertura tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-kumpaniji interessati għandhom sas-7 ta’ Ottubru 2008 biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea. Waqt l-ewwel fażi tal-proċess tal-għażla, tiġi vvalutata l-ħila teknika u kummerċjali tal-kandidati li jvaraw is-sistemi tagħhom fil-ħin. Il-kriterji fit-tieni fażi tal-għażla jinkludu, fost l-oħrajn: il-ħeffa li biha se jiġu koperti l-Istati Membri kollha; il-firxa tas-servizzi, inkluż fiż-żoni rurali, u l-għadd ta' utenti aħħarin li se jinqdew, u l-kapaċità tas-sistema li twettaq għanijiet ta’ interess pubbliku u l-effiċjenza tal-ispettru. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-kandidati magħżula għandhom id-dritt joperaw f’pajjiżhom. Skont kemm ikun hemm kandidati, il-Kummissjoni tistenna li l-proċedura tal-għażla tkun tista’ titlesta fl-ewwel parti tal-2009. L-ewwel satelliti jkunu jistgħu jiġu varati fl-2009.

Għal aktar informazzjoni:

It-test sħiħ tas-sejħa organizzata mill-Kummissjoni u aktar informazzjoni ta’ sfond huma ppubblikati fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/pan_european/index_en.htm

Id-Deċiżjoni l-ġdida tal-UE dwar is-servizzi mobbli permezz tas-satellita tinsab fuq:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:172:0015:0024:EN:PDF

Il-vot tal-Parlament Ewropew dwar id-Deċiżjoni tal-UE dwar is-servizzi mobbli permezz tas-satellita

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P6-TA-2008-0219

L-approvazzjoni tal-Kunsill dwar id-Deċiżjoni tal-UE dwar is-servizzi mobbli permezz tas-satellita:

http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st11/st11070.en08.pdf

http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st03/st03637-re01.en08.pdf

Ara wkoll MEMO/08/536

ANNESS

Kalendarju indikattiv għat-tnedija ta' servizzi satellitari mobbli fl-Ewropa

Q3 2008
Sejħa għall-applikazzjonijiet
Q4 2008
Data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet
Q1-2: 2009
Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet
Q2-3: 2009
Awtorizzazzjoni fuq il-livell nazzjonali
Mill-2009/2010
L-ewwel varar tas-satelliti u l-ewwel servizzi


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website