Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1189

Brussell, 23 ta' Lulju 2008

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta r-raba' rapport tagħha dwar in-nonreċiproċità ma' pajjiżi terzi fejn tidħol l-eżenzjoni mill-viża

Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-raba' rapport tagħha dwar iż-żamma ta' l-obbligu tal-viża min-naħa ta' ċerti pajjiżi terzi, bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità. Ir-rapport juri li kompla jsir aktar progress lejn reċiproċità sħiħa fejn tidħol il-viża.

Il-Viċi-President Jacuqes Barrot, Kummissarju responsabbli għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà saħaq fuq l-utilità tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità:

"Dan ir-rapport juri biċ-ċar li d-djalogu ma' pajjiżi terzi skond il-mekkaniżmu ta' reċiproċità dwar il-viża għal darb'oħra wera li hu effettiv, bir-riżultat ta' ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha ta' tliet pajjiżi oħra tagħna. Ir-Rapport madankollu jipproponi wkoll miżuri ritaljatorji fejn inkiseb progress mhux sodisfaċenti. Mhux aċċettabbli li ċittadini minn xi pajjiżi terzi jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE filwaqt li uħud minn sħabna ċittadini ta' l-UE ma jistgħux jivvjaġġaw mingħajr viża lejn dawn il-pajjiżi. Dan huwa fil-qalba tal-mekkaniżmu tagħna ta' reċiproċità tal-viża u jien impenjat li nara li dan il-prinċipju jkun rispettat bis-sħiħ".

Il-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport juru li issa nkisbet reċiproċità sħiħa fejn tidħol il-viża ma' l-Iżrael, il-Malażja u l-Paragwaj. Il-Kummissjoni kisbet progress sinifikanti fid-djalogu mal-Kanada, li neħħiet l-obbligu tal-viża għal sitt Stati Membri tul dawn l-aħħar għaxar xhur. Fid-djalogu ma' l-Awstralja, il-Kummissjoni kisbet aċċess għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha għall-"autogrant facility" u żgurat it-trattament indaqs għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha minn Ottbru 2008 'l quddiem meta tkun bdiet tintuża s-sistema Awstraljana ta' eVisitors. L-implimentazzjoni tas-sistema Awstraljana ta' eVisitors se tkun osservata bir-reqqa. Fejn jidħol il-Brażil, bdew in-negozjati għal ftehim dwar eżenzjoni mill-viża għal żjarat qosra bejn il-Komunità Ewropea u l-Brazil.

Ma sar l-ebda progress mal-Ġappun, il-Panama, is-Singapor, u ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (USA). Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġappun bħalissa qed jeżamina estenzjoni ta' l-eżenzjoni mill-viża għal żjarat qosra għal ċittadini Rumeni, iżda qed tinsisti fuq it-talba tagħha għal reċiproċità sħiħa dwar l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-UE kollha. Il-Kummissjoni se żżomm għajnejha fuq l-intenzjoni tal-Panama li tagħmel eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Fejn jidħol Singapor, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri ritaljatorji f'każ li fi żmien raġonevoli ma tkunx inkisbet reċiproċità sħiħa.

Ma sar l-ebda progress tanġibbli fil-każ ta' l-Istati Uniti minkejja l-isforzi kollha tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri individwali. Iċ-ċittadini ta' tnax-il Stat Membru ta' l-UE għad għandhom bżonn jiksbu viża meta jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Fis-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti f'Ġunju 2008 l-Istati Uniti ntrabtu li din is-sena jdaħħlu Stati Membri oħra ta' l-UE fil-programm tagħhom ta' eżenzjoni mill-viża (Visa Waiver Program - VWP) Għaldaqstant il-Kummissjoni se tipproponi miżuri ta' ritaljazzjoni – pereż. restawrazzjoni temporanja ta' l-obbligu tal-viża għal ċittadini ta' l-Istati Uniti li jkollhom passaporti diplomatiċi u tas-servizz/uffiċjali – mill-1 ta' Jannar 2009, f'każ li ma jkun sar l-ebda progress.

Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport li jmiss qabel it-30 ta' Ġunju 2009.
Il-websajt tal-JLS:
http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/freetravel/visa/doc_freetravel_visa_en.htm


Side Bar