IP/08/1169
Brussell, is-17 ta' Lulju 2008
Konsumaturi: L-UE tissikka fuq
l-intrigu diżonest bir-ring-tones tal-mowbajls
Il-Kummissarju għall-Konsumaturi ta' l-UE EU
Meglena Kuneva llum ħabbret ir-riżultati ta'
investigazzjoni ma' l-UE kollha f'websajts li joffru servizzi
għall-mowbajls bħal ring-tones u stampi għall-iskrin.
L-istħarriġ, li twettaq fuq aktar minn 500 websajt
mas-27 Stat Membru, in-Norveġja u l-Iżlanda, żvela li
80 % tas-siti li ġew iċċekkjati jeħtieġ li jkomplu
jiġu investigati għal suspett ta' ksur tar-regoli tal-konsumatur ta'
l-UE. Ħafna mill-websajts huma mmirati għat-tfal u
ż-żgħażagħ. Fost il-problemi li nstabu kien hemm:
tagħrif mhux ċar ta' prezzijiet mhux kompluti, li ma jinkludux jew
il-konsumaturi ma jafux li qed jiffirmaw għal abbonament. Għadd kbir
ta' websajts ma jipprovdux xi tagħrif ta' kuntatt meħtieġ dwar
il-kummerċjant. Problemi oħra huma marbuta ma' tagħrif qarrieqi
fejn il-qofol tat-tagħrif jinħeba fil-kliem irqiq jew li jkun
diffiċli biex jinstab fuq il-websajt jew il-kelma "bla ħlas"
tintuża biex tqarraq bil-konsumaturi li jidħlu f'kuntratti fit-tul.
Il-gravità tal-ksur mhux dejjem xorta. Hemm fl-idejn aktar minn
495 miljun mowbajl fost l-Ewropej. Ir-ring-tones waħedhom biss huwa
stmat li jikkostitwixxu 29 % tas-suq ġenerali tal-"kontenut
tal-mowbajls" fl-Ewropa fl-2007 (madwar 10 % iktar mill-2006). Il-valur
tal-bejgħ tar-ring-tones fl-Ewropa fl-2007 kien stmat għal
€ 691 miljun. Seba' pajjiżi, in-Norveġja,
il-Finlandja, l-Iżvezja, il-Latvja, l-Iżlanda, ir-Rumanija,
il-Greċja) qed jippubblikaw l-ismijiet tal-websajts li sabu li kellhom
irregolaritajiet (MEMO/08/516).
"Din l-azzjoni ma' l-UE kollha hija tweġiba diretta għal mijjiet
ta' lmenti minn konsumaturi li waslu għand l-awtoritajiet nazzjonali.
Bil-kbir ħafna nies isibu ruħhom vittmi ta' sorpriżi ta'
ħlas misterjuż, miżati u abbonamenti li jiskopru għall-ewwel
darba meta jaraw il-kont tal-mowbajl. Se jkun hemm azzjoni ta' infurzar ma'
l-Ewropa kollha biex jinstab kull wieħed minn dawn il-kummerċjanti.
Iżda jeħtieġ li nibagħtu messaġġ ċar
partikolarment lill-adolexxenti u lit-tfal – iftħu għajnejkom!
L-aktar ħaġa importanti huma l-ittri rqaq! Hemm ħafna
kummerċjanti ta' reputazzjoni fuq l-internet, iżda biex tkun ċert
int u tħallas għal dawn is-servizzi, iċċekkja l-ittri rqaq
kull darba u ara li ma tiffirmax għal xi ħaġa li hija ogħla
minn li ħsibt."
L-Investigazzjoni għall-għarrieda
L-"investigazzjonji għall-għarrieda" hija tip ġdid ta' azzjoni
ta' investigazzjoni u infurzar ta' l-UE. L-Istati Membri jwettqu kontrolli
simultanji u kkoordinati ta' paġni tal-web għal ksur tal-liġi
tal-konsumatur f'settur partikolari. Jagħmlu kuntatt ma' l-operaturi li
jkollhom dawn l-irregolaritajiet allegati u jitolbuhom jiċċaraw
il-pożizzjoni tagħhom u/jew jieħdu azzjoni ta' korrezzjoni.
L-investigazzjoni għall-għarrieda tas-servizzi tal-mowbajl
seħħet bejn it-2 u s-6 ta' Ġunju. L-awtoritajiet ta'
l-infurzar ma' l-Ewropa kollha ċċekkjaw il-websajts tas-servizz
tal-mowbajls għal ksur issuspettat tal-liġi tal-konsumatur ta' l-UE
– id-Direttiva tal-Prassi Kummerċjali mhux ġusta (2005/29/KE);
id-Direttiva dwar il-Bejgħ mill-bogħod (1997/7/KE), id-Direttiva dwar
l-E-kummerċ (2000/31/KE).
Ir-Riżultati
L-investigazzjoni għall-għarrieda ffukat fuq tliet tipi ta'
prassi fis-settur tas-servizzi tal-mowbajls li jikkompromettu d-drittijiet
tal-konsumatur (tagħrif mhux ċar dwar il-prezz ta' l-offerta,
tagħrif dwar id-ditta, reklamar qarrieqi).
- 80 % tal-websajts li ġew iċċekkjati qed jiġu
investigati aktar. L-għadd totali ta' websajts iċċekkjati
558, l-għadd totali ta' websajts li jeħtieġu aktar
investigazzjoni huwa 466. L-għadd ta' każijiet li potenzjalment
jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet nazzjonali
differenti, il-każijiet KPK (Netwerk ta' Kooperazzjoni
għall-Protezzjoni tal-Konsumatur) huma 76. Ara (MEMO/08/516) għal
analiżi skond il-pajjiż.
- 50 % tal-websajts li ġew iċċekkjati kienu mmirati
għat-tfal (279 websajt minn 558). Dawn il-websajts użaw
karattri mill-kartuns tat-tfal, persunaġġi magħrufa sewwa tat-TV
jew talbu l-kunsens ta' ġenitur. L-istess livell għoli ta'
irregolaritajiet (80 %) kien japplika wkoll għal dawn is-siti.
- Ħafna websajts urew irregolaritajiet multipli.
Iċ-ċifri huma kif ġejjin (ara MEMO/08/516 għad-dettalji):
- Madwar 50 % tas-siti kollha li ġew iċċekkjati kellhom xi
irregolarità marbuta mat-tagħrif dwar il-prezz ta' l-offerta
(268 websajt minn 558). F'ħafna websajts, il-prezzijiet u
ħlas u miżati marbuta mhumiex indikati b'mod ċar jew ma jissemmew
xejn – sakemm il-konsumatur tintbagħatlu l-fattura permezz tal-kont
tat-telefon. Il-prezzijiet ma jinkludux it-taxxi kollha, fil-każ ta'
abbonament, il-kelma abbonament ma tissemmhiex b'mod ċar jew il-perjodu ta'
l-abbonament mhux ċar.
- Aktar minn 70 % tal-websajts kollha li ġew iċċekkjati
kellhom xi tagħrif meħtieġ nieqes li bih tikkuntattja
lill-kummerċjant - isem il-kummerċjant, l-indirizz
ġeografiku jew id-dettalji biex isir il-kuntatt ma kinux kompluti
(399 websajt minn 558). Dan huwa kontra l-liġi ta' l-UE - id-Direttiva
eKummerċ 2000/31/KE titlob li għandhom jidhru d-dettalji ta' min
jipprovdi s-servizz, inkluż l-indirizz elettroniku.
- Aktar minn 60 % tal-websajts iċċekkjati ppreżentaw
it-tagħrif b'mod qarrieqi (344 minn 558). It-tagħrif dwar
il-kuntratt huwa disponibbli fuq is-sit iżda moħbi fi kliem irqiq jew
b'mod li huwa diffiċli li jinstab. Prodotti u servizzi jiġu reklamati
bħala "mingħajr ħlas", iżda l-konsumatur jiġi mqarraq u
wara jsib li hemm il-ħlas jew li huma marbuta ma'
kuntratt.
X'jmiss issa?
Il-kumpaniji se jiġu kkuntattjati mill-awtoritajiet nazzjonali u
jintalbu jiċċaraw jew isewwu l-problemi identifikati. F'każ li
dan ma jsirx tista' tittieħed azzjoni legali li twassal għal multi jew
l-għeluq tal-websajt tagħhom. Għall-każijiet transkonfinali,
l-awtoritajiet nazzjonali se jaħdmu flimkien mal-kollegi minn awtoritajiet
oħrajn ta' l-UE. L-awtoritajiet jintalbu jibagħtu rapport dwar dak li
kisbu fl-ewwel nofs ta' l-2009.