Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/08/1131

Brussell, il-11 ta' Lulju 2008

Ħalib għall-Iskola: Skema ġdida tixpruna l-konsum u l-imġieba tal-konsumatur fl-ikel immirati għal saħħa aħjar

Bi tweġiba għat-talbiet u s-suġġerimenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat verżjoni ġdida ta' l-Iskema ta' l-UE tal-Ħalib għall-Iskola b'regoli ta' implimentazzjoni faċli u ċari sabiex aktar tfal ikollhom firxa usa' ta' prodotti tal-ħalib.

"L-Iskema tal-Ħalib għall-Iskola hija ta' natura kemm nutrittiva kif ukoll edukattiva, tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ħxuna żejda u biex jingħataw l-elementi essenzjali għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Issa, permezz tad-disponibbiltà ta' regoli aktar sempliċi u ta' prodotti aktar attraenti nistennew li saħansitra aktar skejjel, inklużi l-iskejjel sekondarji, se jipparteċipaw fl-iskema tal-ħalib għall-iskola."

Is-sussidju ta' l-UE issa se jkopri firxa usa' ta' prodotti tal-ħalib: Minn ħalib tradizzjonali għax-xorb sa ġobnijiet, inklużi ċerti prodotti tal-ħalib iffermentat waħdu jew inkella bil-frott, bħall-jogurt, ix-xorrox, il-kefir eċċ. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħżlu l-prodotti li jixitiequ jqassmu, u jagħtu, pereżempju, attenzjoni partikolari għall-prodotti tal-ħalib b'kontenut baxx ta' xaħam.

Barra minn hekk, l-iskema se tkun ta’ benefiċċju għal għadd kbir ta' tfal, minħabba li l-iskejjel sekondarji se jibbenefikaw mill-istess aċċess għall-iskema bħall-iskejjel għat-tfal żgħar u tal-primarja.

Din il-verżjoni mġedda tirrispondi għal għadd ta' talbiet mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew. Flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni għal Skema ta' l-UE ta' Frott għall-Iskejjel li ġiet ippreżentata fit-8 ta' Lulju (ara IP/08/1116), l-Iskema tal-Ħalib il-ġdida, li tapplika saħansitra minn Awissu 2008, qed tingħata aktar attenzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dieta aħjar u mġiba fl-ikel immirati għal saħħa aħjar fit-tfal.

L-appoġġ ta' l-UE għat-tqassim tal-ħalib ilu jeżisti b'diversi modifiki għal aktar minn 30 sena. Fis-snin ta' l-iskola 2006/2007, l-ekwivalenti ta' 305 000 tunnellata ta' ħalib ġew imqassma fost l-iskejjel fi 22 Stat Membru filwaqt li l-Komunità pprovdiet aktar minn € 50 miljun.

Bl-iskema l-ġdida, fil-ġejjieni huwa mistenni il-parteċipazzjoni ta' saħansitra aktar skejjel, b'hekk it-tfal jitħallew u jiġu mħeġġa jissostitwixxu ikel u xorb ta' kwalità inferjuri bi prodotti konvenjenti ta' kwalità għolja.

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/milk/schoolmilk/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site