IP/08/112
Brussell, it-30 ta' Jannar 2008
Il-Kummissarju għas-Saħħa, Markos Kyprianou, qal: "It-tikketti ta' l-ikel jista' jkollhom influwenza enormi fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-konsumatur dwar ix-xiri. Tikketti mhux ċari, mgħobbija żżejjed bl-informazzjoni jew li jinftiehmu ħażin kapaċi jkunu aktar ta' xkiel milli ta' għajnuna għall-konsumatur. Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tiżgura li t-tikketti ta' l-ikel jinkludu informazzjoni essenzjali b'mod ċar u li tista' tinqara sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom is-setgħa li jagħmlu għażliet aktar bilanċjati marbuta mad-dieta."
Regoli moderni għal suq modern
Il-konsumaturi llum jinsabu bbumbardjati b'informazzjoni dwar l-ikel li jixtru. Barra minn hekk, il-mod li bih hija ppreżentata din l-informazzjoni qed isir dejjem aktar varjat u kumpless, filwaqt li l-kwalità tat-tikketti ta' l-ikel tvarja ħafna minn prodott għall-ieħor u minn Stat Membru għal ieħor. Ir-riċerka turi li ħafna konsumaturi jħossuhom konfużi jew perplessi bit-tikketti moderni ta' l-ikel, u jsibuha diffiċli biex jidentifikaw l-informazzjoni prinċipali. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-konsumaturi b'aċċess faċli għall-informazzjoni l-aktar importanti dwar it-tikketti ta' l-ikel u li tiżgura ftit konformità fil-preżentazzjoni tagħha madwar is-27 Stat Membru. Fl-istess ħin, il-miżuri ġodda li ġew proposti huma flessibbli għall-bidliet fis-suq u jfittxu li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni fl-industrija ta' l-ikel.
Il-faċilitazzjoni ta’ għażliet aktar sani
Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar is-saħħa pubblika hija dik li tippromwovi dieti aktar sani fost iċ-ċittadini ta' l-UE. Parti minn din il-kampanja tinvolvi li l-konsumaturi jingħataw l-għodda li jwassluhom biex jagħmlu għażliet marbuta man-nutrizzjoni b'mod infurmat. Informazzjoni ċara, preċiża u rilevanti fuq it-tikketti ta' l-ikel tista' tkun mezz siewi għall-konsumaturi biex jiċċekkjaw eżattament x'qegħdin jixtru u jieklu.
Il-proposta tal-lum tesiġi li l-kontenut ta' enerġija, xaħam, xaħam saturat, karboidrati b’referenza speċifika għaz-zokkor u l-melħ, għal kull 100 ml/g jew għal kull porzjon tal-prodott jintwera b'mod ċar fuq wiċċ il-pakkett. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat il-proporzjon ta' dawn l-elementi għall-konsum ta' referenza (pereżempju d-Doża Rakkomandata ta' Kuljum).
Informazzjoni ċara u li tinftiehem
Bla dubju ta' xejn, l-aktar ilment komuni tal-konsumaturi fir-rigward tat-tikketti ta' l-ikel hu dak li ma jistgħux isibu jew jaqraw l-informazzjoni li jkunu qed ifittxu. Ħafna drabi, l-informazzjoni tkun miktuba żgħira wisq, moħbija jew inkella mgħottija minn slogans kummerċjali. Għalhekk, l-abbozz tar-Regolament jistipula prinċipji ġenerali għat-tikkettar ta' l-ikel li se jkollhom jiġu osservati mill-industrija. Dawn jinkludu r-rekwiżiti li t-tabella tkun waħda li tista' tinqara (b'tipa stampata ta' mill-anqas 3mm), ċara u preċiża, u li l-preżentazzjoni ta' informazzjoni volontarja ma tnaqqasx mill-informazzjoni mandatorja.
Aktar protezzjoni kontra l-allerġeni
Minħabba r-riskji serji marbuta mas-saħħa li jistgħu jirriżultaw mill-allerġeni, l-abbozz tar-Regolament jipproponi li l-ikel kollu li għandu sustanzi allerġeniċi (bħall-karawett, il-ħalib, il-mustarda u l-ħut) għandu jiġi ttikkettjat, inkella l-preżenza ta' l-allerġen għandha tiġi indikata, b'mod ċar, b'xi mod ieħor. Dan hu pass lil hinn mir-rekwiżit eżistenti marbut mat-tikkettar ta' l-allerġen li jkopri biss l-ikel li jiġi ppakkettjat bil-lest fil-livell tal-Komunità. Taħt ir-regoli l-ġodda, ikel li ma jiġix ippakkettjat u ikel servut mir-ristoranti jew mill-istabbilimenti tal-catering għandu wkoll jibda jindika l-preżenza ta' l-allerġeni u dan sabiex ikun hemm aktar protezzjoni għal dawk li huma suxxettibbli għar-reazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dawn il-prodotti.
Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:
http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/foodlabelling/index_en.htm