Navigation path

Left navigation

Additional tools

Trasport aktar ekoloġiku: il-pakkett ġdid mill-Kummissjoni biex imexxi s-suq tat-trasport lejn is-sostenibbiltà

European Commission - IP/08/1119   08/07/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/1119

Brussell, it-8 ta' Lulju 2008

Trasport aktar ekoloġiku: il-pakkett ġdid mill-Kummissjoni biex imexxi s-suq tat-trasport lejn is-sostenibbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet pakkett ta’ inizjattivi ġodda għal “Trasport aktar ekoloġiku” biex tmexxi t-trasport fit-triq lejn is-sostenibbiltà. L-ewwelnett, strateġija biex jiġi żgurat li l-prezzijiet tat-trasport jirriflettu b'mod aħjar l-ispejjeż reali tiegħu lis-soċjetà, sabiex il-ħsara ambjentali u l-konġestjoni jkunu jistgħu jitnaqqsu gradwalment b’tali mod li tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport u fl-aħħar mill-aħħar l-ekonomija kollha kemm hi. It-tieninett, proposta biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu dan permezz ta’ nollijiet tat-triq aktar effiċjenti u aktar ekoloġiċi għat-trakkijiet, b'introjtu li għandu jintuża biex jitnaqqas l-impatt ambjentali mit-trasport u titnaqqas il-konġestjoni. It-tieletnett, komunikazzjoni biex jitnaqqas l-istorbju mit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Il-pakkett jinkludi wkoll inventarju ta’ miżuri eżistenti ta’ l-UE dwar it-trasport aktar ekoloġiku u komunikazzjoni dwar l-inizjattivi addizzjonali għal trasport aktar ekoloġiku li din il-Kummissjoni se tieħu qabel tmiem l-2009.

Antonio Tajani, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-trasport, qal: “Dan il-pakkett jindirizza t-tniġġis u t-tibdil fil-klima, u huwa maħsub biex jiżgura li min iniġġes, u mhux kull min iħallas it-taxxa, iħallas għall-ħsara ambjentali. Ir-riżultati se jinkludu trasport aktar ekoloġiku, emissjonijiet imnaqqsa, sa tnaqqis ta' 8% fil-konsum tal-fjuwil mit-trakkijiet u inqas konġestjoni għall-utenti kollha tat-triq. Id-dewmien, l-emissjonijiet mhux meħtieġa u spejjeż dejjem aktar għoljin huma ħżiena għall-kumpaniji tat-trasport, għall-klijenti tagħhom u għalina lkoll. Sistema tat-trasport aktar effiċjenti u sostenibbli, fil-medda t-twila se ssarraf f’sistema tat-trasport li tkun aktar faċli għall-użu u orħos. "

L-Istrateġija dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tistipula kif jista’ jsir dan fil-mezzi kollha tat-trasport. Bil-miżuri u l-proposti eżistenti ta' l-UE bħala s-sies, bħalma huma dawk dwar it-taxxi fuq il-fjuwil u l-inklużjoni ta’ l-avjazzjoni fis-Sistema ta’ l-UE għall-Iskambju ta' l-Emissjoni, l-Istrateġija tqis l-ispejjeż esterni kollha, fosthom it-tibdil fil-klima, it-tniġġis lokali, l-istorbju u l-konġestjoni. Hija akkumpanjata minn qafas komuni biex jiġu stmati l-ispejjeż esterni fl-UE.

Il-Proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (id-Direttiva dwar il-“Eurovignette”)[1] hija parti ewlenija minn din l-Istrateġija. Hija maħsuba biex tistabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri jikkalkulaw u jvarjaw in-nollijiet skond it-tniġġis ta' l-emissjonijiet u ta' l-istorbju mit-traffiku u livelli ta' konġestjoni fl-eqqel ħinijiet tat-traffiku. Dan għandu jħeġġeġ lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija biex jixtru vetturi aktar nodfa u jtejbu l-loġistika tagħhom kif ukoll l-ippjanar tar-rotot. In-nollijiet iridu jinġabru permezz ta' sistemi elettroniċi u kull introjtu għandu jintuża fi proġetti li jnaqqsu l-impatti negattivi tat-trasport, bħalma huma r-riċerka u l-iżvilupp dwar vetturi aktar nodfa u aktar effiċjenti fil-konsum ta’ l-enerġija. Irid jintuża metodu aktar komuni fil-kalkolu tan-nollijiet sabiex in-nollijiet ikunu trasparenti, proporzjonati u kompatibbli mas-suq intern. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Eurovignette issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għad-dibattitu u l-adozzjoni taħt il-proċedura l-ġdida tal-kodeċiżjoni. Kemm il-Parlament u kemm il-Kunsill kienu talbu lill-Kummissjoni biex tressaq din il-miżura, u għaldaqstant, il-Kummissjoni tittama li l-adozzjoni ma ddumx u li tidħol fis-seħħ qabel l-2011.

Il-Komunikazzjoni biex jitnaqqas l-istorbju ferrovjarju mill-flotta eżistenti tipproponi l-passi biex jitnaqqas l-istorbju mill-ferroviji tal-merkanzija b’50%. Dan se jfisser li fl-EU, sa l-2014, 16-il miljun ruħ se jibbenefikaw minn tnaqqis sostanzjali fl-istorbju ferrovjarju. Attwalment, il-vaguni l-qodma huma l-aktar responsabbli, u għalhekk sa tmiem din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi tibdil fir-regoli ta’ l-UE dwar it-tariffi ta' aċċess għall-binarji biex tippromwovi l-użu ta' vaguni b'sistemi ta' brejkijiet b'emissjonijiet ta' storbju baxxi.

Ara wkoll MEMO/08/492

Il-pakkett sħiħ se jkun disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/transport/greening/index_en.htm


[1] Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website