IP/08/1116
Brussell, it-8 ta' Lulju 2008
“Din il-proposta turi li aħna serji dwar li nieħdu passi konkreti biex niġġieldu l-obeżità,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Huwa ta’ importanza kruċjali li lit-tfal indarruhom tajjeb minn kmieni, minħabba li dawn id-drawwiet jissuktaw għaddejjjin bihom fil-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjiethom. Hemm wisq minn uliedna li ftit li xejn jieklu l-frott u l-ħaxix, u li spiss ma japprezzawx x’ikel bnin jirrappreżentaw. Kulma għandek tagħmel biex tara kemm huma kbar il-problemi li qed niffaċċaw bi tfal li għandhom piż żejjed hu li toħroġ passiġġata żgħira f’xi triq prinċipali ta’ belt fl-Ewropa. Ejja nagħmlu xi ħaġa dwarhom dawn il-problemi.”
Il-proposta għal Skema tal-Frott għall-Iskejjel ġejja wara impenn li ttieħed matul in-negozjati dwar ir-riforma ta’ l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tal-frott u l-ħxejjex f’Ġunju 2007. Minn dakinhar, il-Kummissjoni daħlet f’konsultazzjoni pubblika wiesgħa u wettqet valutazzjoni fil-fond ta’ l-impatt ta’ l-alternattivi differenti.
L-esperti jaqblu li dieta tajba jista’ jkollha rwol tal-qofol biex tnaqqas ir-rati ta’ l-obeżità u ċċekken ir-riskju ta’ problemi serji tas-saħħa – bħall-mard kardjovaskulari u d-dijabete2 – aktar ‘il quddiem f’ħajjet dak li jkun. Il-konsum ta’ kwantitajiet suffiċjenti ta’ frott u ħxejjex huwa ta’ importanza kbira f’dan. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda konsum medju ta’ kuljum ta’ 400 gramma ta’ frott u ħaxix kull ras. il-parti l-kbira ta’ l-Ewropej din il-mira ma jilħquhiex u x-xejra negattiva tidher b’mod partikolari fost iż-żgħar u ż-żgħażagħ.
L-istudji juru li drawwiet tajbin ta’ l-ikel jissawru fiċ-ċkunija. Dawk li fi ċkunithom ikunu draw jieklu ħafna frott u ħaxix jibqgħu jikkunsmawhom sewwa fil-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjiethom.
Dawk li ftit li xejn jikluhom x’aktarx li ma jaqbdux rotta oħra, u barra minn hekk drawwiethom jgħadduhom lil uliedhom. Ir-riċerka wriet ukoll li l-familji bi dħul baxx x’aktarx jikkunsmaw anqas frott u ħxejjex. Fiha nnifisha, l-provvista b’xejn fl-iskejjel ta’ dawn il-prodotti tajbin għas-saħħa tista’ tassew tagħmel differenza, partikolarment fi nħawi żvantaġġati.
Sew l-analiżi tal-Kummissjoni tal-politiki nazzjonali eżistenti kif ukoll il-konsultazjzonijiet ma’ l-esperti wrew li l-benefiċċji ta’ l-iskema fl-iskejjel jistgħu jissaħħu jekk id f’id mal-provvista tal-frott jittieħdu miżuri edukattivi u għat-trawwim tal-kuxjenza biex it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza ta’ drawwiet tajbin ta’ l-ikel. Se jingħata wkoll inkoraġġiment biex tinħoloq xibka ta’ kuntatti bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti li jmexxu b’suċċess skemi tal-frott fl-iskejjel. F’xi pajjiżi ta’ l-UE dawn diġà jeżistu, u jieħdu suriet differenti. Imma hemm wisq iktar li għadu jista’ jsir, u din l-iskema ta’ l-UE tipprovdi bażi perfetta biex invaraw programmi ġodda. Il-Kummissjoni qed tqiegħed fuq il-mejda €90 miljun fis-sena għall-provvista ta’ frott u ħxejjex fl-iskejjel. Il-Gvernijiet ikollhom l-għażla jekk jeħdux sehem jew le. Il-programmi jkunu kofinanzjati, jew fuq bażi 50/50, jew inkella fuq bażi 75/25 fir-reġjuni hekk imsejħa ‘ta’ konverġenza’ fejn il-PGD kull ras huwa aktar baxx. Dan il-flus ma jistax jintuża biex jieħu post il-finanzjament nazzjonali eżistenti, imma jinkoraġġixxi attivitajiet addizzjonali, sew jekk dawn ikollhom xi rbit ma’ programmi eżistenti kif ukoll jekk joħolqu inizjattivi għal kollox ġodda. U m’għandniex xi ngħidu, l-Istati Membri jistgħu jżidu somom addizzjonali jekk hekk ikunu jridu.
L-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ifasslu strateġija nazzjonali flimkien ma’ awtoritajiet tas-saħħa pubblika u ta’ l-edukazzjoni, bl-involviment ukoll ta’ l-industrija u tal-gruppi ta’ interess, naturalment skond il-preferenzi nazzjonali. Il-programmi jibdew mal-ftuħ tas-sena skolastika 2009/2010.
Il-Kummissarju Fischer Boel varat l-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel illum, waqt okkażjoni fil-Falkenhausschule, Gross-Herzog-Friedrich-Strasse 23, Kehl, il-Ġermanja. Tista’ tara ritratti u filmati fs-sit: http://ec.europa.eu/avservices/ebs/schedule.cfm
Tagħrif u dokumenti dwar l-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel huma disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/fruitveg/sfs/index_en.htm