Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tfal migranti u l-edukazzjoni: sfida għas-sistemi edukattivi ta’ l-UE

European Commission - IP/08/1092   03/07/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

[Graphic in PDF & Word format]

IP/08/1092

Brussell, 3 ta' Lulju 2008

Tfal migranti u l-edukazzjoni: sfida għas-sistemi edukattivi ta’ l-UE

Green Paper adottata mill-Kummissjoni llum tiftaħ id-dibattitu dwar kif il-politiki edukattivi jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi posti mill-immigrazzjoni u l-flussi ta' mobilità interni ta' l-UE. Il-preżenza ta' għadd sinifikanti ta' tfal migranti għandha implikazzjonijiet sostanzjali għas-sistemi edukattivi Ewropej. Kwistjonijiet ewlenin huma kif jiġi evitat il-ħolqien ta' segregazzjonijiet fl-iskola, ħalli titjieb l-ekwità fl-edukazzjoni; kif tiġi akkomodata iktar id-diversità li żdiedet ta' lingwi ta' pajjiżi differenti u perspettivi kulturali u kif jinbnew il- ħiliet interkulturali; kif jiġu adattati ħiliet ta' tagħlim u jinbnew pontijiet ma' familji u komunitajiet migranti.

Skond id-dejta internazzjonali kif ukoll dik nazzjonali, ħafna tfal migranti fl-Unjoni Ewropea jsofru żvantaġġ edukattiv meta mqabbla mat-tfal ta' pajjiżhom. tluq kmieni mill-iskola huwa iktar komuni fosthom u d-dħul fi skejjel ta' edukazzjoni ogħla huwa iktar baxx. Fattur terġa' iktar inkwetanti minn hekk huwa li f'xi pajjiżi, studenti tat-tieni ġenerazzjoni bi sfond ta' migrazzjoni jmorru agħar fl-iskola minn dawk ta' l-ewwel ġenerazzjoni. Dan jindika li l-qasma soċjali tikber maż-żmien. Fl-istess ħin, hemm sinjali ċari li t-tendenzi lejn segregazzjoni skond linji soċjo-ekonomiċi jintensifikaw, peress li ġenituri b'vantaġġ soċjali għandhom ħabta jneħħu lit-tfal tagħhom minn skejjel b'numri kbar ta' studenti migranti. L-inugwaljanzi bejn l-iskejjel għandhom ħabta jiżdiedu maż-żmien.

"Din is-sitwazzjoni tista' ddgħajjef il-possibilitajiet ta' studenti migranti li għadhom żgħar milli jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol iktar tard f'ħajjithom," qal Ján Figel', il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ. "Jekk tfal migranti jitilqu mill-iskola b’esperjenza ta’ segregazzjoni u nuqqas ta' progress li tibqa’ magħhom aktar tard f’ħajjithom, ir-riskju hu li din ix-xejra tirrepeti ruħha fil-ġenerazzjoni li jmiss." Il-Kummissarju żied jgħid li "l-evidenza turi biċ-ċar li l-politiki jistgħu jagħmlu differenza. Xi Stati Membri qed jirnexxilhom jilqgħu l-isfida. L-iskambju ta' esperjenzi u ta' tagħlim minn xulxin jista' jħalli l-frott, u l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tappoġġja skambju bħal dan."

Ir-riċerka identifikat bosta kawżi li jikkontribwixxu għall-iżvantaġġ edukattiv ta' ħafna migranti. Xi fatturi ewlenin jirrelataw ma' l-isfond individwali ta' studenti migranti – sfond soċjo-ekonomiku baxx, il-lingwa, l-aspettattivi tal-familja u tal-komunità. Madankollu, id-dejta turi wkoll l-importanza ta' sistemi edukattivi u li xi pajjiżi jirnexxilhom iktar minn oħrajn li jnaqqsu l-firda bejn l-istudenti migranti u dawk tal-post, u b'hekk urew li l-politiki jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti r-rendiment fl-iskola. Is-segregazzjoni, pereżempju, hija triq għan-niżla li taffettwa l-motivazzjoni u r-rendiment tat-tfal. Il-formazzjoni ta' gruppi jew it-tqassim tat-tfal skond il-ħila jistgħu jħallu effetti simili. L-istennijiet ta' l-għalliema, u kemm ikunu lesti jittrattaw id-diversità, jistgħu jikkundizzjonaw ir-riżultati wkoll.

Il-Green Paper tagħmel reviżjoni qasira tal-politiki u l-approċċi li jistgħu jrawmu s-suċċess edukattiv għal studenti migranti. Hija tindika li dawk is-sistemi li jipprijoritizzaw l-ekwità fl-edukazzjoni huwa wkoll dawk l-iktar effettivi fl-integrazzjoni ta' studenti migranti. Fost il-miżuri politiċi li jidhru partikolarment utli biex jindirizzaw il-kwistjoni hemm l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola, it-tagħlim tal-lingwi, appoġġ edukattiv addizzjonali bħal mentoring u tutoring, edukazzjoni interkulturali kif ukoll sħubijiet ma' familji u komunitajiet. Il-prevenzjoni ta' segregazzjonijiet u t-tneħħija ta' segregazzjonijiet minn skejjel fil-"ghettos" tidher li hija prekondizzjoni biex jiġu garantiti opportunitajiet ugwali u reali lil studenti migranti. Biex dan isir, huwa essenzjali li jiġu żgurati standards ta' kwalità għolja fl-iskejjel kollha, speċjalment fir-rigward tat-tagħlim u t-tmexxija.

Hemm bżonn li jiġu definiti u implimentati strateġiji fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, imma t-tagħlim minn xulxin fil-livell Ewropew jista' jkun ta' valur. Il-Green Paper għandha l-għan li trawwem skambju ta' fehmiet dwar kif jiġu indirizzati dawn l-isfidi fil-livelli kollha, u wkoll li tinvestiga kif l-UE tista' 'l quddiem tappoġġja l-Istati Membri fil-formulazzjoni tal-politiki edukattivi tagħhom f'dan il-qasam. Barra minn hekk, hija tesplora l-futur tad-Direttiva ta' 1977 77/486/KEE dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti minn Stati Membri oħrajn, li l-implimentazzjoni tagħha ma kinitx uniformi.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jsemmgħu leħinhom dwar il-bidla politika, ir-reazzjonijiet politiċi, u r-rwol possibbli ta' l-Unjoni Ewropea fl-appoġġ lill-Istati Membri, qabel il-31 ta’ Diċembru 2008. Il-Kummissjoni Ewropea se tanalizza r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni u tippubblika l-konklużjonijiet tagħha fil-bidu ta’ l-2009.

Għal akter tagħrif:

MEMO/08/475, "FAQ: Migration and Mobility: Challenges and Opportunities for EU education systems".

http://ec.europa.eu/education/news/news490_en.htm

http://ec.europa.eu/education/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website