Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/08/1080

Brussell, 2 ta’ Lulju 2008

Il-Kummissjoni tadotta proposta għal direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali

Bħala parti mill-Aġenda Soċjali Mġedda, il-Kummissjoni llum adottat proposta għal direttiva li tiffaċilita l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti Ewropej fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali, kif ukoll Komunikazzjoni dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam. Minkejja bosta deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li jikkonfermaw li t-Trattat ta' l-UE jagħti lil pazjenti individwali d-dritt li jfittxu kura tas-saħħa fi Stati Membri oħrajn u jiġu rimborsati f'pajjiżhom, għad hemm inċertezza dwar kif se jiġu applikati dawn il-prinċipji ta' din il-ġurisprudenza b'mod iktar ġenerali. B'din il-proposta l-Kummissjoni qed tipprovdi ċertezza ġuridika dwar din il-kwistjoni. Dan wara sejħiet kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill tal-Ministri biex il-Kummissjoni tipproponi inizjattiva speċifika dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali, b'mod li tkun adattata espliċitament u tirrispetta n-natura unika tas-settur taI-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tipprovdi bażi solida biex jinħareġ il-potenzjal enormi għal kooperazzjoni Ewropea biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa kollha ta' l-UE.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Androulla Vassiliou qalet: "Din il-proposta għandha l-mira li tiċċara kif il-pazjenti jistgħu jeżerċitaw drittijiethom għal kura tas-saħħa transkonfinali, filwaqt li tipprovdi ċertezza ġuridika lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-kura tas-saħħa. Il-proposta tiżgura li l-kwalità u s-sigurtà tal-kura tas-saħħa se jkunu garantiti madwar l-Unjoni, u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn is-sistemi tas-saħħa biex jiġi pprovdut aċċess aħjar għall-kura spejċalizzata."

Il-miri tad-direttiva

Globalment, din id-direttiva, ladarba tiġi adottata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, tipprovdi qafas ċar għal kura transkonfinali. Skond id-dispożizzjonijiet prinċipali tagħha:

  • Il-pazjenti għandhom id-dritt li jfittxu kura tas-saħħa barra pajjiżhom u jkunu rimborsati sa dak li kieku kienu jirċievu f'pajjiżhom. Id-direttiva tipprovdi ċarezza dwar kif dawn id-drittijiet jistgħu jkunu eżerċitati, fosthom il-limiti li l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu fuq kura tas-saħħa barra l-pajjiż, u l-livell ta' kopertura finanzjarja li hija pprovduta għal kura tas-saħħa transkonfinali.
  • L-Istati Membri huma responsabbli għall-kura tas-saħħa pprovduta fit-territorju tagħhom. Il-pazjenti għandhom ikunu kunfidenti li l-istandards ta' kwalità u sigurtà tat-trattament li jirċievu fi Stat Membru ieħor ikunu sorveljati regolarment u bbażati fuq prassi medika tajba.
  • Id-direttiva se tiffaċilita l-kooperazzjoni Ewropea fil-kura tas-saħħa. Hija se tipprovdi bażi ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' netwerks ta' referenza Ewropej, li se jgħaqqad flimkien, fuq bażi volontarja, ċentri speċjalizzati fi Stati Membri differenti. Din il-kollaborazzjoni għandha potenzjal kbir biex iġġib benefiċċji lill-pazjenti permezz ta' aċċess eħfef għal kura speċjalizzata ħafna. Tista' tkun utli wkoll għas-sistemi tas-saħħa peress li tiffaċilita l-użu effiċjenti ta' riżorsi, pereżempju billi jingħaqdu r-riżorsi għat-trattament ta' kundizzjonijiet rari.
  • Il-Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa hija qasam ieħor ċar ta' valur miżjud Ewropew. Din l-inizjattiva se tgħin biex tnaqqas id-duplikazzjoni ta' l-isforzi f'dan il-qasam u b'hekk tippromwovi l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi.
  • L-Attivitajiet fil-qasam ta' l-"e-Health" se jissaħħu wkoll. Teknoloġiji ta' tagħrif u komunikazzjoni għandhom potenzjali enormi biex itejbu l-kwalità, is-sigurtà u l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa. Il-Kummissjoni diġà appoġġjat proġetti ta' e-health eżistenti li jkopru oqsma bħal provvista ta' appoġġ minn speċjalisti minn sptarjijiet ikbar lil faċilitajiet lokali iżgħar. Li jonqos, madankollu, huma formati u standards maqsuma li jistgħu jintużaw bejn sistemi differenti u pajjiżi differenti. Id-direttiva se tgħin biex dawn jiddaħħlu fis-seħħ.

Il-ħtieġa għal azzjoni

Id-diskussjonijiet dwar kura tas-saħħa transkonfinali u b'mod partikulari 'il-mobilità tal-pazjenti' kienu tqajmu wara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea f'għadd ta' każijiet dwar il-mobilità ta' ċittadini individwali minn Stati Membri differenti.

Fis-sentenzi tagħha dwar dawn il-każijiet, il-Qorti konsistentement iddeċidiet li l-pazjenti għandhom id-dritt li jkunu rimborsati għal kura tas-saħħa li jkunu rċevew fi Stat Membru ieħor li kieku kienu jirċievu f'pajjiżhom.

Sfond

Il-kura tas-saħħa kienet eskluża mill-ambitu tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq Intern. Il-Kunsill u l-Parlament talbu lill-Kummissjoni biex tittratta kwistjonijiet marbuta ma' kura tas-saħħa transkonfinali fi strument separat.

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika biex tidentifika b'mod ċar il-problemi fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali. Il-maġġoranza tal-280 kontribuzzjoni li waslu ffavorew xi forma ta' azzjoni Komunitarja dwar il-kura tas-saħħa, li tgħaqqad kemm elementi leġiżlattivi u kemm appoġġ prattiku għal kooperazzjoni bejn is-sistemi ta' saħħa Ewropej.

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni żviluppat l-abbozz tad-direttiva li adottat illum.

L-abbozz tad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti tal-kura tas-saħħa transkonfinali jinsab fi:

http://ec.europa.eu/health/ph_overview/co_operation/healthcare/cross-border_healthcare_en.htm

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu fi:

http://ec.europa.eu/health/ph_overview/co_operation/healthcare/cross-border_healthcare_en.htm

L-Ewrobarometru Flash dwar servizzi tal-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE jinsab fi:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://ec.europa.eu/health/ph_overview/co_operation/healthcare/news_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site