Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1074

Brussell, it-2 ta' Lulju 2008

[Graphic in PDF & Word format]

Il-Kummissjoni trid Internet aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

15% miċ-ċittadini Ewropej ibatu b’xi forma ta’ diżabilità, u ħafna jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli bħalma huma l-kitba żgħir fuq is-siti ta' l-internet jew saħansitra li jkunu jafu kif jidħlu fis-siti u jużaw servizzi onlajn. Minkejja appelli ripetuti mill-UE u mill-mexxejja tal-gvernijiet biex din il-qagħda tittejjeb, il-progress għadu limitat: il-maġġoranza l-kbira tas-siti jonqsu milli jużaw soluzzjonijiet universalment aċċettati għall-faċilità ta' l-użu. Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar miżuri ulterjuri biex il-websajts fl-Ewropa jkunu aktar aċċessibbli, b’dawk ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala l-punt tat-tluq, u tistieden lill-partijiet interessati biex jagħtu l-fehmiet tagħhom. Tindirizza wkoll teknoloġiji oħra bħat-televiżjoni diġitali. Il-konsultazzjoni hija miftuħa sas-27 ta’ Awissu 2008.

L-Aċċess għas-siti ta l-internet huwa essenzjali għal ħafna ċittadini fl-Ewropa, iżda ħafna sempliċement ma jistgħux jużawhom minħabba d-diżabilitajiet. Sakemm l-aċċessibbiltà għall-internet għal kulħadd ma tkunx realtà, ħafna nies se jibqgħu ma jgawdux mill-benefiċċji ta’ l-Internet. Jeżistu soluzzjonijiet tant sempliċi għal dawn il-kwistjonijiet mela għaliex huma tant ftit il-publikaturi tas-siti li fil-fatt jimplimentawhom?” tistaqsi Viviane Reding, il-Kummissarju ta’ l-UE għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-Media. “Aktar ma jkun hemm nies li jużaw l-internet, aktar ikun ta’ ġid għall-ekonomija Ewropea u aktar isir rikk il-kontenut onlajn. Nappella lill-industrija tal-pubblikazzjoni fuq l-internet u lill-amministrazzjonijiet tas-settur pubbliku biex jagħmlu sforz ferm aktar determinat ħalli jiżguraw li l-internet ikun aċċessibbli għal kulħadd. Dawk responsabbli għandhom jiftakru li għada pitgħada, xaktarx se jsibu rwieħhom fost dawk li jiltaqgħu ma problemi biex jaqraw mill-iskrin."

L-età medja tal-popolazzjoni ta’ l-Ewropa qed tiżdied b’rata mgħaġġla, u sa l-2020 huwa mistenni li 25% tal-popolazzjoni jkollha età ta’ aktar minn 65. Persuni aktar imdaħħla fiż-żmien ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet huma u jużaw l-internet, bħal pereżempju l-qari mill-iskrin meta għajnejhom ikunu batja inkella li jkollhom problemi ta' moviment fis-swaba' u jbatu biex jużaw il-mouse Soluzzjonijiet sempliċi għall-aċċessibbiltà ta’ l-internet jiftħu bibien għal siti li kieku ma jkunux jistgħu jużawhom u b’hekk jagħtu lok għal parteċipazzjoni soċjali u ekonomika. Is-soluzzjonijiet għall-aċċessibbiltà ta’ l-internet jinkludu:

- it-tkabbir tad-daqs tat-test mill-browsers,

- il-possibbiltà li t-testi fuq l-iskrin jinbidlu f’sinjali akustiċi permezz ta’ softwer ta’ għajnuna;

- in-navigazzjoni tas-siti sseħħ permezz tat-tastieri minflok bil-mouse.

Websajts aċċessibbli kemm-il darba jkunu aħjar għall-utenti kollha, b’diżabilità inkella le. Stabbilit fl-1994 bl-appoġġ tal-Kummissjoni, il-Konsorzju tal-World Wide Web jiddefinixxi speċifikazzjonijiet komuni għall-Internet, fosthom il-Linji ta’ Gwida ghall-Accessibbiltà tal-Kontenut tal-Web. Madankollu, fl-2007, kienu biss 5% tal-websajts pubbliċi u inqas minn 3% tal-websajts privati fl-UE li nstabu li huma “kompletament aċċessibbli” skond dawn il-linji gwida (MeAC – ara l-isfond). Diversi Stati Membri (fosthom l-Awstrija, Franza, l-Italja, l-Olanda u l-Portugall) ħadu azzjonijiet biex itejbu s-sitwazzjoni, pereżempju billi jintroduċu linji ta’ gwida u jistabbilixxu miri għall-websajts pubbliċi. Madankollu, approċċi bħal dawn għadhom frammentati madwar l-UE. Prodotti oħra ġodda jirriflettu l-isfidi ta’ aċċessibbiltà li jippreżentaw il-websajts: pereżempju problemi ta’ komprensjoni u ta’ desterità jistgħu jkunu ta’ xkiel għan-navigazzjoni tal-gwida elettronika tal-programmi ta’ televiżjoni diġitali.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat l-aċċessibbiltà tal-websajts pubbliċi “Europa” fl-2001 (IP/01/1309) u qed taħdem biex timplimenta l-aċċessibbiltà. Bħalissa l-Kummissjoni qed tittestja l-użu tal-qarrejja ta’ l-iskrin. Dawn jiġġeneraw komunikazzjoni ta’ diskors mitkellem u/jew sinjali tal-Braille rinnovabbli li tippermetti lill-persuni għomja, pereżempju, ‘jaqraw’ il-paġni web (ipprova l-qarrej ta’ l-iskrin billi tikklikkja fuq l-ikona ta’ l-ispeaker maġenb l-intestatura fuq http://ec.europa.eu/roaming).

Il-Konsultazzjoni Pubblika mnedija llum se tara liema azzjonijiet jistgħu jieħdu l-Istati Membri biex itejbu l-aċċessibbiltà għall-internet, u tistieden reazzjonijiet dwar kwistjonijiet aktar ġenerali ta' aċċessibbiltà marbuta ma' l-informazzjoni u teknoloġiji ta' komunikazzjoni għall-persuni b'diżabilità.

Aċċessibbiltà mtejba għall-internet ukoll tikkontribwixxi għall-Aġenda Soċjali Mġedda (IP/08/1070).

Sfond:

Din il-konsultazzjoni pubblika sseħħ fil-kuntest usa’ ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (IP/05/643). Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-aċċessibbiltà-e (IP/05/1144) u enfasizzat il-ħtieġa li ħafna tipi ta' prodotti bbażati fuq l-ICT għandhom isiru aktar faċli biex tużahom. Fl-2006, l-Istati Membri ta’ l-UE ħadu l-impenn li sa l-2010 jnaqqsu bin-nofs il-qabża fl-użu ta’ l-internet minn gruppi fir-riskju ta’ l-esklużjoni, bħall-persuni aktar imdaħħlin fl-età, persuni b’diżabilità u persuni bla xogħol (IP/06/769). Fl-2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tappella għal sforzi mġedda biex l-“Inklużjoni-e” tingħata spinta ‘l quddiem, inklużi sforzi lejn l-"aċċessibbiltà-e” (IP/07/1804).

Id-dokument tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika jinsab fuq

http://ec.europa.eu/einclusion

Il-kontributi jistgħu jintbagħtu lil: einclusion@ec.europa.eu

L-istudju “Inkejlu l-progress ta’ l-Aċċessibbiltà-e fl-Ewropa” (MeAC) jivvaluta l-livell ta’ konformità mal-Linji ta’ Gwida dwar l-Aċċessibbiltà tal-Kontenut ta’ l-Internet tal-Konsorzju tal-World Wide Web. Dan jinsab minn:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/library/studies/meac_study/index_en.htm

Il-konsorzju tal-World Wide Web twaqqaf fl-1994 bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u llum jinvolvi aktar minn 400 kumpanija u awtorità. Il-Linji ta’ Gwida għall-Aċċessibbiltà ta’ l-Internet jinsabu minn:

http://www.w3.org/TR/WCAG10/

Il-portal il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, dwar l-affarijiet soċjali:

http://ec.europa.eu/social


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website