Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1071

Brussell, it-2 ta' Lulju 2008

L-UE tipproponi protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni lilhinn mill-post tax-xogħol

Il-Kummissjoni llum adottat proposta għal direttiva li tipprovdi protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età, diżabbiltà, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin lilhinn mill-post tax-xogħol. Din id-direttiva l-ġdida se tiżgura trattament ugwali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-aċċess għal u l-forniment ta’ prodotti u ta’ servizzi disponibbli kummerċjalment lill-pubbliku, inklużi l-akkomodazzjoni fi djar. Is-servej ta’ Eurobarometer juri li maġġoranza kbira ta’ Ewropej jappoġġaw leġiżlazzjoni ta' din ix-xorta: 77% jappoġġaw miżuri biex jiġu protetti persuni kontra d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni u 68% li jkun hemm aċċess għal prodotti u servizzi.

“Id-dritt għal trattament ugwali hu fundamentali, iżda miljuni ta’ persuni fl-UE għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum. Attwalment, teżisti inugwaljanza fil-leġiżlazzjoni Komunitarja stess minħabba li persuni huma protetti kontra d-diskriminazzjoni lilhinn mill-post tax-xogħol għal raġunijiet biss ta' sess u razza jew oriġini etnika. Għandna niżguraw trattament ugwali għar-raġunijiet kollha,” qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. “Il-miżuri li qed nipproponu huma proporzjonati u raġunevoli; huma jagħtu ċertezza legali lill-kummerċ u lill-utenti ta’ prodotti u ta’ servizzi filwaqt li jirrispettaw kemm ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ diversi setturi kif ukoll ta’ tradizzjonijiet nazzjonali.”

Il-proposta tal-lum se toħloq l-istess sitwazzjoni fl-UE kollha billi xi Stati Membri diġà qed japplikaw protezzjoni nazzjonali estensiva ħafna kontra d-diskriminazzjoni. Saru bosta sejħiet għal proposta orizzontali mill-Parlament Ewropew filwaqt li l-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet f’Diċembru 2007 sejħu lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom fil-glieda kontra d-diskriminazzjoni.

Il-liġi se tipprojbixxi kemm diskriminazzjoni diretta u indiretta kif ukoll il-fastidju u l-vittimizzazzjoni. Għal persuni b’diżabbiltajiet, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni se tinvolvi kemm l-aċċessibilità ġenerali kif ukoll il-prinċipju ta’ “akkomodazzjoni raġunevoli” li diġà użata fil-leġiżlazzjoni eżistenti Ewropea. Madankollu, din se tevita li jiġi impost piż sproporzjonat fuq il-provvedituri ta’ servizzi billi jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi ta’ l-organizzazzjoni, in-natura tagħha, l-ispiża stmata, il-tul ta’ żmien qabel l-iskadenza tal-prodotti u s-servizzi u l-benefiċċji possibbli ta’ aktar aċċess għal persuni b’diżabbiltajiet. Id-direttiva se tapplika biss għal persuni privati sakemm dawn qed iwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

Barra minn hekk, l-Istati Membri se jibqgħu liberi li jżommu miżuri li jiżguraw in-natura sekulari ta’ l-Istat jew dak li jikkonċerna l-istatus u l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi. Id-direttiva mhux se jkollha effett fuq prattiċi ġenerali aċċettati bħalma huma tnaqqis fil-prezzijiet għal ċittadini anzjani (eż. in-noll tal-karozzi tal-linja u d-dħul fil-mużewijiet) jew restrizzjonijiet ta’ età għal aċċess ta’ ċerti prodotti (eż. l-akoħol għaż-żgħażagħ) għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri proposti, entitajiet nazzjonali għall-ugwaljanza se jagħtu pariri lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni filwaqt li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jgħinu vittmi fi proċeduri legali u amministrattivi.

Grupp ta’ esperti governattivi u impenn imġedded għal protezzjoni legali tad-drittijiet individwali

Il-proposta għal direttiva tagħmel parti minn avviċinament usa' ta' politika lejn in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, adottata wkoll mill-Kummissjoni llum, bħala segwitu għas-Sena Ewropea 2007 ta' Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd. Il-Komunikazzjoni, ‘In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded’ tagħraf li protezzjoni legali tad-drittijiet individwali għandha tkun id f’id ma’ promozzjoni pożittiva u attiva ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs. Hi tistabbilixxi oqsma prinċipali fejn hu meħtieġ aktar progress fil-livell ta’ l-UE u nazzjonali, bħalma huma l-ġlieda kontra l-multidiskriminazzjoni, aktar għarfien, integrazzjoni b’nuqqas ta’ diskriminazzjoni, azzjoni pożittiva u ġbir ta’ data. Din tħabbar ukoll it-twaqqif ta’ grupp ġdid ta’ esperti governattivi biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-Istati Membri dwar il-politiki ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni. Fl-aħħarnett, il-Komunikazzjoni tagħraf li s-sitwazzjoni tar-Roma hi kkaratterizzata b’diskriminazzjoni individwali u istituzzjonali persistenti u b’esklużjoni soċjali estensiva.

Sfond

Skond servej mill-UE ippubblikat illum, l-Ewropej jaħsbu li d-diskriminazzjoni għadha rampanti, partikolarment f’każijiet ta’ orjentazzjoni sesswali (51%), diżabbiltà (45%), età u reliġjon (42% fiż-żewġ każijiet). Madwar 1 minn 3 Ewropej jirrapportaw li raw b’għajnejhom diskriminazzjoni jew fastidju s-sena l-oħra, u 48% jaħsbu li mhux qed isir sforz biżżejjed biex tiġi miġġielda din it-tbatija. Servej li sar qabel fi Frar 2008 enfasizza li l-maġġoranza kbira taċ-ċittadini ta’ l-UE (bejn 68% u 77%) jaraw il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni speċifika biex jiġu protetti persuni kontra d-diskriminazzjoni f'oqsma lilhinn mis-suq tax-xogħol.

Sadattant, rapport ġdid mill-Kummissjoni li jikkonċerna r-regoli ta’ l-UE dwar it-trattament ugwali fl-impjiegi (ara l-link hawn taħt) juri li dawn ġew implimentati b’suċċess fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ l-UE. Għalkemm il-leġiżlazzjoni, li dwarha kien hemm qbil fl-2000, introduċiet kunċetti innovattivi f’diversi każijiet, ħafna Stati Membri marru lilhinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva ta’ l-UE.


IP/08/1070: Il-Kummissjoni tipproponi Aġenda Soċjali Mġedda biex tagħti s-setgħa u tgħin lin-nies fl-Ewropa tas-seklu 21

MEMO/08/461

Proposta għal direttiva


http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=477&langId=en
Il-Komunikazzjoni dwar in-Nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded
http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=475&langId=en
Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi

http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/legis/lgenforce_en.htm
Aktar tagħrif:
Servej speċjali ta’ Eurobarometer 296 dwar id-diskriminazzjoni fl-UE


http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htmFlash Eurobarometer 232.


http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_232_en.pdfIl-websajt ta’ kontra d-diskriminazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea


http://ec.europa.eu/antidiscriminationĦruġ ta’ Aħbarijiet fuq Vidjo dwar id-diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà u dwar ir-Roma

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=6383&src=1
http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=6384&src=1


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website