Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1070

Brussell, it-2 ta' Lulju 2008

[Graphic in PDF & Word format]

Il-Kummissjoni tipproponi Aġenda Soċjali Mġedda biex tagħti s-setgħa u tgħin lin-nies fl-Ewropa tas-seklu 21

Fit-2 u t-3 ta’ Lulju, il-Kummissjoni se tkun qed tipproponi pakkett komprensiv u ambizzjuż ta’ inizjattivi. Dan il-pakkett jirrappreżenta impenn ġdid għall-Ewropa soċjali u jikkonsisti fi strateġija integrata li ġġib flimkien bosta politiki. Dan juri kif l-UE tista’ tgħin biex toħloq l-opportunitajiet, tipprovdi l-aċċess u turi solidarjetà – billi tieħu inizjattivi sabiex tkattar il-ħolqien ta’ l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, tiġġieled id-diskriminazzjoni, tappoġġja l-mobbiltà u tippermetti lill-Ewropej biex jgħixu ħajjiet itwal, u bi tgawdija ta' saħħa aħjar. L-aġenda soċjali mġedda tfittex li tagħti s-setgħa u tgħammar lill-Ewropej, partikolarment anki liż-żgħażagħ, biex jiffaċċjaw realtajiet li jinbidlu b'pass mgħaġġel – realtajiet imfassla mill-globalizzazzjoni, mill-progress teknoloġiku, u minn soċjetajiet li qed jixjieħu – u żviluppi bħalma huma l-isplużjonijiet reċenti fil-prezzijiet ta’ l-ikel u taż-żejt, u l-inkwiet fis-swieq finanzjarji. Il-pakkett jimmira wkoll li jgħin lil dawk li għandhom diffikultà biex jadattaw ruħhom għal dawn il-bidliet.

"Id-dimensjoni soċjali ta' l-Ewropa qatt ma kienet daqshekk rilevanti daqs illum", qal il-President Barroso. “Hija inseparabbli mill-Istrateġija ta' Liżbona biex tistimula t-tkabbir u tipprovdi impjiegi aħjar għall-Ewropej. L-Ewropa teħtieġ aġenda soċjali moderna, li tirrispondi għall-bidla ekonomika u soċjali f'waqtha u li tippromwovi opportunitajiet, aċċess u solidarjetà għaċ-ċittadini fl-UE. Is-suċċess ekonomiku jwassal għal benefiċċji soċjali, u l-pakkett propost mill-Kummissjoni llum hu mfassal biex jiżgura li ħadd ma jitħalla barra u li l-prosperità ta' l-Ewropa tinqasam bejn kulħadd."

Il-Kummissarju ta' l-Affarijiet Soċjali, Špidla, żied li "l-Ewropej huma mħassba dwar l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-impjiegi tagħhom u r-riskju li jsiru fqar. Huma jagħrfu wkoll li hemm wisq nies li għadhom jiġu miċħuda opportunitajiet fil-ħajja minħabba diskriminazzjoni. L-impjiegi jintilfu minħabba li l-Kunsilli tax-Xogħlijiet ma jaħdmux dejjem flimkien b’mod effiċjenti. Jekk taħdem bħala ħaġa waħda, l-UE tista' twassal valur miżjud lill-azzjoni fuq livell nazzjonali biex ittejjeb ħajjet in-nies."

L-azzjonijiet fil-qasam soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u għandhom jittieħdu l-aktar qrib iċ-ċittadin fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-Istati Membri jiddedikaw 26 % (2005) tal-PGD għall-infiq fuq il-politika soċjali, meta mqabbla ma' 15 % fl-Istati Uniti ta' l-Amerika u 17 % fil-Ġappun. Iżda dan l-infiq jista’ jsir b’mod aktar immirat u effiċjenti. L-UE ilha tikkomplimenta b'mod utli l-azzjoni nazzjonali u trawwem kooperazzjoni biex tindirizza l-bidla soċjo-ekonomika. L-UE qiegħda tgħin biex tikkoordina l-isforzi biex tippromwovi inklużjoni attiva, inkluż l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, billi tqis il-ħlas għax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għal dawk li huma l-aktar maqtugħa mis-suq tax-xogħol, bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex tiżgura li s-suq uniku u r-regoli ta' kompetizzjoni jħaffu l-iżvilupp ta' servizzi soċjali ta’ kwalità tajba, li huma aċċessibbli u sostenibbli, inklużi dawk fornuti mill-impriżi ta' l-ekonomija soċjali (pereżempju kooperattivi u impriżi bil-mutwalità).

Filwaqt li tibni fuq sisien sodi ta' kisbiet li l-Ewropa soċjali wettqet fl-imgħoddi (ara MEMO/08/466), inkluż fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Aġenda Soċjali Mġedda timmira li tadatta l-politiki ta’ l-UE għar-realtajiet u xejriet soċjali ġodda, mingħajr ma tbiddel l-għanijiet fundamentali ta' l-Ewropa soċjali: soċjetajiet armonjużi, koeżivi u inklużivi li jħarsu l-jeddijiet fundamentali fl-ekonomiji tas-suq soċjali b'saħħithom. L-Aġenda Soċjali Mġedda hi mibnija madwar opportunitajiet, aċċess u solidarjetà, u tiffoka fuq l-għoti ta' setgħa lill-individwi u tippermettilhom iwettqu l-potenzjal tagħhom filwaqt li tgħin lil dawk li mhumiex kapaċi jagħmlu dan

B'kollox, il-pakkett adottat fit-2 u t-3 ta' Lulju bħala parti mill-Aġenda Soċjali Mġedda fih 19-il inizjattiva fl-oqsma ta' l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, is-saħħa, is-soċjetà ta' l-informatika u l-affarijiet ekonomiċi (ara MEMO/08/471). L-inizjattivi jiffukaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

1. Tħejjija għall-Ġejjieni: It-Tfal u ż-Żgħażagħ

2. Investiment fin-Nies: Il-Ġestjoni tal-Bidla

3. Ħajja itwal u bi tgawdija ta' saħħa aħjar

4. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

5. It-tisħiħ ta’ l-Istrumenti

6. It-tiswir ta’ l-Aġenda Internazzjonali

7. Il-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

Il-Kummissjoni tipproponi, pereżempju, leġiżlazzjoni biex timla l-lakuni tal-qafas legali eżistenti u tiggarantixxi t-trattament ugwali fuq il-bażi tar-reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali barra l-qasam ta' l-impjieg. (ara IP/08/1071).Proposta leġiżlattiva oħra li tinsab fil-pakkett timmira li tħaffef l-aċċess tal-pazjenti għall-kura tas-saħħa f'pajjiżi Ewropej oħra (ara IP/08/1080).

Barra minn hekk, il-pakkett jinkludi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar it-tip ta’ skejjel li l-Ewropa teħtieġ għas-seklu 21, u teżamina wkoll il-kwistjonijiet marbutin ma’ l-edukazzjoni u l-integrazzjoni soċjali ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni.

L-Aġenda Soċjali Mġedda ssegwi konsultazzjoni pubblika wiesgħa mnedija mill-Kummissjoni fl-2007 biex tħoss il-polz tar-realtà soċjali Ewropea li qed tinbidel. Stħarriġ ġdid mill-Eurobarometer ippubblikat illum jagħti d-dettalji ta' l-istenniji taċ-ċittadini madwar l-UE għall-benessri soċjali tagħhom fl-20 sena li ġejjin. (ara MEMO/08/467).

Għal aktar tagħrif

Il-portal tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid dwar l-affarijiet soċjali:

http://ec.europa.eu/social

Iddiskuti dwar l-isfidi soċjali ta' l-Ewropa fuq il-forum Debate Europe:

http://europa.eu/debateeurope

Bosta infoclips relatati

http://ec.europa.eu/avservices/video/index_en.cfm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website