IP/08/1063
Brussell, 1 Lulju 2008
Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: Minħabba l-importanza tat-trasport bil-baħar ta’ merkanzija lejn daqstant żoni ta’ l-ekonomija Ewropea, jeħtieġ li niżgura ruħi li s-settur qed jopera b’mod kompetittiv kemm jista’ jkun filwaqt li l-prezzijiet jibqgħu baxxi u l-kwalità tas-servizzi tiqa’ għolja. Barra milli jipprovdu lill-operaturi marittimi gwida għar-regoli ta’ kompetizzjoni ta’ l-UE, dawn il-Linji Gwida jimmarkaw pass kbir 'il quddiem lejn infurzar aħjar tar-regoli fis-settur marittimu.
Ir-Regolament tal-Kunsill 4056/86 jippermetti lill-operaturi tas-servizzi marittimi tal-linja eżenzjoni mir-regoli ta’ kompetizzjoni ta’ l-UE biex tħallihom jorganizzaw irwieħhom f’dawk l-hekk imsejħa “konferenzi” bil-għan li jiġu ffissati l-prezzijiet u tiġi kkoordinata l-kapaċità għat-trasport ta’ merkanzija fil-kontejners. F’Settembu 2006, il-Kunsill iddeċieda li jabroga din l-eċċezzjoni mir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE b’effett mit-18 ta’ Ottubru 2008. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jestendi l-ambitu tar-regoli antitrust proċedurali (ir-Regolament KE Nru 1/2003 – li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-regoli antitrust stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE) biex jiġu inklużi l-kabotaġġ (i.e. it-trasport tal-merkanzija bejn żewġ portijiet fl-istess pajjiż) u s-servizzi pprovduti minn bastimenti tat-tagħbija (trasport bil-baħar mingħajr skeda għall-ġarr ta’ merkanzija mhux ippakkjata ġol-kontejners). Dan ifisser li minn issa 'l quddiem il-Kummissjoni tgawdi l-istess setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar fir-rigward tal-kabotaġġ u s-servizzi pprovduti mill-bastimenti tat-tagħbija bħal dawk li għandha fis-setturi ekonomiċi l-oħra kollha.
Dawn il-bidliet jimmarkaw il-bidu ta’ sistema kompetittiva ġdida fis-settur tal-baħar. Biex tiżgura li din is-sistema ġdida trawwem swieq kompetittivi, il-Kummissjoni qablet li tipprovdi gwida għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE li jittratta dwar is-settur tal-baħar. Il-Linji Gwida ġew adottati wara li saret konsultazzjoni dwar abbozz li ġie ppubblikat fl-aħħar ta’ l-2007 (ara IP/07/1325 u MEMO/07/355).
Il-Linji Gwida jiċċaraw ir-regoli ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali fis-settur tal-bastimenti tal-linja u jipprovdu gwida aktar ċara fir-rigward tat-trattament legali tal-pools tas-servizzi pprovduti mill-bastimenti tat-tagħbija. B’mod partikolari, it-test finali jfisser f'aktar dettal iċ-ċirkustanzi li fihom ftehim pool li għall-bidu jkun jidher antikompetittiv jista' jinfeda mill-effetti prokompetittivi tiegħu, bħal mhuma servizzi ta' kwalità aħjar jew prezzijiet orħos għall-konsumaturi.
It-taqsima li tittratta dwar is-settur tal-bastimenti tal-linja ser tapplika għal perjodu ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mit-18 ta’ Ottubru 2008 li hija d-data effettiva tat-tħassir tal-ftehim dwar l-eżenzjoni ġenerali favur il-konferenzi marittimi tal-bastimenti tal-linja.
Ir-riforma tar-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għas-servizzi tat-trasport bil-baħar ser titlesta fix-xhur li ġejjin wara konsultazzjoni pubblika dwar abbozz tar-regolament preliminari dwar it-tiġdid tar-regolament ta’ eżenzjoni ġenerali applikabbli għall-konferenzi marittimi tal-bastimenti tal-linja (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 823/2000 tad-19 ta’ April 2000, kif ġie emendat). Dan ir-regolament jippermetti lill-kumpaniji tal-bastimenti tal-linja jidħlu f’arranġamenti ta’ kooperazzjoni estensiva bil-għan li jfornu servizz konġunt (l-hekk imsejħa "konsorzji"). Il-Linji Gwida marittimi adottati llum huma parti integrali mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Politika Integrata tal-Baħar (ara IP/07/1463 and MEMO/07/403).
Il-verżjoni Ingliża, Ġermaniża u Franċiża tal-Linji Gwida jisabu fil-websajt:
http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/legislation/maritime
Ara
wkoll MEMO/08/460.