Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/1016

Brussell, is-26 ta' Ġunju 2008

Tariffi orħos, konsistenza akbar, aktar kompetizzjoni: il-Kummissjoni tikkonsulta dwar tnaqqis fit-tariffi taċ-ċellulari fl-Ewropa

Illum, bil-għan li tixpruna l-kompetizzjoni fost l-operaturi u li tnaqqas it-tariffi tat-telefonija għall-konsumaturi Ewropej, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamentazzjoni ta’ “rati ta’ terminazzjoni tat-telefonati tal-vuċi” fl-UE, abbażi ta’ abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ terminazzjoni. Ir-rati ta’ terminazzjoni huma tariffi bl-ingrossa li l-operatur ta’ dak il-konsumatur li jirċievi telefonata jiċċarġja lill-operatur tan-netwerk ta’ min ikun qed jagħmel it-telefonata. Inklużi fil-kont tat-telefown ta’ kull klijent, u għalhekk eventwalment imħallsa mill-konsumatur, dawn it-tariffi jiġu ddeterminati bl-intervent ta’ regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni. Fil-preżent, id-deċiżjonijiet tar-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni jirriżultaw f’rati diverġenti ħafna fl-UE. Ir-rati ta’ terminazzjoni tat-telefonati tal-vuċi jvarjaw minn €0.02/min (F’Ċipru) sa aktar minn €0.18/min (fil-Bulgarija) u huma aktar minn disa’ darbiet ogħla mir-rati tat-telefonija fissa (fil-medja €0.0057/min għat-terminazzjoni ta’ telefonata tal-vuċi lokali). Dan jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-operaturi minn pajjiżi differenti u bejn l-operaturi tat-telefonija ċellulari u dik fissa. Il-konsultazzjoni pubblika dwar din il-proposta sejra tkun miftuħa sat-3 ta’ Settembru 2008.

“Rati diverġenti tat-terminazzjoni madwar l-UE u qabżiet kbar bejn ir-rati tat-telefonija ċellulari u dik fissa huma ostakli serji biex jintlaħaq Suq Ewropew Uniku tat-Telekomunikazzjoni li jkun tajjeb għall-kompetizzjoni u għall-konsumaturi. Huwa l-konsumatur li fl-aħħar mill-aħħar iħallas għal dawn id-diverġenzi bejn il-politiki regolatrji nazzjonali,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta’ l-UE għat-Telekomunikazzjoni. “Is-swieq tat-terminazzjoni tat-telefonati fl-UE jeħtieġu t-tiswijiet min-naħa tar-regolaturi. Matul it-tliet snin li ġejjin, nistenna li jkun hemm aktar konsistenza u koordinament biex l-ispejjeż tat-telefonati ċellulari jinżlu b’madwar 70% mil-livell attwali.”

“Rati ta’ terminazzjoni li jkunu tassew orjentati fuq il-kosts sejrin iqawwu l-kompetizzjoni, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Dawn ta’ l-aħħar għandhom jistennew li, b’riżlutat ta’ dan, iħallsu prezzijiet orħos. Din ir-Rakkomandazzjoni sejra wkoll tkun ta’ benefiċċju għal partijiet kbar ta’ l-industrija tat-telekomunikazzjoni, minħabba li x’aktarx li telimina t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-telefonija fissa u dawk tat-telefonija ċellulari,” qalet Neelie Kroes, il-Kummissarju ta’ l-UE għall-Kompetizzjoni. “Sejra tnaqqas ukoll is-somom kbar li l-operaturi ż-żgħar tat-telefonija ċellulari jkollhom iħallsu lill-operaturi l-kbar meta jippruvaw jikkompetu magħhom permezz ta’ l-offerti popolari ħafna tar-rati fissi. Fid-dawl ta’ dawn il-benefiċċji, huwa essenzjali li r-Rakkomandazzjoni tkun implimentata f’waqtha.”

Il-Kummissjoni, wara li vvalutat aktar minn 770 proposta regolatorja mir-regolaturi nazzjonali matul dawn l-aħħar ħames snin, illum wissiet li mhemmx konsistenza fis-swieq tar-rati tat-terminazzjoni fl-Ewropa. Qalet li l-qabżiet bejn ir-rati tat-terminazzjoni għat-telefonija fissa u għal dik ċellulari, kif ukoll bejn ir-rati ta’ terminazzjoni għaċ-ċellulari, imposti min-naħa tar-regolaturi nazzjonali ma jistgħux ikunu għal kollox ġustifikati mill-ispejjeż, in-netwerks u l-karatteristiċi nazzjonali sottostanti. Dan jista’ jkollu l-effetti ħżiena li ġejjin:

  • Nuqqas ta’ ċertezza legali u aktar piż regolatroju għall-operaturi li jipprovdu servizzi transkonfinali.
  • Ir-regolaturi nazzjonali li jbaxxu r-rati ta' terminazzjoni għaċ-ċellulari f'pajjiżjhom ikunu fis-sogru li jtellfu lill-industrija taċ-ċellulri tagħhom jekk regolatur f’pajjiż ġar jibqa’ jippermetti rati ogħla.
  • Jista’ jitfixkel l-investiment f’netwerks ġodda jekk l-operaturi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ regolazzjoni differenti f’kull pajjiż.

Fil-preżent, l-operaturi tat-telefonija fissa u l-klijenti tagħhom indirettament qed jissussidjaw lill-operaturi tat-telefonija ċellulari billi jħallsu rati ta’ terminazzjoni ogħla għal telefonati minn linji fissi għal linji ċellulari. Dan is-sussidju stmat li laħqu €10 biljun fil-Ġermanja għall-perjodu 1998-2006 (WIK Consult), u €19-il biljun fir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza għall-perjodu 1998-2002 (CERNA-Warwick-WIK).

Il-Kummissjoni llum ressqet abbozz ta’ Rakkomandazzjoni għall-konverġenza tar-rati ta’ terminazzjoni fl-Ewropa, inklużi prinċipji ċari dwar liema elementi tal-kosts għandhom jitqiesu meta r-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni jiddeterminaw ir-rati ta’ terminazzjoni, metodoloġija effiċjenti għall-istima tal-kosts, u r-regolazzjoni simmetrika (fejn japplikaw l-istess tariffi massimi, f’pajjiż partikolari, għall-operaturi fissi u għal dawk ċellulari rispettivament). Dan sejjer jgħin biex iġib ‘il quddiem ambjent regolatorju effikaċi u jevita t-tagħwiġ, bħal dak ikkawżat mis-sussidju tal-konsumaturi tat-telefonija fissa favur dawk tat-telefonija ċellulari. Hija u tfassal l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni qieset il-parir tal-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (ERG), li mill-2006 ‘l hawn għamel diversi tenattivi biex tintlaħaq regolazzjoni aktar konsistenti tar-rati ta’ terminazzjoni.

L-isfond
Il-Kummissjoni sejra toħroġ it-test finali tar-Rakkomandazzjoni dwar it-trattament regolatorju tar-rati ta’ terminazzjoni għat-telefonija fissa u dik ċellulari f'Ottubru, skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva Kwadru ta’ l-UE dwar ir-regoli tat-telekomunikazzjoni, li lill-Kummissjoni jippemettulha tarmonizza aktar l-applikazzjoni tar-regoli tat-telekomunikazzjoni ta’ l-UE fis-suq uniku, biex tippromwovi l-kompetizzjoni u l-benefiċċji lill-konsumaturi. L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li r-regolaturi nazzjonali “jqisu bis-sħiħ” ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rati ta’ terminazzjoni hija disponibbli fis-sit:
http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/implementation_enforcement/index_en.htm

Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni jinsab fis-sit: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/termination_rates/index_en.htm

Ix-xogħol ta’ l-ERG dwar ir-rati ta’ terminazzjoni huwa disponibbli fis-sit: http://www.erg.eu.int/doc/publications/erg_07_83_mtr_ftr_cp_12_03_08.pdf

Kontributi għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni jistgħu jintbagħtu lil:

infso-termination@ec.europa.eu

MEMO/08/438

Anness
[ ]
Sors: European Regulators Group, ERG (08) 17 MTR Update Snapshot (il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej, ERG (08) Aġġornament MTR 17)

[ ]
Sors: European Electronic Communications Regulation and Markets, 13th Report (it-13-il Rapport dwar is-Swieq u r-Regolazzjoni tal-Komunikazzjoni Elettronika ta' l-Ewropa)

[ ]
Sors: European Electronic Communications Regulation and Markets, 13th Report (it-13-il Rapport dwar is-Swieq u r-Regolazzjoni tal-Komunikazzjoni Elettronika ta' l-Ewropa)


[ ]

Terminazzjoni tat-telefonati fil-livell lokali: tirreferi għat-twassil ta’ telefonati mill-exchange jew is-swiċċ lokali li jkun l-eqreb lejn l-abbonat li tkun qed issirlu t-telefonata sas-sit ta’ dan ta' l-aħħar fejn tittermina t-telefonata.

Terminazzjoni tat-telefonati fil-livell ta’ tranżitu waħdieni: tirreferi għat-twassil ta’ telefonati minn swiċċ ta’ tranżitu li jkun fuq livell ogħla tan-netwerk permezz ta’ l-exchange jew is-swiċċ lokali għat-terminazzjoni fis-sit ta’ l-abbonat li tkun qed issirlu t-telefonata.

Terminazzjoni tat-telefonati fil-livell ta’ tranżitu doppju: tirreferi għat-twassil ta’ telefonati minn swiċċ ta’ tranżitu li jkun fuq livell ogħla tan-netwerk permezz ta’ żewġ exchanges jew swiċċijiet lokali għat-terminazzjoni fis-sit ta’ l-abbonat li tkun qed issirlu t-telefonata.


Side Bar