IP/08/1003
Brussell, il-25 ta' Ġunju 2008
Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Durão Barroso qal: "L-Att tan-Negozji ż-Żgħar tal-lum hu pass 'il quddiem lejn Ewropa ta' l-imprendituri, b'inqas burokrazija u aktar kondizzjonijiet favorevoli għat-23 miljun SMEs ta' l-Ewropa. Dan l-att għandu l-għan li jgħin lin-negozji ż-żgħar sabiex jirnexxu u jagħti spinta lill-aħjar fosthom biex isiru rebbieħa fuq livell internazzjonali. L-Att tan-Negozji ż-Żgħar hu pass importanti fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Dan se jfisser aktar amministrazzjonijiet pubbliċi kooperattivi, inqas ħlasijiet ta' fatturi tard, aċċess għal aktar għajnuna bil-finanzjament, l-innovazzjoni u t-taħriġ, inqas VAT għas-servizzi fornuti lokalment u aċċess aħjar għall-kuntratti tax-xiri pubbliku. Il-pakkett se jagħti wkoll aċċess lill-SMEs għal Statut ta' Kumpanija Privata Ewropea biex titnaqqas il-burokrazija u żżid ċ-ċarezza".
Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Günter Verheugen, responsabbli għall-impriżi u l-politika industrijali qal "l-Imprendituri u l-intraprenditorija huma ta' importanza enormi għas-soċjetajiet tagħna. Illum u aktar u aktar għada, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju se jipprovdu edukazzjoni professjonali u opportunitajiet ta' impjieg. Għalhekk, l-għoti ta' attenzjoni għall-SMEs ifisser l-għoti ta' attenzjoni għall-impjiegi preżenti u fil-ġejjieni fl-UE. Għalhekk wasal iż-żmien li politika favur l-SME issir il-politika prinċipali fl-UE. L-Att tan-Negozji ż-Żgħar hu mmexxi mill-"prinċipju Aħseb Żgħir l-Ewwwel" u jiżgura s-sostenn ta' l-UE u l-Istati Membri tagħha għall-kumpaniji ż-żgħar. Flimkien nistgħu nwasslu."
Il-Kummissarju tas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy qal: "Il-kumpaniji ż-Żgħar madwar l-Ewropa jistgħu jistennew ħerqana għal strument ġdid biex jinnegozjaw fis-Suq Waħdieni. Is-Soċjetà Ewropea Privata hi transparenti, flessibbli u se tkun punt ta' referenza magħrufa ma' kullimkien. Għalhekk, inħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jilħqu malajr ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni."
Il-President tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI), Philippe Maystadt, żied: "L-analiżi tal-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet ta' l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni proprju tal-BEI: il-benessri u t-tkabbir ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju se jkunu ewlenin għall-kompetittività fil-ġejjieni ta' l-Ewropa. Is-suq waħdu ma jistax jipprovdi finanzjament biżżejjed u prezz xieraq għall-SMEs, speċjalment għal kumpaniji innovattivi b'rata għolja ta' tkabbir. Għalhekk, il-Grupp tal-BEI se jfittex jindirizza l-lakuni fis-suq billi jwessa' l-ambitu tal-finanzjament tiegħu."
Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi sħubija politika ġenwina bejn l-UE u l-Istati Membri li tirrifletti r-rieda politika li jingħaraf ir-rwol ċentrali ta' l-SMEs fl-ekonomija ta' l-UE u biex titwaqqaf għall-ewwel darba politika komprensiva għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-proposta ta' l-SBA tmur id f'id mal-pjanijiet imħabbra mhux ilu tal-Grupp tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment biex jissimplifika, jimmodernizza u jiddiversifika l-firxa ta' l-istrumenti tiegħu biex isostnu l-SMEs.
Fil-qalba ta' l-SBA tinsab il-konvinzjoni li l-kisba ta' l-aħjar kondizzjonijiet possibbli ta' qafas għall-SMEs jiddependu l-ewwel u l-aktar fuq ir-rikonoxximent mis-soċjetà ta' l-imprendituri, li jinkludu s-snajja', l-impriżi ż-żgħar, l-impriżi tal-familja jew ta' l-ekonomija soċjali, u li l-għażla li wieħed jibda n-negozju tiegħu stess tkun waħda attraenti. Dan ifisser li l-perċezzjoni kemmxejn negattiva tar-rwol ta' l-imprendituri u t-teħid ta' riskji fl-UE għandu jinbidel.
L-Att tan-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa jistabbilixxi għaxar prinċipji li għandhom jiġu adottati fl-ogħla livell politiku u miżuri konkreti li jagħmlu l-ħajja eħfef għan-negozji ż-żgħar. Wara konsultazzjoni man-negozji u r-rappreżentanti tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet ukoll li tipproponi leġiżlazzjoni ġdida fl-erba' oqsma li jaffettwaw partikolarment l-SMEs:
10 prinċipji se jiggwidaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-politiki fuq livell ta' l-UE u l-Istati Membri, bħall-għoti ta' opportunità oħra għall-fallimenti tan-negozji, aċċess eħfef għall-finanzjament u għajnuna sabiex l-SMEs jbidlu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet.
Barra mill-impenn permanenti li l-piż amministrattiv jitnaqqas bi 25 % sa' l-2012, il-ħin meħtieġ biex tinbeda kumpanija ġdida m'għandux ikun aktar minn ġimgħa, il-ħin massimu biex jinkisbu l-liċenzji u l-permessi għan-negozju m'għandhomx jaqbżu x-xahar u l-one-stop-shops għandhom iħaffu l-ħolqien ta kumpanijii u l-proċeduri ta' impjieg.
Meta utli, il-Kummissjoni tippjana li tuża dati konkreti f'sena biex iddaħħal fis-seħħ regolamenti/deċiżjonijiet li jaffettwaw in-negozju. L-Istati Membri huma mistiedna jqisu miżuri simili.
L-SBA jinkludi sensiela ambizzjuża ta' miżuri li jippermettu lill-SMEs li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Waħdieni u li jespandu fis-swieq internazzjonali billi jidderieġu aktar riżorsi għall-aċċess tal-kumpanijia ż-żgħar għal finanzjament, ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni. Huma se jagħmluhielhom eħfef li jieħdu sehem fil-proċess ta' l-istabbiliment ta' standards, li jirbħu l-kuntratti ta' xiri pubbliku u li jbidlu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju.
Fl-aħħar, l-SBA ifittex mezzi ġodda kif iqanqal l-interess
fl-intraprenditorija u jrawwem attitudnijiet aktar intraprenditorjali,
speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ, li jixtiequ li jibdew negozju, issa
jistgħu jiksbu l-esperjenza billi jqattgħu l-ħin f'SME barra minn
pajjiżhom permezz tal-programm "Erasmus għall-imprendituri
żgħażagħ" li għadu kemm tnieda. Dan se jgħin
itejjeb ħilithom u jikkontribwixxi għan-netwerking fost l-SMEs
fl-Ewropa. Qegħdin jitwettqu programmi ta' mobbiltà simili
għall-apprendisti.
L-SBA hu integrat bis-sħiħ
fl-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi. L-Istati Membri huma mistiedna
jieħdu vantaġġ mill-aġġornament taċ-ċiklu ta'
Liżbona ta' l-2008 biex jirreflettu l-SBA fil-Programmi ta' Riforma
Nazzjonali tagħhom.
Sfond
Għalkemm 99 % tal-kumpaniji fl-UE huma SMEs (kumpaniji b'massimu ta' 250 ħaddiem u fatturat massimu ta' € 50 miljun), ħafna mil-leġiżlazzjoni u l-proċeduri amministrattivi ma jagħmlux differenza fuq il-bażi tad-daqs tal-kumpanija. Għaldaqstant, 23 miljun SMEs għandhom sikwit l-istess rekwiżiti amministrattivi bħal 41 000 kumpanija kbira ta' l-Ewropa. Tul dawn l-aħħar snin, l-SMEs ħalqu 80 % ta' l-impjiegi ġodda fl-UE.
Għal aktar tagħrif
http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/sba_en.htm
Ir-rapport ta' konsultazzjoni tal-Bank Ewropea ta' l-Investiment:
http://www.eib.org/attachments/strategies/sme-consultation-2007-2008-en.pdf