Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni torganizza seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija għas-CO2 u l-karozzi

European Commission - IP/07/996   03/07/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/996

Brussell, it-3 ta' Lulju 2007

Il-Kummissjoni torganizza seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija għas-CO2 u l-karozzi

Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha seduta ta' smigħ pubbliku fil-11 ta' Lulju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija l-ġdida tagħha sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-karozzi u l-vannijiet il-ġodda li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea. L-istrateġija l-ġdida, proposta fi Frar 2007, għandha l-għan li tilħaq il-mira ta' l-UE ta' medja ta' 120g ta' dijossidu tal-karbonju (CO2) kull kilometru għall-karozzi l-ġodda sa l-2012 permezz ta' approċċ integrat Is-sedu ta' smigħ pubbliku hija maħsuba biex jinġabru l-fehmiet u l-ideat tal-partijiet interessati kollha dwar l-alternattivi disponibbli għat-tfassil tad-diversi komponenti leġiżlattivi ta' l-approċċ integrat.

It-trasport bit-triq jiġġenera madwar 20% ta' l-emissjonijiet ta' CO2 fl-UE, u l-karozzi tal-passiġġieri huma responsabbli għal madwar 12%. Minkejja li fl-aħħar snin rajna titjib sinifikanti fit-teknoloġija tal-vetturi – partikolarment fl-effiċjenza tal-fjuwil, u b'hekk tnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 – dan ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-effett taż-żidiet fit-traffiku u fid-daqs tal-karozzi. Filwaqt li l-UE-25 naqqsu l-emissjonijiet globali tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra bi kważi 5% bejn l-1990 u l-2004, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq telgħu b'26% minkejja tnaqqis fil-meda ta' l-emissjonijiet mill-karozzi l-ġdda ta' 12.4% bejn l-1995 u l-2004.

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata sabiex tindirizza din iż-żieda fl-emissjonijiet. F'dan il-kuntest, fis-7 ta' Frar 2007, ippubblikat żewġ komunikazzjonijiet dwar l-istrateġija sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi[1], u dwar il-qafas regolatorju tal-ġejjieni fis-settur tal-karozzi[2].. Kif intqal f'dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi approċċ integrat bil-għan li tilħaq il-mira ta' l-UE ta' medja ta' 120g ta' dijossidu tal-karbonju (CO2) kull kilometru għall-karozzi l-ġodda mill-2012.

Dan is-smigħ pubbliku għandu jlaqqa' l-partijiet interessati ewlenin biex jinġabru l-opinjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni u sabiex jintlaqgħu il-kontributi u l-ideat tal-partijiet interessati dwar l-alternattivi disponibbli għat-tfassil tal-qafas leġiżlattiv fil-ġejjieni, fosthom l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' dawn l-għażliet. Konsultazzjoni pubblika fuq l-internet se tibqa' għaddejja sal-15 ta' Lulju 2007. .

Il-laqgħa se ssir fil-bini Charlemagne (il-kamra Alcide de Gasperi) mid-9.00 sas-13.00. Il-laqgħa se tkun ippresjeduta u miftuħa minn Catherine Day, is-Segretarja Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Sur Mogens Peter Carl, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Ambjent u s-Sur Heinz Zourek, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Intrapriża. Se jieħdu sehem ukoll rappreżentanti mis-settur tal-karozzi, (kemm manifatturi u fornituri), NGOs u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi . Il-laqgħa hija miftuħa għall-ġurnalisti akkreditati fi Brussell.

L-aħħar aġġornament tal-programm flimkien ma' informazzjoni dwar kif tirreġistra jinsabu fil-websajt:

Is-CO2 u l-Karozzi: Il-Websajt tal-Konsultazzjoni pubblika:
http://ec.europa.eu/reducing_co2_emissions_from_cars/index_mt.htm

Aktar tagħrif dwar il-proposti tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007 jinsab fi:

Il-websajt tad-DĠ Ambjent dwar is-CO2 u l-karozzi: http://ec.europa.eu/environment/co2/co2_home.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, CARS 21: http://ec.europa.eu/enterprise/automotive/pagesbackground/competitiveness/cars21.htm


[1] Riżultati ta' l-Analiżi ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali żgħar. COM (2007) 19

[2] Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21. COM (2007) 22


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website