Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/971

Brussell, id-29 ta' Ġunju 2007

Kompetizzjoni: Ir-Rapport Annwali 2006 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, kontribuzzjoni għal Politika Ekonomika Ewropea favur it-Tkabbir u l-Impjieg

Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Rapport Annwali 2006 tagħha dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fil-Politika tal-Kompetizzjoni fl-2006. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor it-tibdil fir-regoli u l-politika tal-kompetizzjoni u juri, permezz ta' eżempji speċifiċi, kif l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni kienu qed jintużaw fil-bini ta' ekonomija Ewropea iktar b'saħħitha u għall-benefiċċju kemm tal-komsumaturi kif ukoll tan-negozji

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet "Il-Politika tal-Kompetizzjoni tkompli taħdem għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej. Is-salvagwardja u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni bla xkiel hija parti integrali għat-twettiq tas-Suq Uniku. Ir-Rapport Annwali juri kif dan seħħ fill-prattika fl-2006. Din il-ħarsa ġenerali lejn il-ġlieda kontra l-kartelli, l-abbuż ta' pożizzjoniet dominanti u għajnuna illegali mill-Istat turi r-riżultati konkreti tal-politika tal-kompetizzjoni mwettqa biex is-swieq jaħdmu aħjar għaċ-ċittadini Ewropej kollha."

Antitrust

Fl-2006 il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet kontra 7 kartelli, b'multi għal 41 impriża għal total ta' €1,846 miljun. It-tmiem ta' dawn is-7 kartelli għandu joħloq titjib sostanzjali fil-ħidma tas-swieq involuti, spiss bil-għoti ta' għażla ġenwina u kompetizzjoni fil-prezz għall-ewwel darba fi żmien twil. Sabiex iżżid l-effet deterrenti tal-multi tagħha, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida ġodda dwar il-metodu ta' l-għoti ta' multi (ara IP/06/857 ). L-Avviż ta' Klemenża ġie rrivedut biex jipprovdi iktar gwida għall-whistleblowing (ara IP/06/1705) u biex tkompli tiddestabilizza l-kartelli. Ittieħdu iktar passi biex ikunu sanzjonati l-abbużi ta' dominanza: infetħu każijiet kontra Telefónica u Distrigaz (ara MEMO/06/91 u MEMO/06/197) u ġiet adottata deċiżjoni finali li timponi multa ta' €24 miljun għall-grupp Tomra (ara IP/06/398). Id-deċiżjonijiet ta' impenn fil-każijiet dwar il-Ftehim ta' Estensjoni ta' l-FA Premier League REPSOL u ta' Cannes (ara IP/06/356, IP/06/495 u IP/06/1311) juru li l-impennji jkomplu jkunu metodu effettiv fl-indirizzar tal-problemi tal-kompetizzjoni. Ħlas ta' multa perjodika ta' €280.5 miljun ġiet imposta fuq Microsoft minħabba nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi tagħha skond deċiżjoni preċedenti ta' l-2004 (ara IP/06/979).

Amalgamazzjonijiet

In-numru ta' amalgamazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni fl-2006 laħaq livell rekord ta' 356. Saru investigazzjonijiet profondi f'13-il każ, żewġ konċentrazzjonijiet twaqqfu bin-notifika lill-partijiet matul l-investigazzjoni profonda u ma ttieħdu ebda deċiżjonijiet ta' projbizzjoni. 13-il tranżazzjoni ġew meħlusa b'kundizzjonijiet li jiżguraw li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod sinifikanti. Pereżempju, rimedji li nkisbu mill-Kummissjoni fil-każ T-Mobile Austria/tele.ring jippermettu lill-konsumaturi jkomplu jibbenefikaw minn offerti favorevoli ta' telefonija mobbli (ara IP/06/535).

Għajnuna mill-Istat

Fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet progress sostanzjali fir-riformi mnedija fil-Pjan ta' Azzjoni 2005 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ara IP/05/680 u MEMO/05/195). Regolament ta' Eżenzjoni ta' kategorija ġdid issimplifika l-approvazzjoni ta' l-għajnuna ta' l-investiment reġjonali (ara IP/06/1453). Ġie stabbilit qafas ġdid ta' għajnuna mill-Istati għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni. Ġew adottati Linji Gwida ġodda dwar il-Kapital tar-Riskju. Dawn iż-żewġ settijiet ta' regoli huma pass 'il quddiem ta' kwalità fl-indirizzar ta' sussidji pubbliċi lejn nuqqasijiet ippruvati tas-suq sabiex tingħata għajnuna fil-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ekonomiċi favur it-tkabbir u l-impjieg fl-Ewropa. Ir-Regolament 'de minimis' il-ġdid jeżenta iktar sussidji żgħar mill-obbligu li jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni bil-quddiem (ara IP/06/1765). Flimkien ma' dawn ir-riformi kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont ta' xogħol fil-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, b'reġistrazzjoni ta' 921 każ ġdid.

Ir-Rapport jagħti ħarsa wkoll lejn kif it-taħlita tal-politika dwar il-kompetizzjoni u strumenti oħra ntużaw f'setturi magħżula ta' prijorità bħall-enerġija, is-servizzi finanzjarji u t-telekomunikazzjonijiet għat-titjib fil-funzjonament ta' dawn is-swieq li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum ta' konsumaturi fl-Ewropa kollha. L-indirizzar ta' ostakli għall-kompetizzjoni f'dawn is-setturi tippromwovi tkabbir ekonomiku u żieda fl-impjieg mhux biss fis-setturi nfushom, iżda wkoll fis-setturi industrijali kollha li jużaw dawn il-prodotti essenzjali.
Id-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni addizzjonali sostanzjali. It-testi sħaħ tar-Rapport u d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/comm/competition/annual_reports/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website