Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/95

Brussell, il-25 ta' Jannar 2007

Il-kontenut kreattiv permezz ta' l-internet se jikber b'aktar minn 400%, skond studju tal-Kummissjoni – opportunità għall-Ewropa

Id-dħul mill-kontenut permezz ta' l-internet sa l-2010 se jilħaq €8.3 biljun fl-Ewropa, żieda ta' aktar minn 400% f'ħames snin, skond studju ġdid li sar għall-Kummissjoni Ewropea. Għas-setturi l-aktar avvanzati, il-kontenut permezz ta' l-internet sejjer jirrappreżenta sehem sinifikanti mid-dħul totali: madwar 20% għall-mużika u 33% għal-logħbiet elettroniċi. L-istudju juri li, bis-saħħa ta' l-aċċessibbiltà usa' tal-broadband, l-implimentazzjoni ta' netwerks avvanzati tat-telekomunikazzjoni ċellulari, u l-adozzjoni massiva tat-tagħmir diġitali, id-distribuzzjoni permezz ta' l-internet għas-suq tal-massa qed issir realtà, u dan qed joħloq opportunitajiet uniċi fl-Ewropa.

"il-konverġenza diġitali, li tant ilna nistennewha, qed issir realtà ekonomika, u qed toħloq opportunitajiet kbar għall-konsumaturi, il-fornituri tal-kontenut, u l-industriji tat-teknoloġija fl-Ewropa," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà ta'l-Informazzjoni u l-Media. "L-isfruttament ta' dawn l-opportunitajiet jirrikjedi li dak li jkun iħares lejn il-kwistjonijiet tekniċi u ġuridiċi minn perspettiva ġdida, b'tali mod li approċċ immodernizzat u orjentat lejn is-suq ikattar il-valur tal-kontenut Ewropew. Minħabba li qed inħejji l-pakket tiegħi 'Kontenut permezz ta' l-Internet fis-Suq Uniku Ewropew' għat-tieni nofs ta' l-2007, l-istudju tal-lum sejjer ikunli ta' siwi.

Dan l-istudju l-ġdid dwar il-'Kontenut Interattiv u l-Konverġenza: Implikazzjonijiet għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni' vvaluta l-potenzjal tas-suq emerġenti tal-kontenut kreattiv permezz ta' l-internet. Sab li, minkejja li s-suq qed jikber b'rata kostanti, l-isfidi teknoloġiċi, ekonomiċi u ġuridiċi – partikolarment id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-interoperabbiltà – jeħtiġilhom jiġu indirizzati sabiex l-Ewropa tkun tista' tadotta s-suq b'aktar ħeffa. L-istudju sab li l-Ewropa għadha lura mill-pożizzjonijiet ta' quddiemnett sew ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika f'dak li huwa l-iżvilupp ta' servizzi fissi tal-broadband, kif ukoll tal-Ġappun u l-Korea fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni ċellulari.

Wara konsultazjzoni wiesgħa, l-istudju identifika 36 ostaklu għall-iżvilupp tal-kontenut fuq l-internet, u jivvaluta l-impatt tagħhom fuq is-suq sa l-2010.

L-ostaklu l-aktar evidenti llum huwa dak tal-konnettività. Minkejja li l-broadband qed jinxtered bil-ħeffa, u li l-konsumaturi qed iħaddnuh bl-entużjażmu, hemm ir-riskju li d-differenzi bejn l-Istati Membri jibqgħu kbar. Għas-servizzi ċellulari, l-ostakli jinkludu l-adozzjoni kajmana tat-3G fl-Ewropa, u l-prezzijiet u l-istrutturi tat-tariffi tad-data, li ġieli jikkawżaw il-konfużjoni.

Ħafna mill-partijiet involuti fis-suq għad jeħtiġilhom jadattaw irwieħhom għat-teknoloġiji l-ġodda tad-distribuzzjoni, li ma jirrispettawx il-fruniteri nazzjonali u s-separazzjonijiet tradizzjonali bejn is-setturi. Dan għadu ostaklu kbir għall-iżvilupp tal-kontenut permezz ta' l-internet. Madankollu, qed jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u kollaborattivi biex jisfruttaw il-kontenut permezz ta' l-internet.

il-piraterija terda' d-dħul potenzjali, u lill-kumpaniji tal-media żżommhom milli jagħmlu l-kontenut disponibbli permezz ta' l-internet. Sistemi effiċjenti tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali (DRM) għall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-kontenut diġitali huma meħtieġa għall-implimentazzjoni żgura u sostenibbli tad-distribuzzjoni diġitali. Madankollu, it-tħassib dwar in-nuqqas ta' interoperabbiltà jew ta' l-istandardizzazzjoni fid-DRM jistgħu, fit-tul, itellfu s-servizzi diġitali tal-kontenut.

L-aċċettazzjoni tas-servizzi ġodda tal-kontenut min-naħa tal-konsumaturi, nuqqas ta' ħiliet speċjalizzati fi ħdan il-kumpaniji tal-media, jew l-ispiża tad-diġitizzazzjoni tal-kontenut, ilkoll għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq.

Filwaqt li xi ostakli huma dinjija, oħrajn joħorġu mill-qafas tas-suq u tal-liġijiet Ewropej. Dawn għandhom mnejn inaqqsu l-pass tat-tkabbir u tal-kompetittività b'mod sinifikanti. Aktar ma jimmatura s-suq, l-evoluzzjoni tal-prattiki kummerċjali sejra twarrab xi ostakli, imma oħrajn jistgħu jkunu jirrikjedu miżuri min-naħa ta' l-industrija u tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE biex lill-konsumaturi, il-fornituri tal-kontenut u l-industrija tat-tagħmir tingħatalhom iċ-ċertezza ġuridika.

L-istudju sejjer ikun sors importanti ta' elementi għall-proposti tal-Kummissjoni dwar 'Kontenut permezz ta' l-Internet fis-Suq Uniku Ewropew' li għandu mnejn jitressqu fit-tieni nofs ta' l-2007. Il-kwestjonarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar 'Kontenut permezz ta' l-Internet fis-Suq Uniku Ewropew' (mit-28 ta' Lulju sat-13 ta' Ottubru 2006) u s-seduta pubblika fil-11 ta' Ottubru 2006 ħallew aktar minn 175 kontribut bil-kitba, li bħalissa qed jiġu analizzati bil-ħsieb tat-tfassil tal-proposti. Aktar minn 160 kontribut ittellgħu fuq l-internet.

Għal aktar informazzjoni (bl-Ingliż):

http://europa.eu.int/information_society/eeurope/i2010/studies/index_en.htm#interactive

http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/other_actions/content_online/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website